Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 41

Lezzjonijiet li Nistgħu Nitgħallmu miż-Żewġ Ittri taʼ Pietru

Lezzjonijiet li Nistgħu Nitgħallmu miż-Żewġ Ittri taʼ Pietru

“Inkun dejjem lest li nfakkarkom f’dawn l-affarijiet.” —2 PT. 1:12.

GĦANJA 127 It-tip taʼ persuna li għandi nkun

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Ftit qabel l-appostlu Pietru miet, Ġeħova kif użah?

 L-APPOSTLU Pietru kien jaf li daqt se jmut. Matul is-snin li qeda lil Ġeħova pprietka maʼ Ġesù, ipprietka lil dawk li ma kinux Lhud, u sar wieħed mill-ġemgħa li tiggverna. Meta kien wasal biex imut, Ġeħova tah iktar xogħol. F’madwar is-sena 63 wara Kristu (WK), Ġeħova użah biex jikteb żewġ ittri. Dawn huma l-1 u t-​2 Pietru li nsibu fil-Bibbja. Pietru ttama li dawn l-ittri kienu se jgħinu lill-Kristjani wara l-mewt tiegħu.—2 Pt. 1:​12-15.

2. Il-Kristjani għala kellhom bżonn l-ittri li kiteb Pietru?

2 Pietru kiteb dawn l-ittri meta l-aħwa kienu qed jiffaċċjaw “diversi provi.” (1 Pt. 1:6) Irġiel ħżiena bdew jippruvaw idaħħlu tagħlim falz u kondotta ħażina fil-kongregazzjoni Kristjana. (2 Pt. 2:​1, 2, 14) Il-Kristjani li kienu qed jgħixu f’Ġerusalemm dalwaqt kienu se jaraw “it-tmiem taʼ kollox,” jiġifieri l-qerda taʼ Ġerusalemm mill-armata Rumana. (1 Pt. 4:7) Żgur li l-ittri taʼ Pietru għenu lill-Kristjani biex ikunu jafu kif jistgħu jibqgħu leali minkejja l-problemi li kellhom. Dawn kienu se jgħinuhom ukoll biex ikunu preparati għall-isfidi li kienu se jiffaċċjaw. b

3. Għala rridu nistudjaw sew l-ittri taʼ Pietru?

3 Għalkemm Pietru kiteb dawn l-ittri lill-Kristjani tal-bidu, Ġeħova poġġiehom fil-Bibbja. Għalhekk, aħna wkoll nistgħu nibbenefikaw minnhom. (Rum. 15:4) Bħal dawk il-Kristjani, aħna qed ngħixu f’dinja fejn in-nies huma ħżiena ħafna u dan jistaʼ jagħmilhielna diffiċli biex naqdu lil Ġeħova. Barra minn hekk, aħna dalwaqt se nesperjenzaw żmien agħar minn dak li esperjenzaw il-Lhud. Fl-ittri taʼ Pietru nsibu tfakkiriet importanti. Dawn jgħinuna biex inkunu preparati għall-qerda taʼ din is-sistema ħażina, ma nibżgħux minn dak li jaħsbu n-nies dwarna jew li jistgħu jagħmlulna, u jkollna mħabba kbira lejn xulxin. Tfakkiriet bħal dawn jistgħu jgħinu wkoll lill-anzjani biex jaraw kif jistgħu jgħinu lill-aħwa fil-kongregazzjoni jibqgħu sodi.

IBQAʼ STENNA

4. Skont it-​2 Pietru 3:​3, 4, x’jistaʼ jdgħajjef il-fidi tagħna?

4 Aħna ngħixu f’dinja fejn in-nies ma jemmnux dak li tgħid il-Bibbja dwar il-futur. Hemm min iwaqqagħna għaċ-ċajt għax ilna ngħidu li ġej it-tmiem taʼ din is-sistema għal ħafna snin. Xi nies jgħidu li dan qatt mhu se jasal. (Aqra t-2 Pietru 3:​3, 4.) Jekk in-nies li nippritkawlhom, dawk li jaħdmu magħna, jew xi ħadd minn tal-familja jgħid hekk u nagħtu kasu, il-fidi tagħna tistaʼ tiddgħajjef. Pietru spjega x’jistaʼ jgħinna.

5. X’jistaʼ jgħinna nistennew bil-paċenzja sa ma jasal it-tmiem taʼ din is-sistema? (2 Pietru 3:​8, 9)

5 Xi wħud jaħsbu li Ġeħova qed jiħodha bil-mod biex jeqred il-ħażen li hawn fid-dinja. Dak li kiteb Pietru jistaʼ jgħinna niftakru li l-mod kif iqis iż-żmien Ġeħova hu differenti ħafna minn kif jarawh in-nies. (Aqra t-2 Pietru 3:​8, 9.) Għal Ġeħova elf sena huma bħal ġurnata waħda. Ġeħova hu paċenzjuż u jixtieq li kulħadd isalva. Imma meta se jiġi l-jum tiegħu, il-ħażen li hawn se jispiċċa. Xi privileġġ għandna li nistgħu nużaw il-ħin li fadal biex nippritkaw lin-nies mad-dinja kollha.

6. Kif nistgħu ‘nżommu f’moħħna’ l-jum taʼ Ġeħova? (2 Pietru 3:​11, 12)

6 Pietru jgħidilna biex inżommu l-jum taʼ Ġeħova f’moħħna. (Aqra t-2 Pietru 3:​11, 12.) Kif? Kuljum nistgħu naħsbu dwar kemm se tkun sabiħa l-ħajja fid-dinja l-ġdida. Immaġina lilek innifsek tieħu nifs f’arja nadifa, tiekol ikel tajjeb, tilqaʼ lill-ħbieb u tal-familja li kienu mietu, u tgħallem lil nies li għexu mijiet taʼ snin ilu dwar kif ġraw il-profeziji tal-Bibbja. Meta timmedita fuq dawn l-affarijiet, se jgħinek biex tibqaʼ tistenna għal dak iż-żmien u tkun ċert li qed ngħixu fl-aħħar żminijiet. Peress li nafu dan dwar il-futur, aħna mhux se nitfixklu b’dak li jgħidu għalliema foloz.—2 Pt. 3:17.

TIBŻAX MINN DAK LI JAĦSBU JEW JAGĦMLU N-NIES

7. Il-biżaʼ min-nies kif tistaʼ taffettwana?

7 Peress li nafu li l-jum taʼ Ġeħova dalwaqt ġej, aħna rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn. Imma xi kultant jaf nibżgħu. Għala? Għax nibżgħu minn dak li jistgħu jaħsbu jew jagħmlulna n-nies. Pietru hekk ġralu. Fil-lejl meta Ġesù kien qed jgħaddi ġuri, Pietru beżaʼ jgħid li kien dixxiplu taʼ Ġesù, u baqaʼ jgħid li ma jafux. (Mt. 26:​69-75) Imma Pietru iktar tard għeleb il-biżaʼ u kiteb: “Tibżgħux minn dak li jibżgħu minnu huma u tinkwetawx.” (1 Pt. 3:14) Dak li qal Pietru jurina li aħna nistgħu negħlbu l-biżaʼ min-nies.

8. X’jistaʼ jgħinna negħlbu l-biżaʼ min-nies? (1 Pietru 3:15)

8 X’jistaʼ jgħinna negħlbu l-biżaʼ min-nies? Pietru jgħidilna: “Qaddsu lill-Kristu bħala Mulej fi qlubkom.” (Aqra l-1 Pietru 3:15.) Dan ifisser li naħsbu dwar il-qawwa li għandu r-Re tagħna, Ġesù Kristu. Jekk tibda tibżaʼ meta jkollok xi opportunità biex taqsam l-aħbar tajba, ftakar fir-Re tagħna. Immaġinah qed imexxi mis-sema mdawwar b’ħafna anġli. Ftakar li hu għandu “l-awtorità fuq kulma hemm fis-sema u fuq l-art” u li ‘se jkun miegħek sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.’ (Mt. 28:​18-20) Pietru jgħidilna li rridu ‘nkunu dejjem lesti’ biex niddefendu dak li nemmnu. Tixtieq tagħti xhieda x-xogħol, l-iskola, jew xi mkien ieħor? Aħseb minn qabel meta tkun tistaʼ tagħmel dan u pprepara x’se tgħid. Itlob għall-kuraġġ u kun ċert li Ġeħova se jgħinek tegħleb il-biżaʼ min-nies.—Atti 4:29.

ĦOBBU LIL XULXIN MILL-QALB

Pietru aċċetta l-parir taʼ Pawlu. Iż-żewġ ittri li kiteb Pietru jgħallmuna kif nuru l-imħabba lejn ħutna (Ara paragrafu 9)

9. Pietru darba kif ma weriex imħabba? (Ara l-istampa.)

9 Pietru tgħallem kif juri l-imħabba. Hu semaʼ lil Ġesù jgħid: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin.” (Ġw. 13:34) Minkejja dan, iktar tard Pietru m’aċċettax li jiekol m’aħwa li ma kinux Lhud minħabba li beżaʼ mill-Kristjani Lhud. L-appostlu Pawlu qal li Pietru wera “wiċċ b’ieħor.” (Gal. 2:​11-14) Pietru aċċetta l-parir li tah Pawlu u tgħallem minnu. Fiż-żewġ ittri tiegħu hu kiteb li aħna m’għandniex biss inħossu mħabba għal ħutna imma għandna nuruha.

10. X’se jgħinna nuru “affezzjoni lejn l-aħwa”? (1 Pietru 1:22)

10 Pietru qal li aħna għandu jkollna “affezzjoni lejn l-aħwa mingħajr ipokrisija.” (Aqra l-1 Pietru 1:22.) Aħna nuru din l-affezzjoni għax nobdu l-verità. Din il-verità tinkludi t-tagħlim li “Alla mhux parzjali.” (Atti 10:​34, 35) Aħna ma nkunux qed nobdu l-kmand taʼ Ġesù dwar l-imħabba jekk ma nkunux qed nuru mħabba mal-aħwa kollha fil-kongregazzjoni. Vera li nistgħu nħossuna iktar close maʼ xi aħwa, bħalma kien Ġesù. (Ġw. 13:23; 20:2) Imma Pietru jfakkarna li rridu ‘nħobbu lill-aħwa kollha’ għax huma parti mill-familja tagħna.—1 Pt. 2:17.

11. X’jiġifieri li ‘nħobbu mill-qalb bil-ħeġġa kollha’?

11 Pietru jgħidilna biex ‘inħobbu lil xulxin mill-qalb bil-ħeġġa kollha.’ Li nħobbu “bil-ħeġġa” jfisser li nħobbu lil xi ħadd anki meta ma jkunx faċli għalina. Pereżempju, xi ngħidu jekk ħu joffendina jew iweġġagħna b’xi mod? Għall-ewwel forsi minflok ma nuru l-imħabba nkunu nixtiequ npattu lura. Imma Pietru tgħallem minn Ġesù li jekk nagħmlu hekk, Ġeħova ma jiħux pjaċir bina. (Ġw. 18:​10, 11) Pietru kiteb: “Tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir, imma, għall-kuntrarju, bierku” lil xulxin. (1 Pt. 3:9) Meta tħobb bil-ħeġġa, int se tkun qalbek tajba anke maʼ dawk li jweġġgħuk.

12. (a) L-imħabba profonda xi ġġegħelna nagħmlu? (b) Kif jurina l-vidjow Ħu Ħsieb ir-Rigal Prezzjuż tal-Unità, x’għandek tkun determinat li tagħmel?

12 Fl-ewwel ittra tiegħu, Pietru uża l-espressjoni “mħabba profonda.” Imħabba bħal din “tgħatti kotra taʼ dnubiet,” u mhux ftit biss. (1 Pt. 4:8) Jistaʼ jkun li Pietru ftakar fil-lezzjoni li kien għallmu Ġesù dwar il-maħfra snin qabel. Meta Pietru qal li hu kien lest li jaħfer lil ħuh “sa sebaʼ darbiet,” kien qed jaħseb li kien raġel tajjeb ħafna. Imma Ġesù għallem lilu u lilna biex naħfru “sa 77 darba,” jiġifieri bla limitu. (Mt. 18:​21, 22) Jekk issibha diffiċli biex tapplika dan il-parir, taqtax qalbek! Kultant, peress li l-qaddejja kollha taʼ Ġeħova huma imperfetti, isibuha diffiċli biex jaħfru lil xi ħadd. L-iktar ħaġa importanti għalik hi li tagħmel dak li tistaʼ biex taħfer lil ħuk u jkollok il-paċi miegħu. c

ANZJANI, ĦUDU ĦSIEB IN-NAGĦAĠ TAʼ ĠEĦOVA

13. Għala jistaʼ jkun diffiċli għall-anzjani biex jinkuraġġixxu lill-aħwa?

13 Pietru żgur qatt ma nesa l-kliem li qallu Ġesù wara li ġie rxoxtat: “Irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.” (Ġw. 21:16) Jekk int anzjan, taf li dan il-kliem japplika għalik ukoll. Imma għall-anzjani tistaʼ tkun taʼ sfida biex isibu l-ħin ħalli jagħmlu dan l-inkarigu importanti. L-ewwel, l-anzjani jridu jaraw li l-familja tagħhom għandha l-affarijiet bżonjużi biex jgħixu, iħossuhom maħbubin, u jgħinu lill-familja tagħhom tersaq qrib Ġeħova. Huma mhux biss ikunu t’eżempju tajjeb fl-ippritkar, imma jippreparaw u jagħmlu taħditiet fil-laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet. Xi wħud għandhom ukoll responsabbiltajiet bħala membri tal-HLC (Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet), jew inkarigi mal-LDC (Dipartiment Lokali tal-Ippjanar u l-Kostruzzjoni). L-anzjani tassew għandhom x’jagħmlu!

Minkejja li l-anzjani għandhom ħafna x’jagħmlu, bi mħabba jagħmlu dak li jistgħu biex jieħdu ħsieb in-nagħaġ t’Alla (Ara paragrafi 14-15)

14. X’jistaʼ jimmotiva lill-anzjani biex jieħdu ħsieb il-merħla? (1 Pietru 5:​1-4)

14 Pietru qal lill-anzjani sħabu biex jieħdu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġeħova. (Aqra l-1 Pietru 5:​1-4.) Jekk int anzjan, aħna nafu li tħobb lill-aħwa u li trid tieħu ħsiebhom. Imma forsi kultant, tant ikollok x’tagħmel jew tħossok għajjien li taħseb li ma tistax tagħmel dan l-inkarigu. X’tistaʼ tagħmel? Għid lil Ġeħova kif tħossok. Pietru kiteb: “Jekk xi ħadd jaqdi, ħa jaqdi bħala wieħed li jiddependi mis-saħħa li jagħti Alla.” (1 Pt. 4:11) L-aħwa jistaʼ jkun qed jiffaċċjaw problemi li f’din id-dinja ma jistgħux jiġu solvuti għalkollox. Imma ftakar li “r-ragħaj ewlieni,” Ġesù Kristu, jistaʼ jgħinhom iktar minn kulħadd. Hu jistaʼ jagħmel dan issa u anke fid-dinja l-ġdida. Dak li Alla jrid mill-anzjani hu li jħobbu lill-aħwa, jieħdu ħsiebhom, u jkunu ‘t’eżempju għall-merħla.’

15. William kif jieħu ħsieb lill-aħwa? (Ara l-istampa.)

15 William, li ilu jaqdi bħala anzjan għal ħafna snin, jifhem kemm hu importanti li jieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġeħova. Meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19, hu u l-anzjani tal-kongregazzjoni tiegħu għamluha mira li kull ġimgħa jikkuntattjaw lill-aħwa tal-grupp tagħhom. Hu jispjega għala: “Ħafna aħwa kienu jkunu waħedhom id-dar u malajr setgħu jibdew jaħsbu b’mod negattiv.” Meta l-aħwa jkollhom xi problema, William joqgħod jismagħhom sew biex jara x’għandhom bżonn u x’qed jinkwetahom. Imbagħad, jipprova jsib xi pubblikazzjonijiet jew vidjows minn fuq il-website tagħna, biex ikun jistaʼ jaqsamhom mal-ħu jew l-oħt. Hu jkompli jgħid: “Li nieħdu ħsieb lill-aħwa hu importanti iktar minn qatt qabel. Aħna naħdmu iebes biex ngħinu n-nies isiru jafu dwar Ġeħova. Allura rridu naħdmu iebes ukoll biex ngħinu lill-aħwa jibqgħu fil-verità.”

ĦALLI LIL ĠEĦOVA JITTRENNJAK

16. Kif nistgħu napplikaw il-lezzjonijiet li nsibu fl-ittri taʼ Pietru?

16 F’dan l-artiklu ddiskutejna ftit lezzjonijiet miż-żewġ ittri taʼ Pietru. Forsi ndunajt li għandek bżonn taħdem fuq xi ħaġa. Pereżempju, tixtieq timmedita iktar fuq il-barkiet li se jkollna fid-dinja l-ġdida? Għamilt mira li tagħti xhieda fuq ix-xogħol, l-iskola, jew xi mkien ieħor? Tara modi fejn tistaʼ turi iktar imħabba? Anzjani, lesti li tieħdu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġeħova minn qalbkom? Kun onest miegħek innifsek u ara fejn tistaʼ tirranġa, imma tħossokx skuraġġit. Il-Mulej Ġesù “qalbu tajba” u se jgħinek. (1 Pt. 2:3) Pietru jgħidilna: “Alla . . . itemm hu stess it-taħriġ tagħkom, jissodakom, u jsaħħaħkom.”—1 Pt. 5:10.

17. Jekk ma naqtgħux qalbna u nħallu lil Ġeħova jittrennjana, x’rigal se nirċievu?

17 Għall-ewwel Pietru ħass li ma jixraqlux ikun maʼ Ġesù. (Lq. 5:8) Imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova u Ġesù, Pietru ħadem iebes biex jibqaʼ leali lejn Ġesù. Minħabba f’hekk, Ġeħova ħalla lil Pietru jidħol “fis-saltna taʼ dejjem tal-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pt. 1:11) Kemm hu rigal sabiħ! Jekk bħal Pietru ma taqtax qalbek u tħalli lil Ġeħova jittrennjak, int ukoll se tirċievi l-ħajja taʼ dejjem. Int se ‘tirċievi r-riżultat tal-fidi tiegħek, is-salvazzjoni.’—1 Pt. 1:9.

GĦANJA 109 Ħobb mill-qalb bil-ħeġġa kollha

a F’dan l-artiklu, se naraw kif il-lezzjonijiet li nsibu fl-ittri taʼ Pietru jgħinuna biex nissaportu l-problemi. Barra minn hekk, se jgħinu lill-anzjani biex jaraw kif jistgħu jieħdu ħsieb ir-responsabbiltà tagħhom bħala ragħajja.

b X’aktarx, il-Kristjani li kienu jgħixu l-Palestina rċivew iż-żewġ ittri taʼ Pietru qabel l-ewwel attakk fuq Ġerusalemm fis-sena 66 WK.