Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 37

Afda f’Ġeħova Bħalma Għamel Sansun

Afda f’Ġeħova Bħalma Għamel Sansun

“Jekk jogħġbok, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ftakar fija u saħħaħni.”—MĦ. 16:28.

GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. Għala hu importanti li nistudjaw ir-rakkont taʼ Sansun?

 X’JIĠIK f’moħħok meta tismaʼ l-isem Sansun? X’aktarx jiġi f’moħħok raġel b’saħħtu ħafna. U hekk kien. Imma darba waħda ħa deċiżjoni ħażina u kellu jbati l-konsegwenzi. Minkejja dan, Ġeħova ffoka fuq dak kollu li Sansun għamel biex jaqdih. U fil-Bibbja Alla niżżel ir-rakkont taʼ Sansun biex aħna nitgħallmu minnu.

2 Ġeħova uża lil Sansun biex jagħmel affarijiet tal-għaġeb ħalli jgħin l-Iżraelin, li kienu l-poplu tiegħu. Mijiet taʼ snin wara li miet Sansun, Ġeħova uża lill-appostlu Pawlu biex iniżżel l-isem taʼ Sansun mal-lista taʼ rġiel li kellhom fidi kbira. (Ebr. 11:​32-34) L-eżempju taʼ Sansun jistaʼ jinkuraġġina. Hu straħ fuq Ġeħova anki meta ffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli. F’dan l-artiklu se naraw x’nistgħu nitgħallmu minn Sansun u kif l-eżempju tiegħu jistaʼ jinkuraġġina.

SANSUN KIEN JAFDA F’ĠEĦOVA

3. Sansun x’inkarigu rċieva mingħand Ġeħova?

3 Meta twieled Sansun, il-Filistin kienu qed imexxu fuq l-Iżraelin u kienu qed jaħqruhom. (Mħ. 13:1) L-Iżraelin batew ħafna taħt il-Filistin għax kienu kattivi ħafna magħhom. Ġeħova għażel lil Sansun biex “jieħu t-tmexxija f’li jsalva lil Iżrael minn id il-Filistin.” (Mħ. 13:5) Din ma kinitx xi ħaġa faċli, allura Sansun kellu jafda f’Ġeħova.

Sansun kien jafda f’Ġeħova u kien lest li jagħmel il-bidliet biex jaqdi lil Ġeħova bl-aħjar mod. Hu uża dak li sab biex jagħmel dak li ried Ġeħova (Ara paragrafi 4-5)

4. Ġeħova kif għen lil Sansun biex jinħeles mill-Filistin? (Imħallfin 15:​14-16)

4 Ejja naraw eżempju fejn Sansun straħ fuq Ġeħova għall-għajnuna. Darba waħda, suldati Filistin telgħu biex jaqbdu lil Sansun f’Leħi, li x’aktarx kien post f’​Ġuda. L-irġiel taʼ Ġuda bdew jibżgħu, għalhekk iddeċidew li jagħtu lil Sansun f’idejn l-għedewwa tagħhom. Huma rabtuh b’żewġt iħbula u tawh lill-Filistin. (Mħ. 15:​9-13) Imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova, Sansun irnexxielu jaqtaʼ l-ħbula. Imbagħad, Sansun “sab xedaq taʼ ħmar,” ġabru, u użah biex joqtol 1,000 raġel Filisti!—Aqra Imħallfin 15:​14-16.

5. Sansun kif wera li straħ fuq Ġeħova?

5 Ix-xedaq taʼ ħmar ma kienx arma li kienu jiġġieldu biha, allura Sansun għala użah? Bla dubju, Sansun kien jaf li Ġeħova kien se jgħinu jirbaħ lill-Filistin bi kwalunkwe arma. Dan ir-raġel leali uża dak li sab biex jagħmel dak li ried Ġeħova. Sansun rebaħ lill-irġiel kollha għax straħ fuq Ġeħova.

6. X’inhi waħda mil-lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu minn Sansun?

6 Ġeħova se jagħti s-saħħa lilna wkoll biex nagħmlu dak li jrid hu, anki jekk l-inkarigu li jkollna jkun jidher impossibbli għalina. U hu jistaʼ jgħinna b’mod li ma nkunux qed nistennew. Kun ċert li Ġeħova, li għen lil Sansun, se jgħin lilek ukoll. B’hekk se tagħmel dak li jrid Ġeħova jekk tistrieħ fuqu għall-għajnuna.—Prov. 16:3.

7. Liema eżempju juri li hu importanti li dejjem infittxu d-direzzjoni taʼ Ġeħova?

7 Ħafna minn ħutna li għenu fil-proġetti tal-bini wrew li fdaw f’Ġeħova. Fil-passat, l-aħwa spiss kienu jiddisinjaw u jibnu ħafna mis-Swali tas-Saltna u bini ieħor. Imma minħabba li ħafna nies qegħdin jitgħammdu, l-organizzazzjoni kellha tagħmel xi bidliet. L-aħwa responsabbli talbu għall-gwida taʼ Ġeħova u pprovaw metodi ġodda, bħal pereżempju xtraw postijiet u rranġawhom. Robert, li għal dawn l-aħħar snin ħadem f’ħafna proġetti tal-bini madwar id-dinja, jgħid: “Għall-bidu, għal xi aħwa ma kienx faċli li jagħmlu l-affarijiet b’mod differenti għax inbidlu ħafna minn kif konna ilna nagħmluhom għal ħafna snin. Imma l-aħwa kienu lesti li jaddattaw, u stajna naraw b’mod ċar li Ġeħova qed ibierek dawn l-arranġamenti.” Dan hu eżempju wieħed kif Ġeħova qed imexxi l-poplu tiegħu biex jagħmlu dak li jixtieq hu. Minn żmien għal żmien, għandna nsaqsu lilna nfusna, ‘Qed nara x’inhi d-direzzjoni taʼ Ġeħova, u lest li nagħmel il-bidliet li jkun hemm bżonn biex naqdih bl-aħjar mod?’

SANSUN ĦA VANTAĠĠ MILL-GĦAJNUNA TAʼ ĠEĦOVA

8. Sansun x’għamel meta darba kellu ħafna għatx?

8 Forsi taf b’affarijiet tal-għaġeb oħra li għamel Sansun. Darba waħda, hu qatel iljun u iktar tard qatel 30 raġel f’Askelon. (Mħ. 14:​5, 6, 19) Sansun kien jaf li ma setax jagħmel dawn l-affarijiet mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova. Dan deher ċar meta darba waħda qabdu ħafna għatx wara li qatel 1,000 raġel Filisti. Sansun x’għamel? Minflok ma pprova jfittex l-ilma biex jixrob, hu talab lil Ġeħova għall-għajnuna.—Mħ. 15:18.

9. Ġeħova x’għamel meta Sansun talab għall-għajnuna? (Imħallfin 15:19 u n-nota taʼ taħt)

9 Ġeħova għen lil Sansun billi b’miraklu pprovdielu l-ilma biex jixrob. U meta Sansun xorob minnu, “ħa r-ruħ.” (Aqra Imħallfin 15:19 u n-nota taʼ taħt.) Milli jidher, din il-ħofra tal-ilma kienet għadha teżisti snin wara meta l-profeta Samwel kiteb il-ktieb tal-​Imħallfin. L-Iżraelin li raw l-ilma x’aktarx ftakru li jekk il-qaddejja leali taʼ Ġeħova jistrieħu fuqu meta jkunu fil-bżonn, hu se jgħinhom.

Sansun reġaʼ ħassu b’saħħtu wara li xorob l-ilma li pprovdielu Ġeħova. Bħal Sansun, aħna rridu naċċettaw l-għajnuna li jagħtina Ġeħova biex nibqgħu leali lejh (Ara paragrafu 10)

10. Xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jgħinna? (Ara l-istampa.)

10 Huma x’inhuma l-abbiltajiet li għandna u anki jekk għamilna ħafna affarijiet fix-xogħol taʼ Ġeħova, aħna xorta rridu nistrieħu fuqu għall-għajnuna. Aħna rridu nkunu umli u nammettu li bl-għajnuna taʼ Ġeħova biss nistgħu nagħmlu l-affarijiet li jridna hu. Sansun reġaʼ ħassu b’saħħtu meta xorob l-ilma li tah Ġeħova. Bħal Sansun, biex nibqgħu leali lejn Ġeħova rridu naċċettaw l-għajnuna tiegħu.—Mt. 11:28.

11. Kif nistgħu nistrieħu fuq Ġeħova għall-għajnuna, u koppja x’għamlet?

11 Aħseb dwar l-eżempju taʼ Aleksey, ħu fir-Russja li qiegħed jissaporti persekuzzjoni kbira. X’għenu biex jissaporti ċirkustanzi diffiċli ħafna? Hu u l-mara tiegħu għandhom rutina spiritwali tajba. Hu jgħid: “Jien nipprova naqra l-Bibbja kuljum u nagħmel l-istudju personali tiegħi b’mod regolari. Kull filgħodu, jien u l-mara naqraw l-iskrittura tal-jum u nitolbu flimkien.” X’nistgħu nitgħallmu minn dan l-eżempju? Minflok ma nistrieħu fuqna nfusna, irridu nafdaw f’Ġeħova. Kif? Billi b’mod regolari nagħmlu affarijiet li jsaħħu l-fidi tagħna, bħal li nistudjaw il-Bibbja, nitolbu, immorru l-laqgħat, u nippritkaw. Imbagħad Ġeħova se jagħtina l-għajnuna li jkollna bżonn biex inkomplu naqduh. Hu saħħaħ lil Sansun u żgur li jistaʼ jsaħħaħ lilek ukoll.

SANSUN MA QATAX QALBU

12. Sansun liema deċiżjoni ħażina ħa, u għala kienet differenti mill-oħrajn?

12 Sansun kien imperfett bħalna, għalhekk xi kultant ħa deċiżjonijiet ħżiena. Waħda mid-deċiżjonijiet li ħa wasslet għal konsegwenzi koroh. Wara li Sansun qeda bħala mħallef għal xi żmien, “sar iħobb mara mill-Wied taʼ Sorek li kien jisimha Dalila.” (Mħ. 16:4) Xi żmien qabel, Sansun ried jiżżewweġ mara mill-poplu tal-Filistin. ‘Dan kien minn Ġeħova, għax hu kien qed ifittex opportunità biex jiġġieled kontra l-Filistin.’ Iktar tard, Sansun qagħad f’dar taʼ prostituta f’Gaża. Imbagħad Alla ta s-saħħa lil Sansun biex iġorr il-bibien taʼ bieb il-belt, u b’hekk il-belt saret inqas b’saħħitha. (Mħ. 14:​1-4; 16:​1-3) Imma x’aktarx, Dalila kienet Iżraelija, għalhekk din ir-relazzjoni ma kinitx se tgħinu biex jiġġieled kontra l-Filistin.

13. Dalila x’għamlitlu lil Sansun?

13 Dalila aċċettat somma flus kbira mingħand il-Filistin biex tittradixxi lil Sansun. Forsi minħabba li kien iħobbha ħafna, Sansun ma setax jinduna x’kien l-iskop tagħha. Dalila għamlet pressjoni lil Sansun biex jgħidilha minn fejn kien iġib is-saħħa, u fl-aħħar qalilha. B’dispjaċir, minħabba l-iżball li għamel, għal xi żmien tilef is-saħħa li kellu u l-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova.—Mħ. 16:​16-20.

14. X’ġaralu Sansun għax fada f’Dalila?

14 Minħabba li Sansun fada f’Dalila minflok f’Ġeħova, bata ħafna. Il-Filistin qabduh u għamewh. Imbagħad tefgħuh il-ħabs f’Gaża, fejn qabel kien qalaʼ l-bibien tal-belt. In-nies għamluh skjav u qabbduh jitħan iċ-ċereali. Imbagħad il-Filistin ħadu lil Sansun għal waħda mill-festi tagħhom. Huma offrew sagrifiċċju kbir lill-alla falz Dagon għax ħasbu li hu għenhom jaqbdu lil Sansun. Huma ħadu lil Sansun il-festa biex “jidħqu bih.”—Mħ. 16:​21-25.

Ġeħova saħħaħ lil Sansun biex jiġġieled kontra l-Filistin biex isir dak li ried Hu (Ara paragrafu 15)

15. Sansun kif wera li reġaʼ straħ fuq Ġeħova? (Imħallfin 16:​28-30) (Ara l-istampa tal-qoxra.)

15 Minkejja li Sansun għamel żball serju, hu xorta baqaʼ jaqdi lil Ġeħova. Hu fittex opportunità biex jiġġieled kontra l-Filistin għax kien jaf li hekk xtaqu jagħmel Ġeħova. (Aqra Imħallfin 16:​28-30.) Sansun talab mill-qalb lil Ġeħova: “Ħallini nivvendika ruħi mill-Filistin.” L-Alla l-veru wieġeb it-talb taʼ Sansun u reġaʼ tah saħħa kbira. Għalhekk, Sansun dakinhar qatel iktar Filistin milli qatt kien qatel qabel.

16. X’nistgħu nitgħallmu mill-iżball taʼ Sansun?

16 Għalkemm Sansun bata l-konsegwenzi koroh tal-iżball tiegħu, hu baqaʼ jipprova jagħmel dak li ried Ġeħova. Mela anki jekk niżbaljaw u ningħataw id-dixxiplina jew nitilfu xi privileġġ, m’għandniex naqtgħu qalbna. Ftakar li Ġeħova dejjem lest li jaħfrilna. (Salm 103:​8-10) Avolja nkunu żbaljajna, Ġeħova jistaʼ jagħtina s-saħħa biex nagħmlu r-rieda tiegħu, eżatt bħalma għamel maʼ Sansun.

Wisq probabbli Sansun ħassu vera ħażin minħabba l-iżball li kien għamel, imma hu xorta kompla jaqdi lil Ġeħova, u aħna għandna nagħmlu bħalu (Ara paragrafi 17-18)

17-18. L-eżempju taʼ Michael għala jinkuraġġik? (Ara l-istampa.)

17 Ikkunsidra l-eżempju taʼ żagħżugħ jismu Michael. Hu kien jaħdem ħafna għal Ġeħova. Kien jaqdi bħala qaddej ministerjali u pijunier regulari. Imma b’dispjaċir, għamel żball u minħabba f’hekk tilef il-privileġġi li kellu. Hu qal, “Kelli ħafna x’nagħmel fix-xogħol taʼ Ġeħova, imbagħad f’daqqa waħda ħassejt li ma stajt nagħmel xejn għalih. Kont ċert li Ġeħova mhux ħa jitlaqni, imma kont niddubita jekk setax jerġaʼ jkolli ħbiberija tajba miegħu jew jekk stajtx naqdi fil-kongregazzjoni bħalma kont.”

18 Xi ħaġa sabiħa li għamel Michael hi li ma qatax qalbu. Hu jkompli jgħid: “Jien ħdimt ħafna biex nersaq eqreb lejn Ġeħova billi taʼ spiss kont nitolbu, nistudja, u nimmedita.” Maż-żmien, Michael reġaʼ ngħata l-privileġġi fil-kongregazzjoni. Issa hu jaqdi bħala anzjan u bħala pijunier regulari. Hu qal: “L-inkuraġġiment li rċivejt mingħand l-aħwa u l-anzjani għenni nara li Ġeħova għadu jħobbni. Issa nistaʼ nerġaʼ naqdi lil Ġeħova b’kuxjenza nadifa. Dan għallimni li Ġeħova jaħfer lil kull min vera jiddispjaċih.” Nistgħu nkunu ċerti li jekk nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nirranġaw l-iżbalji tagħna u nkomplu nistrieħu fuq Ġeħova, hu se jużana u jberikna.—Salm 86:5; Prov. 28:13.

19. L-eżempju taʼ Sansun kif inkuraġġiek?

19 F’dan l-artiklu rajna xi affarijiet tal-għaġeb li għadda minnhom Sansun. Hu ma kienx perfett, imma xorta baqaʼ jaqdi lil Ġeħova, anki wara l-iżball li għamel maʼ Dalila. U Ġeħova ma qatax qalbu minnu. Fil-fatt reġaʼ użah biex jagħmel xi ħaġa kbira. Ġeħova xorta waħda qies lil Sansun bħala raġel li kellu fidi kbira. Infatti Sansun qiegħed fil-lista taʼ nies leali li nsibu f’​Ebrej kapitlu 11. Kemm hu inkuraġġanti li naqdu lil Missierna tas-sema li vera jixtieq isaħħaħna, speċjalment meta jkollna bżonn l-għajnuna tiegħu minħabba l-problemi! Għalhekk bħal Sansun, ejja nitolbu lil Ġeħova: “Ftakar fija u saħħaħni.”—Mħ. 16:28.

GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama

a Ħafna nies jafu b’Sansun, anki dawk li ma jafux ħafna dwar il-Bibbja. Ġieli tismaʼ l-istorja tiegħu f’diski, films, u dramas. Imma r-rakkont tiegħu mhux sempliċiment storja. Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna minn dan ir-raġel taʼ fidi kbira.