Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Filosofija Griega—Għamlitha Iktar Rikka lill-Kristjanità?

Il-Filosofija Griega—Għamlitha Iktar Rikka lill-Kristjanità?

Il-​Filosofija Griega—Għamlitha Iktar Rikka lill-​Kristjanità?

“Il-​Kristjanità, għalkemm kienet ostili kemm għall-​kultura Griega pagana u kemm għal dik Rumana, fil-​fatt assorbiet ħafna filosofija klassika.”—The Encyclopedia Americana.

FOST dawk li influwenzaw definittivament il-​ħsieb “Kristjan,” “Santu” Wistin iżomm pożizzjoni li ma jistaʼ jiċħadha ħadd. Skond The New Encyclopædia Britannica, “moħħ” Wistin “kien il-​lok fejn ir-​reliġjon tat-​Testment il-​Ġdid bl-​iktar mod komplet saret ħaġa waħda mat-​tradizzjoni Platonika tal-​filosofija Griega; u kien ukoll il-​mezz li bih il-​prodott taʼ din l-​għaqda ġie trasmess fil-​Kristjaneżmi tal-​Kattoliċiżmu Ruman medjevali u tal-​Protestantiżmu Rinaxximentali.”

Il-legat taʼ Wistin huwa dejjiemi tabilħaqq. Meta tkellem dwar kemm il-​filosofija Griega influwenzat il-​Kristjaneżmu, Douglas T. Holden stqarr: “It-​teoloġija Kristjana tant saret ħaġa waħda mal-​filosofija Griega li rawmet individwi li huma taħlita taʼ 90% ħsieb Grieg u 10% ħsieb Kristjan.”

Xi studjużi jemmnu b’mod sod li din l-​influwenza filosofika tejbet il-​Kristjanità fl-​infanzja tagħha, għamlet iktar rikk it-​tagħlim tagħha, u għamlitha iktar konvinċenti. Kien dan il-​każ? Kif u meta seħħet l-​influwenza tal-​filosofija Griega? Fil-​fatt, għamlitha din iktar rikka lill-​Kristjanità jew niġġsitha?

Ikollna iktar dawl fuq il-​kwistjoni jekk niċċekkjaw għadd taʼ żviluppi mit-​tielet seklu Q.E.K. sal-​ħames seklu E.K. billi neżaminaw erbaʼ termini strambi: (1) “Ġudaiżmu Ellenizzat,” (2) “Elleniżmu Kristjanizzat,” (3) “Kristjanità Ellenizzata,” u (4) “filosofija Kristjana.”

“Ġudaiżmu Ellenizzat”

L-​ewwel wieħed, il-​“Ġudaiżmu Ellenizzat,” huwa verament kontradizzjoni. Ir-​reliġjon oriġinali taʼ l-​Ebrej, li kienet stabbilita minn dak Alla veru, Jehovah, ma kellhiex tiġi kontaminata b’ideat reliġjużi foloz. (Dewteronomju 13:1 [Dewteronomju 12:32, NW]; Proverbji 30:5, 6) Madankollu, mill-​bidunett, is-​safa tal-​qima kienet mhedda bil-​korruzzjoni mill-​ħsieb u l-​prattiċi reliġjużi u foloz li ċċirkondawha​—bħal, per eżempju, l-​influwenza minn sorsi Eġizzjani, Kangħanin, u Babiloniżi. Jisgħobbina ngħidu li Iżrael ħalla l-​qima vera tiegħu ssir korrotta profondament.—Mħallfin 2:11-13.

Sekli wara, meta l-​Palestina tal-​qedem saret parti mill-​Imperu Grieg taħt Alessandru l-​Kbir fir-​rabaʼ seklu Q.E.K., din il-​korruzzjoni niżlet iktar fil-​fond u ħalliet warajha legat dejjiemi u korrużiv. Alessandru ingaġġa lil xi Lhud fl-​eżerċtu tiegħu. Il-​kuntatti li kien hemm bejn il-​Lhud u l-​konkwistatur il-​ġdid tagħhom influwenzaw profondament il-​ħsieb reliġjuż Lhudi. It-​tagħlim Ġudaistiku ġie penetrat mill-​ħsieb Ellenistiku. Il-​Qassis il-​Kbir Ġason jingħad li stabbilixxa akkademja Griega f’Ġerusalemm fis-​sena 175 Q.E.K. biex jippromwovi l-​istudju taʼ Omeru.

Taʼ interess, Samaritan, li kiteb fit-​tieni nofs tat-​tieni seklu Q.E.K., fittex li jippreżenta l-​istorja tal-​Bibbja bħala storjografija Ellenizzata. Kotba apokrifi Lhud, bħal dawk taʼ Ġuditta u Tobit, attwalment jalludu għal leġġendi erotiċi Griegi. Dehru għadd taʼ filosfi Lhud li pprovaw jirrikonċiljaw il-​ħsieb Grieg mar-​reliġjon Lhudija u mal-​Bibbja.

Dak li għandu l-​iktar kredtu f’dan huwa Filo, Lhudi taʼ l-​ewwel seklu E.K. Dan ħa taħt idejh id-​duttrini taʼ Platun (ir-rabaʼ seklu Q.E.K.), il-​Pitagorjani, u l-​Istojċi. Il-​Lhud influwenzaw ruħhom profondament mill-​ideat taʼ Filo. Biex jiġbor fil-​qosor din l-​infiltrazzjoni intellettwali tal-​ħsieb Grieg fil-​kultura Lhudija, l-​awtur Lhudi Max Dimont jgħid: “Magħmulin iktar rikki bi ħsieb Platoniku, b’loġika Aristotelika, u bi xjenza Ewklidjana, studjużi Lhud avviċinaw it-​Tora b’għodod ġodda. . . . Huma ssoktaw iżidu r-​raġuni Griega mar-​rivelazzjoni Lhudija.”

Maż-żmien, ir-​Rumani ħatfu l-​Imperu Grieg, billi ħadu lil Ġerusalemm taħt idejhom. Dan fetaħ it-​triq għal bidliet saħansitra iktar sinjifikanti. Sat-​tielet seklu E.K., id-​duttrini filosofiċi u reliġjużi taʼ xi ħassieba, li għamlu ħilithom biex jiżviluppaw u jgħaqqdu flimkien l-​ideat taʼ Platun, ħadu l-​forma definittiva tagħhom, magħrufa kollettivament illum bħala Neoplatoniżmu. Din il-​fehma kien se jkollha influwenza profonda fuq il-​Kristjanità apostata.

“Elleniżmu Kristjanizzat”

Matul l-​ewwel ħames sekli taʼ l-​era komuni tagħna, ċerti nies intellettwali pprovaw juru li hemm relazzjoni bejn il-​filosofija Griega u l-​verità rivelata tal-​Bibbja. Il-​ktieb A History of Christianity jgħid: “Metafiżiki Kristjani kellhom ipinġu lill-​Griegi fl-​għexur taʼ snin qabel Kristu bħala li kienu qegħdin jissieltu bil-​qlubija kollha imma bl-​għama għal għarfien dwar Alla, billi pprovaw, bħallikieku, joħolqu lil Ġesù mix-​xejn, jivvintaw il-​Kristjanità minn ġo l-​irjus pagani u fjakki tagħhom.”

Plotinu (205-270 E.K.), prekursur taʼ ħassieba bħal dawn, żviluppa sistema li kienet ibbażata prinċipalment fuq it-​teorija taʼ ideat taʼ Platun. Plotinu introduċa l-​konċett taʼ ruħ separata mill-​ġisem. Il-​professur E. W. Hopkins qal dwar Plotinu: “It-​teoloġija tiegħu . . . kellha influwenza konsiderevoli fuq il-​mexxejja taʼ opinjoni Kristjana.”

“Kristjanità Ellenizzata” u “Filosofija Kristjana”

Mit-​tieni seklu E.K., xi ħassieba “Kristjani” għamlu sforz determinat biex jimpressjonaw lill-​intellettwali pagani. Minkejja t-​twissija ċara taʼ l-​appostlu Pawlu kontra l-​“kliem profan u fieragħ u l-​kontradizzjonijiet taʼ l-​għerf falz,” dawn l-​għalliema integraw fit-​tagħlim tagħhom elementi filosofiċi mill-​kultura Ellenistika taʼ madwarhom. (1 Timotju 6:20) L-​eżempju taʼ Filo donnu kien jissuġġerixxi li setgħet tkun ħaġa possibbli li wieħed iġib fi qbil il-​Bibbja maʼ ideat Platoniċi.—Qabbel it-2 Pietru 1:16.

M’għandniex xi ngħidu, il-​vera vittma kienet il-​verità Biblika. Għalliema “Kristjani” pprovaw juru li l-​Kristjanità kienet f’armonija maʼ l-​umaniżmu Grieg-Ruman. Klement taʼ Lixandra u Oriġene (it-tieni u t-​tielet seklu E.K.) għamlu n-​Neoplatoniżmu bħala l-​pedament taʼ dik li saret il-​“filosofija Kristjana.” Ambroġju (339-397 E.K.), isqof taʼ Milan, kien “assorba l-​iktar tagħlim Grieg aġġornat, kemm dak Kristjan u kemm dak pagan​—b’mod notevoli x-​xogħlijiet . . . tan-​Neoplatonist pagan Plotinu.” Hu pprova jipprovdi verżjoni klassika tal-​Kristjanità għal-​Latini mgħallmin. Wistin segwa l-​eżempju tiegħu.

Seklu wara, Djonisju l-​Arjopagita (imsejjaħ ukoll psewdo-Djonisju), li x’aktarx kien patri Sirjan, ipprova jgħaqqad il-​filosofija Neoplatonika mat-​teoloġija “Kristjana.” Skond enċiklopedija waħda, il-​“kitbiet [tiegħu] stabbilew xejra Neoplatonika definita f’biċċa kbira ferm mid-​duttrina u l-​ispiritwalità Kristjani u medjevali . . . li ddeterminat diversi aspetti tan-​natura reliġjuża u devozzjonali tagħha sal-​ġurnata tal-​lum.” X’insult sfaċċat għat-​twissija taʼ l-​appostlu Pawlu kontra l-​“filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-​bnedmin”!—Kolossin 2:8.

Affarijiet li Jniġġsu u Jikkorrompu

Ġie notat li “l-​Platonisti Kristjani taw preminenza lir-​rivelazzjoni u qiesu l-​filosofija Platonika bħala l-​aqwa strument disponibbli biex wieħed jifhem u jiddefendi t-​tagħlim taʼ l-​Iskrittura u t-​tradizzjoni tal-​knisja.”

Platun innifsu kien ikkonvinċa ruħu li teżisti ruħ immortali. B’mod sinjifikanti, waħda mid-​duttrini foloz l-​iktar prominenti li daħlet baxx baxx fit-​teoloġija “Kristjana” hija dik taʼ l-​immortalità tar-​ruħ. Li wieħed jaċċetta dan it-​tagħlim bl-​ebda mod ma jistaʼ jiġi ġustifikat fuq il-​bażi taʼ li jekk jagħmel hekk il-​Kristjanità tkun tidher iktar attraenti għall-​mases. Meta kien qed jippriedka f’Ateni, li kienet il-​qalba tal-​kultura Griega, l-​appostlu Pawlu m’għallimx id-​duttrina Platonika tar-​ruħ. Pjuttost, ippriedka d-​duttrina Kristjana taʼ l-​irxoxt, avolja ħafna mill-​Griegi li semgħuh sabuha iebsa li jaċċettaw dak li qal.—Atti 17:22-32.

Kuntrarju għall-​filosofija Griega, l-​Iskrittura turi b’mod ċar li r-​ruħ m’hijiex dak li individwu għandu imma dak li hu. (Ġenesi 2:7, NW) Mal-​mewt, ir-​ruħ ma tibqax teżisti. (Eżekjel 18:4, ) Koħèlet 9:5 jgħidilna: “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-​mejtin ma jafu xejn; lanqas ħlas ma baqaʼ għalihom għax imqar it-​tifkira tagħhom intesiet.” Id-​duttrina taʼ l-​immortalità tar-​ruħ m’hijiex mgħallma fil-​Bibbja.

Tagħlim qarrieq ieħor kellu x’jaqsam mal-​pożizzjoni taʼ Ġesù qabel ma sar bniedem, l-​opinjoni li hu kien ugwali maʼ Missieru. Il-​ktieb The Church of the First Three Centuries jispjega: “Id-​duttrina tat-​Trinità . . . kellha l-​oriġini tagħha f’sors għalkollox barrani minn dak taʼ l-​Iskrittura Lhudija u Kristjana.” X’kien dak is-​sors? Id-​duttrina “żviluppat, u ddaħħlet fil-​Kristjanità, permezz taʼ idejn il-​Missirijiet Platonizzanti.”

Tabilħaqq, hekk kif għadda ż-​żmien u Missirijiet il-​Knisja saru iktar influwenzati min-​Neoplatoniżmu, it-​Trinitarjani kisbu vantaġġ. Bis-​saħħa tal-​filosofija Neoplatonika tat-​tielet seklu mid-​dehra huma setgħu jirrikonċiljaw dak li ma setax jiġi rikonċiljat​—li Alla fi tlieta jagħmluh jidher bħala Alla wieħed. Permezz taʼ raġunar filosofiku huma sostnew li tliet persuni setgħu jkunu Alla wieħed waqt li jżommu l-​individwalità tagħhom!

Madankollu, il-​verità tal-​Bibbja turi b’mod ċar li Jehovah waħdu hu Alla li Jistaʼ Kollox, Ġesù Kristu hu l-​Iben inqas u maħluq Tiegħu, u l-​ispirtu qaddis hu l-​forza attiva Tiegħu. (Dewteronomju 6:4; Isaija 45:5; Atti 2:4; Kolossin 1:15; Apokalissi 3:14) Id-​duttrina tat-​Trinità tiddiżonora lill-​uniku Alla veru u tħawwad lin-​nies, billi ddawwarhom lil hinn minn Alla li ma jistgħux jifhmuh.

Vittma oħra taʼ l-​influwenza Neoplatonika fuq il-​ħsieb Kristjan kienet it-​tama tal-​millennju bbażata fuq l-​Iskrittura. (Apokalissi 20:4-6) Oriġene kien magħruf bħala li kien jikkundanna lill-​millennjalisti. Għala kien jopponiha daqshekk din id-​duttrina Biblika ġustifikata dwar il-​ħakma taʼ Kristu għal elf sena? The Catholic Encyclopedia twieġeb: “Meta wieħed iqis in-​Neo-Platoniżmu li fuqu kienu msejsin id-​duttrini tiegħu . . . , [Oriġene] ma setax jappoġġa lill-​millenarjani.”

Il-Verità

Ebda wieħed mill-​iżviluppi msemmijin hawn fuq ma kellu x’jaqsam mal-​verità. Din il-​verità hija l-​qafas kollu kemm hu tat-​tagħlim Kristjan kif jinsab fil-​Bibbja. (2 Korintin 4:2; Titu 1:1, 14; 2 Ġwann 1-4) Il-​Bibbja hija l-​uniku sors taʼ verità.—Ġwann 17:17; 2 Timotju 3:16.

Madankollu, l-​għadu taʼ Jehovah, tal-​verità, taʼ l-​ispeċi umana, u tal-​ħajja taʼ dejjem​—Satana x-​Xitan, il-​“qattiel” u “missier il-​gideb”—​uża varjetà taʼ modi qarrieqa biex iniġġes dik il-​verità. (Ġwann 8:44; qabbel it-2 Korintin 11:3.) Fost l-​għodod l-​iktar potenti li uża hemm it-​tagħlim taʼ filosfi Griegi pagani​—attwalment riflessjoni tal-​ħsieb tiegħu stess—​fi sforz biex ibiddel il-​kontenut u n-​natura tat-​tagħlim Kristjan.

Din it-​taħlita mhix naturali tat-​tagħlim Kristjan mal-​filosofija Griega hija attentat biex iċekken il-​verità tal-​Bibbja, billi jnaqqas il-​qawwa u l-​appell tagħha għal dawk li jfittxu l-​verità u li huma ġwejdin, sinċieri, u lesti li jitgħallmu. (1 Korintin 3:1, 2, 19, 20) Din għandha t-​tendenza wkoll li tikkorrompi s-​safa tad-​duttrina Biblika li hija ċara daqs il-​kristall, billi ċċajpar id-​distinzjoni bejn il-​verità u l-​qerq.

Illum, taħt id-​direzzjoni tal-​Kap tal-​kongregazzjoni, Ġesù Kristu, il-​veru tagħlim Kristjan ġie restawrat. Ukoll, dawk l-​uħud sinċieri li jfittxu l-​verità jistgħu jidentifikaw faċilment ferm il-​vera kongregazzjoni Kristjana mill-​frott tagħha. (Mattew 7:16, 20) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma lesti u ħerqanin biex jgħinu lil uħud bħal dawn isibu l-​ilmijiet mhux imniġġsin tal-​verità u biex jassistuhom ħalli jaqbdu qabda soda mal-​wirt taʼ ħajja taʼ dejjem offrut minn Missierna, Jehovah.—Ġwann 4:14; 1 Timotju 6:19.

[Stampa f’paġna 11]

Wistin

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 10]

Test Grieg: Mill-​ktieb Ancient Greek Writers: Plato’s Phaedo, 1957, Ioannis N. Zacharopoulos, Ateni; Platun: Musei Capitolini, Roma