Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Gawdi “l-Ħajja Vera”

Gawdi “l-Ħajja Vera”

Gawdi “l-​Ħajja Vera”

ALLA JEHOVAH lill-​bniedem tah is-​sens taʼ l-​eternità. (Ekkleżjażti 3:11, ) Dan iġiegħel lill-​bnedmin iħossu li ma jistgħu jagħmlu xejn kontra l-​mewt imma, fl-​istess ħin, iqajjem fihom xewqa kostanti biex jgħixu.

Il-Bibbja Mqaddsa, il-​Kelma mnebbħa t’Alla, verament tagħtina tama. (2 Timotju 3:16) Ma jistax ikun li Jehovah, li hu l-​essenza taʼ l-​imħabba, għamel lill-​bniedem bl-​abbiltà li jifhem il-​konċett taʼ l-​eternità u mbagħad ikkundannah biex jgħix biss ftit tas-​snin. Hu sempliċement kuntrarju għall-​personalità t’Alla li joħloqna biex insofru minħabba s-​sitwazzjoni tagħna. Aħna ma ġejniex maħluqin bħal “bhejjem bla raġuni li minnhom infushom twieldu biex ikunu maqbuda u maqtula.”—2 Pietru 2:12.

Meta Alla Jehovah ħalaq lil Adam u Eva b’sens naturali taʼ l-​eternità, hu għamel xi ħaġa ‘tajba ħafna’; hu ħalaqhom bil-​potenzjal li jgħixu għal dejjem. (Ġenesi 1:31) Imma b’sogħba, l-​ewwel raġel u mara wżawha ħażin din ir-​rieda ħielsa tagħhom, billi ma obdewx projbizzjoni ċara mingħand il-​Ħallieq u tilfu l-​perfezzjoni oriġinali tagħhom. Bħala riżultat, huma mietu, wara li għaddew l-​imperfezzjoni u l-​mewt fuq id-​dixxendenti tagħhom.—Ġenesi 2:17; 3:1-24; Rumani 5:12.

Il-Bibbja ma tħalli lanqas l-​iċken ħjiel taʼ misteru dwar l-​iskop tal-​ħajja u dwar xi tfisser il-​mewt. Din tgħid li fil-​mewt “ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf” u li l-​mejtin “ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5, 10) Fi kliem ieħor, il-​mejtin huma mejtin. Id-​duttrina tar-​ruħ immortali m’hijiex Biblika, u għalhekk m’hemm l-​ebda misteru kbir x’jiġi solvut dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin.—Ġenesi 3:19; Salm 146:4; Koħèlet 3:19, 20; Eżekjel 18:4, KŻ. a

Alla kellu skop; hu ma ħalaqx l-​art “għall-​baħħ.” Sawwarha biex “jgħammru fiha” bnedmin perfetti f’kundizzjonijiet taʼ ġenna, u Alla ma biddilx l-​iskop tiegħu. (Isaija 45:18; Malakija 3:6) Biex iwettaq dan, bagħat lil Ibnu fuq l-​art. Billi baqaʼ leali sal-​mewt, Ġesù Kristu pprovda l-​mezz biex iħallas il-​prezz tal-​fidwa taʼ l-​umanità mid-​dnub u l-​mewt. Fil-​fatt, Ġesù qal: “Għax Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 3:16.

Żmien ilu, Alla wiegħed li kien se joħloq “smewwiet ġodda u art ġdida.” (Isaija 65:17; 2 Pietru 3:13) Dan kellu jinvolvi li jagħżel grupp limitat taʼ Kristjani leali għal ħajja fis-​sema. Flimkien maʼ Ġesù Kristu, huma jifformaw in-​nukleu tal-​gvern. Il-​Bibbja tirreferi għalih bħala s-​“Saltna tas-​Smewwiet,” jew “is-​Saltna taʼ Alla,” li se jamministra “kull ma hu fl-​art.” (Mattew 4:17; 12:28; Efesin 1:10; Apokalissi 5:9, 10; 14:1, 3) Wara li jeqred il-​ħażen kollu minn fuq il-​globu tagħna u jippurifikah, Alla se jġib soċjetà umana ġdida taʼ tjieba, jew “art ġdida.” Din se tinkludi nies li Alla se jipproteġihom matul il-​qerda imminenti taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. (Mattew 24:3, 7-14, 21; Apokalissi 7:9, 13, 14) Magħhom se jingħaqdu dawk li se jinġiebu lura għall-​ħajja permezz taʼ l-​irxoxt imwiegħed.—Ġwann 5:28, 29; Atti 24:15.

“Il-​Ħajja Vera” dak iż-​Żmien

Biex jikkonferma d-​deskrizzjoni kommoventi tal-​ħajja futura fuq l-​art magħmula Ġenna, Alla jgħid: “Ara, se nġedded kollox.” (Apokalissi 21:5) Huwa impossibbli li moħħ il-​bniedem jifhem għalkollox ix-​xogħlijiet meraviljużi li Alla se jagħmel għall-​umanità. Alla se joħloq ġenna taʼ l-​art mad-​dinja kollha, li tixbah il-​ġnien taʼ Għeden. (Luqa 23:43, NW) Bħal f’Għeden, se jkun hemm abbundanza taʼ kuluri, ħsejjes, u togħmiet sbieħ u pjaċevoli. Il-​faqar u n-​nuqqas taʼ ikel m’humiex se jkunu iktar, għaliex dwar dak iż-​żmien il-​Bibbja tgħid: “Għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:4; Salm 72:16) Ħadd iktar ma se jgħid, “Jien marid,” għaliex il-​mard se jiġi eliminat għal dejjem. (Isaija 33:24) Iva, il-​kaġuni kollha taʼ wġigħ se jisparixxu, inkluż il-​mewt, dak l-​għadu taʼ l-​umanità li ilu jeżisti għal tant żmien. (1 Korintin 15:26) Fil-​viżjoni taʼ l-​għaġeb taʼ l-​“art ġdida,” dik is-​soċjetà umana ġdida taħt il-​ħakma taʼ Kristu, l-​appostlu Ġwanni semaʼ leħen jgħid: “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” X’jistaʼ jġibilna iktar faraġ u ferħ mit-​twettiq taʼ din il-​wegħda divina?

Waqt li tiddeskrivi l-​ħajja futura, il-​Bibbja tenfasizza partikolarment il-​kundizzjonijiet li se jissodisfaw ix-​xewqat morali u spiritwali tal-​bniedem. L-​ideali ġusti kollha li l-​umanità ilha s’issa titħabat għalxejn biex takkwistahom se jinkisbu kompletament. (Mattew 6:10) Fosthom hemm ix-​xewqa għall-​ġustizzja, li baqgħet ma twettqitx minħabba li taʼ spiss il-​bniedem kien mgħakkes minn oppressuri krudili li ddominaw lid-​dgħajfin. (Koħèlet 8:9) Is-​salmista kiteb b’mod profetiku dwar il-​kundizzjonijiet taħt il-​ħakma taʼ Kristu: “Jikber f’jiemu l-​ħaqq, u kotra taʼ sliema.”—Salm 72:7, Saydon.

L-ugwaljanza hija xewqa oħra li ħafna wħud għamlu sagrifiċċji kbar biex jakkwistawha. “Fid-​dinja l-​ġdida,” Alla se jneħħiha għalkollox id-​diskriminazzjoni. (Mattew 19:28) Kulħadd se jgawdi l-​istess dinjità. Din mhix se tkun ugwaljanza imposta minn reġim aħrax taʼ xi gvern. Għall-​kuntrarju, il-​kaġuni tad-​diskriminazzjoni se jiġu eliminati, inkluż ir-​regħba u l-​kburija li jwasslu lill-​bnedmin biex ikunu jridu jiddominaw fuq oħrajn jew igeddsu ammonti kbar taʼ oġġetti. Isaija pprofetizza: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-​dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor.”—Isaija 65:21, 22.

Kemm bata l-​bniedem minħabba t-​tixrid taʼ demm, kemm fi gwerer persunali kif ukoll f’dawk kollettivi! Dan ilu sejjer mill-​qtil taʼ Abel sal-​gwerer taʼ żmienna. Kemm ilhom il-​bnedmin jittamaw u jistennew, mid-​dehra għalxejn, biex tiġi stabbilita din il-​paċi! Fil-​Ġenna taʼ l-​art restawrata, il-​bnedmin kollha se jkunu paċifiċi u ġwejdin; u “bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:11.

Isaija 11:9 jgħid: “Mimlija hi l-​art bl-​għarfien tal-​Mulej bħalma l-​baħar hu miksi bl-​ilmijiet.” Fost affarijiet oħra, minħabba li writna l-​imperfezzjoni, m’huwiex possibbli għalina llum li nifhmu għalkollox l-​iskop taʼ dan il-​kliem. Għandu mnejn li għad irridu nitgħallmu kif l-​għarfien perfett t’Alla se jgħaqqadna miegħu u kif dan se jirriżulta f’ferħ kbir. Imma ladarba l-​Iskrittura turina kemm Jehovah hu Alla meraviljuż fil-​qawwa, fl-​għerf, fil-​ġustizzja, u fl-​imħabba, nistgħu nkunu ċerti li hu se jismaʼ t-​talb kollu li jsir mill-​abitanti taʼ l-​“art ġdida.”

“Il-​Ħajja Vera” Hija Ħaġa Ċerta​—Aħtafha!

Għal ħafna, il-​ħajja eterna f’dinja aħjar hi sempliċement ħolma jew illużjoni. Madankollu, għal dawk li verament għandhom fidi fil-​wegħda tal-​Bibbja, din it-​tama hi ħaġa ċerta. Hi bħal ankra għal ħajjithom. (Lhud 6:19) Sewwa sew bħalma ankra żżomm vapur sod u ma tħallihx jitbandal ’l hawn u ’l hemm, it-​tama tal-​ħajja eterna ġġiegħel lin-​nies iħossuhom stabbli u fiduċjużi u tagħmilhom kapaċi jiffaċċjaw diffikultajiet serji fil-​ħajja u saħansitra jegħlbuhom.

Aħna nistgħu nkunu ċerti li Alla se jwettaq il-​wegħdi tiegħu. Hu saħansitra ta garanzija billi lissen ġurament, impenn li ma jistax jerġaʼ lura minnu. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Alla, meta lill-​werrieta tal-​wegħda ried jurihom b’mod aktar qawwi li r-​rieda tiegħu ma titbiddilx, rabat lilu nnifsu b’ġurament, biex bis-​saħħa taʼ żewġ atti li ma jitreġġgħux lura, u li jagħtu xhieda li Alla ma jigdibx, aħna . . . ikollna qalbna qawwija sewwa li niksbu t-​tama li hemm lesta għalina.” (Lhud 6:17, 18) Iż-​“żewġ atti li ma jitreġġgħux lura” li Alla qatt ma jistaʼ jħassar huma l-​wegħda tiegħu u l-​ġurament tiegħu, li fuqhom nibbażaw l-​istennijiet tagħna.

Fidi fil-​wegħdi t’Alla tipprovdi faraġ kbir u saħħa spiritwali. Ġożwè, wieħed mill-​mexxejja tal-​ġens taʼ Iżrael, kellu fidi bħal din. Meta Ġożwè għamel id-​diskors finali tiegħu lill-​Iżraeliti, hu kien imdaħħal fiż-​żmien u kien jaf li kien wasal biex imut. Madankollu, esprima saħħa u lealtà li ma bħalha, li oriġinaw minn fiduċja kompleta fil-​wegħdi t’Alla. Wara li qal li kien sejjer fit-​“triq tal-​bnedmin kollha taʼ l-​art,” il-​mogħdija li twassal lill-​umanità kollha għall-​mewt, Ġożwè stqarr: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-​xejn!” Iva, tliet darbiet Ġożwè rrepeta li Alla dejjem iwettaq il-​wegħdi kollha tiegħu.—Ġożwè 23:14.

Int ukoll jistaʼ jkollok l-​istess fidi fil-​wegħda t’Alla taʼ dinja ġdida li dalwaqt se tiġi stabbilita. Billi tistudja l-​Bibbja bis-​serjetà, int se tifhem min hu Jehovah u għala jistħoqqlu l-​fiduċja sħiħa tiegħek. (Apokalissi 4:11) Abraham, Sara, Iżakk, Ġakobb, u wħud leali oħrajn tal-​qedem kellhom fidi soda, ibbażata fuq l-​għarfien intimu tagħhom dwar dak Alla veru, Jehovah. It-​tama tagħhom baqgħet soda, minkejja l-​fatt li “kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed” matul ħajjithom. Xorta waħda, “huma rawh mill-​bogħod u sellmulu.”—Lhud 11:13.

Billi qed nifhmu l-​profeziji tal-​Bibbja, issa qed naraw l-​avviċinar tal-​“Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox,” li matulu l-​art se titnaddaf mill-​ħażen kollu. (Apokalissi 16:14, 16) Bħal nies leali tal-​qedem, aħna rridu nibqgħu nistennew b’fiduċja l-​ġrajjiet futuri, billi nkunu mqanqlin mill-​fidi kif ukoll mill-​imħabba għal Alla u għall-​“ħajja vera.” Il-​fatt li d-​dinja l-​ġdida qegħda tant fil-​qrib jipprovdi inċentiv qawwi għal dawk li jeżerċitaw fidi f’Jehovah u għal dawk li jħobbuh. Fidi u mħabba bħal dawn għandhom bżonn jiġu kultivati sabiex wieħed jikseb il-​favur u l-​protezzjoni t’Alla matul il-​jum kbir tiegħu, li hu fil-​qrib.—Sofonija 2:3; 2 Tessalonkin 1:3; Lhud 10:37-39.

Għalhekk, tħobbha int il-​ħajja? U tixtieq saħansitra iktar li jkollok “il-​ħajja vera”​—ħajja bħala qaddej approvat t’Alla, bil-​prospett taʼ futur hieni, iva, bil-​ħajja eterna quddiemek? Jekk dan hu li qed tfittex, agħti kas it-​twissija taʼ l-​appostlu Pawlu, li kiteb li m’għandniex ‘inqegħdu t-​tama tagħna f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma f’Alla.’ Pawlu kompla: ‘Stagħnu b’opri tajba,’ li jonoraw lil Alla, sabiex ‘tiksbu l-​ħajja, il-​ħajja vera.’—1 Timotju 6:17-19.

Billi taċċetta l-​offerta taʼ studju tal-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah, int tistaʼ tikseb għarfien li jfisser il-​“ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 17:3) B’imħabba, il-​Bibbja tiddokumenta din l-​istedina taʼ missier lil kulħadd: “Ibni, tinsiex it-​tagħlim tiegħi, iżda żomm f’qalbek il-​kmandamenti tiegħi; għax għomor twil u ħafna snin, u riżq tajjeb iġibulek.”—Proverbji 3:1, 2.

[Nota taʼ taħt]

a Biex teżamina dan is-​suġġett fid-​dettall, ara l-​browxer X’Jiġrilna meta Mmutu?, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.