Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 40

Kompli Aqdi lil Ġeħova, bħal Pietru

Kompli Aqdi lil Ġeħova, bħal Pietru

“Tbiegħed minni, għax jien raġel midneb, Mulej.”—LQ. 5:8.

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Pietru kif ħassu wara li Ġesù għenu jaqbad ħafna ħut?

 PIETRU għamel lejl sħiħ jistad u ma qabad xejn. Imbagħad Ġesù qallu: “Oħroġ ’il barra fejn hu fond, u itfgħu x-xbieki tagħkom ħa taqbdu qabda ħut.” (Lq. 5:4) Hu għamel dak li qallu Ġesù, avolja ddubita jekk kienx se jaqbad ħut. Pietru u l-irġiel li kienu jaħdmu miegħu tant qabdu ħut li x-xbieki bdew jinqatgħu. Meta ndunaw li Ġesù kien għadu kif għamel miraklu ‘baqgħu mistagħġbin.’ Pietru qal lil Ġesù: “Tbiegħed minni, għax jien raġel midneb, Mulej.” (Lq. 5:​6-9) Milli jidher, Pietru ħass li ma kienx jixraqlu jkun ma’ Ġesù.

2. L-eżempju taʼ Pietru kif jgħinna?

2 Pietru kellu raġun jgħid li kien “raġel midneb.” Fil-Bibbja naraw li hu ġieli qal u għamel affarijiet li wara ddispjaċieh. Ġieli tħossok bħal Pietru? Hemm xi kwalità li ssibha diffiċli biex taħdem fuqha? Jew ilek taħdem fuq xi dgħufija għal ħafna żmien? Jekk iva, l-eżempju taʼ Pietru se jinkuraġġik. Kif? Aħseb dwar dan. Kieku ried Ġeħova, setaʼ ma niżżilx l-iżbalji taʼ Pietru fil-Bibbja. Imma hu ried li jinkitbu biex aħna nitgħallmu minnhom. (2 Tim. 3:​16, 17) Jekk nitgħallmu dwar dan ir-raġel li kellu dgħufijiet bħal tagħna u li kien iħossu bħalna, se jgħinna naraw li Ġeħova ma jistenniex li nkunu perfetti. Hu jrid li ma naqtgħux qalbna minkejja n-nuqqasijiet tagħna.

3. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna?

3 Għala hu importanti li ma naqtgħux qalbna? Għax meta nibqgħu nipprovaw nagħmlu xi ħaġa, se nsiru aħjar fiha. Pereżempju, meta xi ħadd ikun irid jitgħallem il-vjolin jaf li se jieħu ħafna żmien. Matul dak iż-żmien, se jieħu ħafna żbalji, imma jekk jibqaʼ jipprattika se jitgħallem idoqqu sew. U anki meta jitgħallem idoqqu sew kultant se jieħu xi żball. Imma żgur mhux se jaqtaʼ qalbu u jieqaf idoqq. Bl-istess mod, anki meta naħsbu li għelibna xi dgħufija nistgħu nerġgħu niżbaljaw. Imma rridu nkomplu naħdmu biex insiru aħjar. Kulħadd jgħid jew jagħmel affarijiet li wara jiddispjaċih. Imma jekk ma naqtgħux qalbna Ġeħova se jibqaʼ jgħinna nagħmlu progress. (1 Pt. 5:10) F’dan l-artiklu se naraw għala Pietru ma qatax qalbu. L-imħabba li wera miegħu Ġesù minkejja n-nuqqasijiet tiegħu tistaʼ tgħinna biex inkomplu naqdu lil Ġeħova.

ID-DGĦUFIJIET U L-BARKIET TAʼ PIETRU

Int x’tagħmel kieku kellek esperjenza simili għal dik taʼ Pietru? (Ara paragrafu 4)

4. F’​Luqa 5:​5-10, Pietru x’qal dwaru nnifsu, imma Ġesù kif inkuraġġieh?

4 Il-Bibbja ma tgħidilniex għala Pietru ddeskriva lilu nnifsu bħala “raġel midneb,” jew liema dnubiet kellu f’moħħu. (Aqra Luqa 5:​5-10.) Imma jistaʼ jkun li hu għamel dnubiet serji. Ġesù kien jaf li Pietru beda jibżaʼ għax forsi ħassu li ma kienx tajjeb biżżejjed. Imma Ġesù kien jaf ukoll li Pietru setaʼ jibqaʼ leali. Għalhekk, Ġesù qal lil Pietru biex ma jibqax jibżaʼ. Il-fiduċja li Ġesù kellu f’Pietru biddlitlu ħajtu. Iktar tard, Pietru u ħuh Indrì telqu x-xogħol tas-sajd u bdew jippritkaw ma’ Ġesù. Imbagħad, Ġeħova berikhom b’ħafna modi.—Mk. 1:​16-18.

5. Pietru kif ibbenefika għax ma baqax iħossu skuraġġit u baqaʼ dixxiplu taʼ Ġesù?

5 Bħala dixxiplu, Pietru kellu ħafna esperjenzi sbieħ. Hu ra lil Ġesù jfejjaq lill-morda, ikeċċi d-dimonji, u anki jqajjem il-mejtin. b (Mt. 8:​14-17; Mk. 5:​37, 41, 42) Pietru ra wkoll viżjoni tal-għaġeb li qatt ma nesa, taʼ meta Ġesù kien se jmexxi bħala r-Re tas-Saltna t’Alla. (Mk. 9:​1-8; 2 Pt. 1:​16-18) Li kieku Pietru ma sarx dixxiplu taʼ Ġesù ma kienx se jara dawn l-affarijiet. Hu żgur li kien ferħan ħafna li ma baqax iħossu skuraġġit u esperjenza dawn l-affarijiet!

6. Pietru rnexxielu jegħleb id-dgħufijiet tiegħu malajr? Spjega.

6 Minkejja dak li ra u semaʼ, Pietru xorta kellu jibqaʼ jiġġieled kontra d-dgħufijiet tiegħu. Ejja naraw ftit eżempji. Meta Ġesù qalilhom li hu kellu jbati u jmut biex titwettaq il-profezija tal-Bibbja, Pietru qallu li ma kienx se jiġri hekk. (Mk. 8:​31-33) Għal darba wara l-oħra, Pietru u l-appostli l-oħrajn argumentaw dwar min hu l-aqwa minnhom. (Mk. 9:​33, 34) Fl-aħħar lejl qabel miet Ġesù, Pietru attakka lil raġel u qatagħlu widintu. (Ġw. 18:10) Dak il-lejl stess, Pietru tant beżaʼ minn dak li qalu n-nies li qal li ma jafx lil Ġesù tliet darbiet. (Mk. 14:​66-72) Wara Pietru ddispjaċieh u beka ħafna.—Mt. 26:75.

7. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, x’opportunità tah lil Pietru?

7 Ġesù ma qatax qalbu minn Pietru, li kien skuraġġit. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, ta ċ-ċans lil Pietru biex jurih jekk għadux iħobbu. Ġesù qal lil Pietru biex ikun umli u jieħu ħsieb lin-nagħaġ tiegħu. (Ġw. 21:​15-17) U Pietru kien lest jagħmel dak li qallu Ġesù. F’Pentekoste, hu kien Ġerusalemm u kien wieħed minn tal-ewwel li ġie midluk bl-ispirtu qaddis.

8. Pietru xi żball serju għamel f’Antjokja?

8 Anki wara li Pietru ġie midluk bl-ispirtu qaddis kellu jiġġieled kontra d-dgħufijiet tiegħu. Fis-sena 36 wara Kristu (WK), Alla bagħat lil Pietru għand Kornelju, li ma kienx Lhudi. Hemmhekk Alla dilek lil Kornelju bl-ispirtu qaddis. Dan wera li “Alla mhux parzjali” u li l-Ġentili, jiġifieri nies mhux Lhud, setgħu jkunu parti mill-kongregazzjoni Kristjana. (Atti 10:​34, 44, 45) Wara dan, Pietru beda jiekol mal-Ġentili, xi ħaġa li qatt ma kien għamel qabel. (Gal. 2:12) Imma xi Kristjani Lhud ħassew li l-Lhud u l-Ġentili m’għandhomx jieklu flimkien. Meta xi wħud minn dawn il-Kristjani marru Antjokja, Pietru ma baqax jiekol ma’ ħutu l-Ġentili, x’aktarx biex ma jweġġax lil Kristjani Lhud. L-appostlu Pawlu ra x’għamel Pietru, u kkoreġieh quddiem aħwa oħrajn. (Gal. 2:​13, 14) Minkejja li Pietru nduna li żbalja, x’għenu biex ma jaqtax qalbu?

X’GĦEN LIL PIETRU MA JAQTAX QALBU?

9. Ġwanni 6:​68, 69 kif jurina l-lealtà taʼ Pietru?

9 Pietru kien leali u ma ħalla xejn iwaqqfu milli jkompli jimxi wara Ġesù. Pereżempju, darba Ġesù qal xi ħaġa li d-dixxipli ma fehmux. (Aqra Ġwanni 6:​68, 69.) Imma ħafna ma pprovawx jifhmu dak li qal u ma baqgħux dixxipli tiegħu. Imma Pietru m’għamilx bħalhom. Hu kien jaf li Ġesù biss għandu “l-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.”

Il-fatt li Ġesù kellu fiduċja f’Pietru kif jinkuraġġik? (Ara paragrafu 10)

10. Ġesù kif wera li kellu fiduċja f’Pietru? (Ara l-istampa.)

10 Ġesù m’abbandunax lil Pietru. Fl-aħħar lejl tiegħu fuq l-art, Ġesù kien jaf li Pietru u l-appostli l-oħrajn kienu se jabbandunawh. Imma Ġesù qal lil Pietru li kien ċert li kien se jiddispjaċih u jibqaʼ leali. (Lq. 22:​31, 32) Ġesù kien jaf li “l-intenzjoni hi tajba, imma l-ġisem hu dgħajjef.” (Mk. 14:38) Għalhekk, anki meta Pietru qal li ma kienx jaf lil Ġesù, Ġesù ma qatax qalbu minnu. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, hu deher lil Pietru. Milli jidher dan ġara meta kien waħdu. (Mk. 16:7; Lq. 24:34; 1 Kor. 15:5) Min jaf kemm ħassu inkuraġġit Pietru, li kien imdejjaq ħafna minħabba dak li kien għamel!

11. Ġesù x’għamel biex juri lil Pietru li Ġeħova kien se jieħu ħsiebu?

11 Ġesù qal lil Pietru li Ġeħova kien se jieħu ħsiebu. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, biex jgħin lil Pietru u l-appostli tiegħu, reġaʼ għamel miraklu ieħor u huma qabdu ħafna ħut. (Ġw. 21:​4-6) Bla dubju, dan il-miraklu għen lil Pietru jiftakar li Ġeħova jistaʼ jipprovdilu l-affarijiet materjali li jkollu bżonn. Jistaʼ jkun li l-appostli ftakru fil-kliem li qalilhom Ġesù, li Ġeħova kien se jipprovdi lil dawk li ‘jpoġġu s-Saltna u l-livelli t’Alla l-ewwel post f’ħajjithom.’ (Mt. 6:33) Dan kollu għen lil Pietru biex ipoġġi x-xogħol tal-ippritkar l-ewwel f’ħajtu u mhux in-negozju tas-sajd. F’Pentekoste tas-sena 33 WK, hu pprietka b’kuraġġ u għen lil eluf biex jaċċettaw l-aħbar tajba. (Atti 2:​14, 37-41) Iktar tard, hu għen lis-Samaritani u l-Ġentili biex jitgħallmu dwar Ġesù u jsiru dixxipli tiegħu. (Atti 8:​14-17; 10:​44-48) Jidher ċar li Ġeħova uża lil Pietru b’mod tal-għaġeb biex ikun hemm nies differenti fil-kongregazzjoni.

X’NITGĦALLMU?

12. L-eżempju taʼ Pietru kif jistaʼ jgħinna jekk ilna niġġieldu kontra xi dgħufijiet?

12 Ġeħova jistaʼ jgħinna biex ma naqtgħux qalbna. Mhux dejjem se jkun faċli, speċjalment jekk inkunu ilna niġġieldu kontra d-dgħufijiet tagħna għal ħafna snin. Kultant, id-dgħufijiet tagħna jistgħu jidhru iktar diffiċli minn dawk li kellu Pietru, imma Ġeħova jistaʼ jagħtina s-saħħa biex ma naqtgħux qalbna. (Salm 94:​17-19) Pereżempju, ħu kien għex ħajja omosesswali għal ħafna snin qabel sar jaf il-verità. Hu bidel ħajtu u beda jgħix ħajja li taqbel mal-prinċipji tal-Bibbja. Imma xi kultant xorta kellu jiġġieled kontra xewqat ħżiena. X’għenu biex ma jaqtax qalbu? Hu jgħid: “Ġeħova jagħtina s-saħħa li jkollna bżonn. Bl-għajnuna tal-ispirtu taʼ Ġeħova . . . , jien tgħallimt li nistgħu nkomplu mexjin fit-triq tal-verità . . . Ġeħova qed jużani, u minkejja l-imperfezzjonijiet tiegħi qed ikompli jinkuraġġini.”

Horst Henschel beda jaqdi fis-servizz full-time fl-1 taʼ Jannar 1950. Taħseb li ddispjaċieh għax uża ħajtu biex jaqdi lil Ġeħova? (Ara paragrafi 13, 15) d

13. Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pietru li nsibu f’​Atti 4:​13, 29, 31? (Ara l-istampa.)

13 Kif rajna, Pietru għamel żbalji serji minħabba li beżaʼ min-nies. Imma għax talab lil Ġeħova, Pietru rnexxielu jkun kuraġġuż. (Aqra Atti 4:​13, 29, 31.) Aħna wkoll nistgħu negħlbu l-beżgħat tagħna. Ara xi ġralu ħu żagħżugħ jismu Horst, li kien jgħix il-Ġermanja matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Għal iktar minn darba, meta kien l-iskola, hu beżaʼ mit-tfal u mill-għalliema u qal “Heil Hitler!” Imma l-ġenituri tiegħu ma rrabjawx miegħu. Minflok, talbu lil Ġeħova miegħu biex ikun jistaʼ jagħtih il-kuraġġ. Bl-għajnuna tal-ġenituri tiegħu u għax straħ fuq Ġeħova, Horst sar kuraġġuż u ma baqax jibżaʼ. Hu jgħid: “Ġeħova qatt m’abbandunani.” c

14. L-anzjani kif jistgħu jgħinu lil dawk li jħossuhom skuraġġiti?

14 Ġeħova u Ġesù mhux ħa jaqtgħu qalbhom minna. Wara li Pietru qal li ma jafx lil Ġesù, Pietru kellu jieħu deċiżjoni importanti. Kien se jaqtaʼ qalbu jew kien se jibqaʼ dixxiplu taʼ Kristu? Ġesù kien talab bil-qalb lil Ġeħova biex il-fidi taʼ Pietru tibqaʼ b’saħħitha. Ġesù qal lil Pietru dwar dik it-talba u li kien fiduċjuż li iktar tard kien se jsaħħaħ lill-aħwa. (Lq. 22:​31, 32) Min jaf kemm kien iħossu inkuraġġit Pietru meta kien jiftakar f’dak li qallu Ġesù! Meta jkollna nieħdu xi deċiżjoni importanti, Ġeħova jistaʼ juża lil xi anzjan biex jagħtina l-għajnuna li jkollna bżonn biex nibqgħu leali. (Efes. 4:​8, 11) Paul, ħu li ilu jaqdi bħala anzjan għal ħafna snin, jipprova jagħti din l-għajnuna. Hu jgħid lil dawk li jkunu qed jaqtgħu qalbhom biex jaħsbu dwar kif Ġeħova ġibidhom lejn il-verità. Imbagħad, ifakkarhom li l-imħabba taʼ Ġeħova lejhom mhux se tħallih jaqtaʼ qalbu minnhom. Hu jgħid, “Rajt ħafna aħwa li kienu skuraġġiti, imma ma qatgħux qalbhom bl-għajnuna taʼ Ġeħova.”

15. L-eżempji taʼ Pietru u Horst kif juruna li dak li jgħid Mattew 6:33 hu veru?

15 Bħalma Ġeħova pprovda l-affarijiet li kellhom bżonn Pietru u l-appostli l-oħrajn, hu se jipprovdilna dak li jkollna bżonn meta npoġġu l-ministeru l-ewwel f’ħajjitna. (Mt. 6:33) Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Horst, li diġà semmejna, beda jaħseb biex jibda jaqdi bħala pijunier. Hu kien fqir ħafna. Għalhekk, beda jiddubita jekk kienx se jirnexxilu jaqlaʼ biżżejjed flus biex ikun jistaʼ jibqaʼ fis-servizz full-time. Horst x’għamel? Hu ried jara jekk Ġeħova kienx se jipprovdilu dak li jkollu bżonn. Għalhekk, matul iż-żjara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, għamel ġimgħa sħiħa fil-ministeru. Fl-aħħar tal-ġimgħa, ma riedx jemmen meta l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet tah envelop li kien fih il-flus, imma ma qallux min kien tahomlu. Fl-envelop kellu biżżejjed flus biex ikun jistaʼ jagħmel pijunier għal xi xhur. Horst qies dan ir-rigal bħala garanzija li Ġeħova kien se jieħu ħsiebu. Għall-kumplament taʼ ħajtu, hu dejjem poġġa l-affarijiet taʼ Ġeħova fl-ewwel post.—Mal. 3:10.

16. Għala hu importanti li nitgħallmu dwar Pietru u dak li kiteb fl-ittri tiegħu?

16 Min jaf kemm ħassu ferħan Pietru peress li Ġesù baqaʼ miegħu! Ġesù kompla jittrennja lil Pietru biex ikun appostlu leali u eżempju tajjeb għall-Kristjani. U aħna nitgħallmu ħafna lezzjonijiet importanti minn dan it-trejning. Pietru kiteb xi lezzjonijiet li tgħallem fiż-żewġ ittri tiegħu lill-kongregazzjoni tal-ewwel seklu, li llum jagħmlu parti mill-Bibbja. Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw xi ftit mit-tfakkiriet li nsibu f’dawn l-ittri u naraw kif nistgħu napplikawhom f’ħajjitna.

GĦANJA 126 Imqajmin, sodi, u setgħanin ibqgħu

a Dan l-artiklu hu magħmul biex jinkuraġġixxi lil dawk li qed jiġġieldu kontra xi dgħufijiet. Se naraw ukoll kif huma jistgħu jegħlbuhom u jibqgħu leali waqt li jaqdu lil Ġeħova.

b Ħafna skritturi li nsibu f’dan l-artiklu huma mill-Evanġelju taʼ Marku. Milli jidher, hu kiteb dak li semaʼ minn Pietru, li kien preżenti meta ġraw l-affarijiet.

c Ara l-bijografija taʼ Horst Henschel, “Motivated by My Family’s Loyalty to God,” fi Stenbaħ! bl-Ingliż tat-22 taʼ Frar 1998.

d X’TGĦID L-ISTAMPA: Kif naraw fl-istampa, il-ġenituri taʼ Horst Henschel talbu miegħu u inkuraġġewh biex ikun determinat u jibqaʼ sod.