Jehovah Jħejji t-Triq
Jehovah Jħejji t-Triq
“Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar.”—MATTEW 24:14.
1. Xi twettaq bix-xogħol taʼ l-ippridkar kemm fl-ewwel seklu u kemm fis-seklu 20?
PERESS li Jehovah hu Alla taʼ mħabba, hija r-rieda tiegħu li “l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:4) Dan irrikjeda kampanja internazzjonali taʼ ppridkar u tagħlim. Fl-ewwel seklu, dan l-ippridkar għamel il-kongregazzjoni Kristjana “kolonna u pedament tal-verità.” (1 Timotju 3:15) Wara dan ġie perijodu twil taʼ apostasija li matulu d-dawl tal-verità tbaxxa ferm. Fi żminijiet reċenti, matul iż-“żmien tat-tmiem,” il-“veru għarfien” sar għal darb’oħra abbundanti, billi lil miljuni taʼ nies ġabilhom tama taʼ salvazzjoni għal dejjem ibbażata fuq il-Bibbja.—Danjel 12:4, NW.
2. Jehovah x’għamel rigward l-attività taʼ l-ippridkar?
2 Minkejja l-isforzi bla waqfien taʼ Satana biex ifixkel l-iskop t’Alla, l-attività taʼ l-ippridkar, kemm fl-ewwel seklu u kemm fis-seklu 20, kellha suċċess taʼ l-għaġeb. Dan ifakkarna fil-profezija taʼ Isaija. Rigward ir-ritorn taʼ xi eżiljati Lhud lejn Ġuda fis-sitt seklu Q.E.K., Isaija kiteb: “Jintradam kull wied, u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet; kull art imħabbta titwitta kull art imħarbta ssir maqgħad.” (Isaija 40:4) Jehovah ħejja u witta wkoll it-triq għall-kampanji kbar taʼ ppridkar, kemm taʼ l-ewwel seklu u kemm tas-seklu 20.
3. Jehovah b’liema modi kapaċi jwettaq l-iskopijiet tiegħu?
3 Dan ma jfissirx li Jehovah influwenza direttament kull żvilupp fuq l-art sabiex javanza l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba; lanqas ma jfisser li Jehovah eżerċita s-setgħa tiegħu li jara bil-quddiem biex ikun jaf b’kull dettall kulma kellu jseħħ. Veru, hu kapaċi, kemm jara bil-quddiem u kemm isawwar ġrajjiet futuri. (Isaija 46:9-11) Imma hu kapaċi wkoll jirreaġixxi għall-iżviluppi hekk kif dawn jiżvolġu. Bħal ragħaj t’esperjenza li jaf jidderieġi kif ukoll jipproteġi l-merħla tiegħu, Jehovah jiggwida lill-poplu tiegħu. Hu jwassalhom għas-salvazzjoni, billi jipproteġi l-ispiritwalità tagħhom u jqanqalhom biex jieħdu vantaġġ minn ċerti sitwazzjonijiet u żviluppi li jippromwovu s-suċċess fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba mad-dinja kollha.—Salm 23:1-4.
Inkarigu Diffiċli
4, 5. L-ippridkar taʼ l-aħbar tajba għala kien inkarigu taʼ sfida?
4 Bħalma kien il-bini taʼ l-arka fi żmien Noè, ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna kien u għadu proġett enormi—kemm fl-ewwel seklu u kemm fiż-żminijiet moderni. Li tilħaq in-nies kollha bi kwalunkwe messaġġ huwa diġà biċċa xogħol diffiċli, imma dan ix-xogħol kien taʼ sfida speċjali. Fl-ewwel seklu, id-dixxipli kienu relattivament ftit. Ġesù, il-Mexxej tagħhom, kien ngħata l-mewt fuq l-allegazzjoni li kien ħati taʼ sedizzjoni. Ir-reliġjon Lhudija kienet stabbilita sew. Tempju manjifiku kien jinstab f’Ġerusalemm. Reliġjonijiet mhux Lhud fl-inħawi tal-Mediterran kienu wkoll stabbiliti sew, b’tempji u saċerdozji. Bl-istess mod, hekk kif beda ż-“żmien taʼ l-aħħar” fl-1914, il-Kristjani midlukin kienu ftit, u s-segwaċi taʼ reliġjonijiet oħrajn, li kienu jsostnu li qed jaqdu ’l Alla, kienu ħafna.—Danjel 12:9.
5 Ġesù kien wissa lis-segwaċi tiegħu li kellhom ikunu persegwitati. Qal: “Mbagħad jagħtukom f’idejn min iħabbatkom u joqtolkom; u l-ġnus kollha jsiru jobogħdukom minħabba f’ismi.” (Mattew 24:9) Minbarra problemi bħal dawn, partikolarment fl-“aħħar jiem,” il-Kristjani kellhom isibu ruħhom fi “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1, NW) L-ammont kbir taʼ xogħol, iċ-ċertezza tal-persekuzzjoni, u d-diffikultà taż-żminijiet għamlu x-xogħol taʼ l-ippridkar diffiċli u taʼ sfida. Huma kellhom bżonn fidi qawwija.
6. Jehovah liema assiguranza taʼ suċċess ta lill-poplu tiegħu?
6 Filwaqt li Jehovah kien jaf li kien se jkun hemm diffikultajiet, hu kien jaf ukoll li xejn ma kellu jwaqqaf ix-xogħol. Is-suċċess kien tbassar fi profezija magħrufa sew bi twettiq straordinarju, kemm fl-ewwel seklu u kemm fis-seklu 20: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha.” (Korsiv tagħna.)—Mattew 24:14.
7. Kemm kienet estensiva l-attività taʼ l-ippridkar fl-ewwel seklu?
7 Mimlijin b’fidi u spirtu qaddis, il-qaddejja t’Alla fl-ewwel seklu rħewlha biex iwettqu l-inkarigu tagħhom. Peress li Jehovah wera li kien magħhom, huma kisbu suċċess ferm akbar milli setgħu stennew. Sa meta Pawlu kiteb lill-Kolossin, madwar 27 sena wara l-mewt taʼ Ġesù, hu setaʼ jgħid dwar l-aħbar tajba bħala li ‘tħabbret lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.’ (Kolossin 1:23) B’mod simili, sa tmiem is-seklu 20, l-aħbar tajba qed tiġi pridkata f’233 pajjiż.
8. Ħafna wħud taħt liema xorta taʼ ċirkustanzi ħaddnu l-aħbar tajba? Agħti eżempji.
8 Miljuni ħaddnu l-aħbar tajba fis-snin reċenti. Ħafna għamlu dan taħt ċirkustanzi mhux favorevoli—matul perijodi taʼ gwerra, projbizzjoni, u persekuzzjoni intensa. Dan kien minnu wkoll fl-ewwel seklu. F’okkażjoni minnhom, Pawlu u Sila ssawtu brutalment bil-bsaten u ntefgħu l-ħabs. X’sitwazzjoni xejn promettenti biex jagħmlu dixxipli! Madankollu, Jehovah uża dik is-sitwazzjoni biex jagħmel preċiż dan. Pawlu u Sila nħelsu, u l-kalzrier flimkien mal-familja tiegħu saru kredenti. (Atti 16:19-33) Esperjenzi bħal dawn juru li l-aħbar tajba ma tistax tissikket minn dawk li jopponuha. (Isaija 54:17) Però, l-istorja tal-Kristjanità ma kinitx waħda taʼ kuntrarjetà u persekuzzjoni li ma jaqtgħu xejn. Ejja issa niffokaw fuq xi żviluppi favorevoli li għenu biex iwittu t-triq għas-suċċess fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba kemm fl-ewwel seklu u kemm fis-seklu 20.
Ambjent Reliġjuż
9, 10. Jehovah kif ħoloq stennija għall-ippridkar taʼ l-aħbar tajba fl-ewwel seklu u fis-seklu 20?
9 Ikkunsidra ż-żmien meta kellhom isiru l-kampanji globali taʼ ppridkar. Rigward l-isfond fl-ewwel seklu, il-profezija tas-70 ġimgħa taʼ snin, misjuba f’Danjel 9:24-27, identifikat bi preċiżjoni s-sena meta kellu jidher il-Messija—29 E.K. Għalkemm il-Lhud taʼ l-ewwel seklu ma fehmux meta kellhom jitwettqu eżatt il-ġrajjiet, huma kienu qed jistennew ħerqanin lill-Messija. (Luqa 3:15) Il-pubblikazzjoni Franċiża Manuel Biblique tgħid: “In-nies kienu jafu li s-sebgħin ġimgħa taʼ snin iffissati minn Danjel kienu waslu biex jintemmu; ħadd ma kien sorpriż li jismaʼ lil Ġwanni l-Battista jħabbar li s-saltna t’Alla kienet qorbot.”
10 Xi ngħidu dwar l-isfond fiż-żminijiet moderni? Sewwa, żvilupp kolossali kien l-għoti tat-tron lil Ġesù fis-sema, li mmarka l-bidu tal-preżenza tiegħu bil-qawwa tas-Saltna. Il-profezija tal-Bibbja turi li dan seħħ fl-1914. (Danjel 4:13-17) L-antiċipazzjoni għal dan l-avveniment ikkaġunat ukoll li xi nies reliġjużi fiż-żminijiet moderni jimtlew bi stennija. L-istennija kienet evidenti wkoll fost l-Istudenti sinċieri tal-Bibbja li bdew jippubblikaw din ir-rivista fl-1879 bħala Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence. B’hekk, kemm fl-ewwel seklu u kemm fiż-żminijiet moderni, stennija reliġjuża ħejjiet l-ambjent għall-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. a
11. Liema pedamenti reliġjużi tpoġġew biex jgħinu fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba?
11 Fattur ieħor li għen ix-xogħol tal-Kristjani fiż-żewġ epoki kien li ħafna nies kienu familjari mal-Kotba Mqaddsa. Fl-ewwel seklu, komunitajiet Lhud kienu mferrxa mal-ġnus Ġentili ġirien kollha. Dawk il-komunitajiet kellhom sinagogi li fihom in-nies kienu jiltaqgħu regolarment biex jisimgħu l-Iskrittura tinqara u tiġi diskussa. B’hekk, il-Kristjani bikrin setgħu jibnu fuq l-għarfien reliġjuż li n-nies kellhom diġà. (Atti 8:28-36; 17:1, 2) Kmieni fl-epoka tagħna, in-nies taʼ Jehovah gawdew sitwazzjoni simili f’ħafna pajjiżi. Il-Bibbja kienet disponibbli fil-qasam kollu tal-Kristjaneżmu, speċjalment f’pajjiżi Protestanti. Kienet tinqara f’ħafna knejjes; u miljuni kellhom kopja persunali. Il-Bibbja kienet diġà f’idejn in-nies, imma kienu jeħtieġu għajnuna biex jifhmu dak li kellhom f’idejhom.
Il-Benefiċċji tal-Liġi
12. Il-liġi Rumana kif kienet normalment miżura taʼ sigurtà fl-ewwel seklu?
12 L-ippridkar Kristjan taʼ spiss ibbenefika mil-liġi governattiva. L-Imperu Ruman iddomina d-dinja taʼ l-ewwel seklu, u l-liġijiet miktubin tiegħu kellhom influwenza profonda fil-ħajja taʼ kuljum. Dawn il-liġijiet ipprovdew miżuri taʼ sigurtà, u l-Kristjani bikrin ibbenefikaw minnhom. Per eżempju, l-appell taʼ Pawlu għal-liġi Rumana wassal biex inħeles mill-ħabs u evitalu li jiġi flaġellat. (Atti 16:37-39; 22:25, 29) Referenza għall-provvediment tas-sistema legali Rumana għenet biex tikkalma marmalja rrabjata f’Efesu. (Atti 19:35-41) Darba, Pawlu nħeles mill-vjolenza f’Ġerusalemm għaliex kien ċittadin Ruman. (Atti 23:27) Iktar tard, il-liġi Rumana ppermettietlu li jagħmel difiża legali tal-fidi tiegħu quddiem Ċesari. (Atti 25:11) Għalkemm ħafna mill-Imperaturi kienu jaħkmu b’tirannija, il-liġijiet fl-ewwel seklu kienu normalment jippermettu biex ‘tiġi difiża u stabbilita l-aħbar tajba.’—Filippin 1:7, NW.
13. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar fi żmienna kif ibbenefika taʼ spiss mil-liġi?
13 Is-sitwazzjoni hija l-istess f’ħafna pajjiżi llum. Għalkemm kien hemm dawk li “jagħmlu l-qerq taħt il-libsa tal-liġi,” liġijiet bil-kitba fil-biċċa l-kbira mill-pajjiżi jqisu l-libertà reliġjuża bħala dritt bażiku. (Salm 94:20) Billi rrikonoxxew li x-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex taʼ theddida għall-ordni soċjali, ħafna gvernijiet aċċettaw li niġu rikonoxxuti legalment. Fl-Istati Uniti, fejn isir ħafna mill-istampar tax-Xhieda, liġijiet eżistenti għamluha possibbli li r-rivista Torri taʼ l-Għassa tibqaʼ toħroġ għal 120 sena bla waqfien u li tinqara mad-dinja kollha.
Perijodi taʼ Paċi u Tolleranza
14, 15. L-istabbiltà soċjali relattiva kif kienet taʼ benefiċċju għall-attività taʼ l-ippridkar fl-ewwel seklu?
14 L-attività taʼ l-ippridkar ibbenefikat ukoll minn perijodi taʼ paċi relattiva. Għalkemm Ġesù bassar b’mod preċiż li fiż-żminijiet involuti kellu jqum “ġens kontra ġens,” kien hemm intervalli taʼ stabbiltà li għamlu possibbli ppridkar intensiv tas-Saltna. (Mattew 24:7) Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu għexu taħt il-Pax Romana, jew Paċi Rumana. Wieħed storjografu kiteb: “Ruma tant kienet rażżnet kompletament lill-popli tad-dinja Mediterranja li hi temmitilhom annati taʼ kważi gwerra kontinwa.” Din l-istabbiltà fetħet it-triq għall-Kristjani bikrin biex jivvjaġġaw f’sigurtà relattiva mad-dinja Rumana kollha.
15 L-Imperu Ruman stinka biex jgħaqqad lill-popli taħt il-ħakma setgħana tiegħu. Din l-istrateġija ppromwoviet mhux biss l-ivvjaġġar, it-tolleranza, u l-bdil taʼ ideat imma wkoll il-konċett taʼ fratellanza internazzjonali. Il-ktieb On the Road to Civilization jgħid: “L-unità taʼ l-Imperu [Ruman] għamlet il-qasam [għall-ippridkar Kristjan] wieħed favorevoli. Ħitan taʼ firda bejn il-ġnus twaqqgħu. Ċittadin Ruman kien ċittadin tad-dinja. . . . Iktar minn hekk, reliġjon li kienet tgħallem il-fratellanza tal-bnedmin setgħet tiftiehem fi stat li kien żviluppa l-idea taʼ ċittadinanza universali.”—Qabbel Atti 10:34, 35; 1 Pietru 2:17.
16, 17. Liema ħaġa qanqlet l-isforzi għall-promozzjoni tal-paċi fiż-żminijiet moderni, u ħafna nies għal liema konklużjoni waslu?
16 Xi ngħidu għal żmienna? Is-seklu 20 ra l-iktar gwerer distruttivi fl-istorja, u f’xi pajjiżi gwerer reġjonali għadhom għaddejjin. (Apokalissi 6:4) Madankollu, kien hemm ukoll perijodi taʼ paċi relattiva. Il-potenzi ewlenin ma ġġildux kontra xulxin fi gwerra totali għal iktar minn 50 sena. Din is-sitwazzjoni għenet bil-kbir l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba f’dawk il-pajjiżi.
17 Il-konsegwenzi li jwaħħxu tal-gwerer tas-seklu 20 wasslu lil ħafna nies biex jirrikonoxxu l-bżonn taʼ gvern dinji. Biżaʼ minn gwerra dinjija wassal għall-formazzjoni kemm tal-Lega tan-Nazzjonijiet u kemm tal-Ġnus Magħquda. (Apokalissi 13:14) Għan proklamat miż-żewġ organizzazzjonijiet kien il-promozzjoni taʼ kooperazzjoni u paċi internazzjonali. Nies li jħossu dan il-bżonn taʼ spiss iwieġbu b’mod favorevoli għall-aħbar tajba tal-gvern dinji li se jġib paċi ġenwina u dejjiema—is-Saltna t’Alla.
18. Liema attitudni lejn ir-reliġjon kienet favorevoli għax-xogħol taʼ l-ippridkar?
18 Għalkemm il-Kristjani xi drabi ġew persegwitati bi ħruxija kbira, kemm l-ewwel seklu u kemm is-seklu 20 raw perijodi taʼ tolleranza reliġjuża. (Ġwann 15:20; Atti ) Ir-Rumani adottaw lill-allat tal-popli li kienu jikkonkwistaw u addattaw ruħhom liberament għalihom. Il-Professur Rodney Stark kiteb: “F’ħafna aspetti Ruma ppermettiet livell akbar taʼ libertà reliġjuża li bħalu ma reġax deher sa wara r-Rivoluzzjoni Amerikana.” Fiż-żminijiet moderni, in-nies f’ħafna pajjiżi saru iktar moħħhom miftuħ għal opinjonijiet oħrajn, bir-riżultat li huma iktar lesti li jisimgħu l-messaġġ Bibliku mwassal mix-Xhieda taʼ Jehovah. 9:31
L-Irwol tat-Teknoloġija
19. Il-Kristjani bikrin kif għamlu użu mill-kodiċi?
19 Finalment, ikkunsidra kif Jehovah għen lin-nies tiegħu jibbenefikaw mill-avvanzi teknoloġiċi. Għalkemm il-Kristjani bikrin ma kinux jgħixu f’era taʼ avvanz teknoloġiku mgħaġġel, żvilupp wieħed li għamlu użu minnu kien il-kodiċi, jew ktieb bil-folji. Il-kodiċi ħadet post l-iskroll li kien tqil u goff. Il-ktieb The Birth of the Codex jgħid: “B’kuntrast mal-proċess li ħa ħafna żmien u li bih il-kodiċi ħadet post l-iskroll fil-letteratura sekulari, l-adozzjoni tal-kodiċi mill-Kristjani donnha li kienet immedjata u universali.” Dan ix-xogħol taʼ referenza jgħid ukoll: “L-użu tal-kodiċi mill-Kristjani tant kien universali fit-tieni seklu li l-introduzzjoni tagħha żgur li tmur lura għal ħafna qabel is-sena 100 A.D.” Il-kodiċi kienet iktar faċli biex tużaha minn skroll. L-iskritturi setgħu jinstabu iżjed malajr. Dan żgur li għen lill-Kristjani bikrin li, bħal Pawlu, mhux biss spjegaw l-Iskrittura imma wkoll ‘taw prova bir-referenzi’ taʼ l-affarijiet li kienu jgħallmu dwarhom.—Atti 17:2, 3.
20. In-nies t’Alla kif għamlu użu mit-teknoloġija moderna fl-attività globali taʼ l-ippridkar, u għala?
20 L-avvanzi teknoloġiċi fis-seklu tagħna kienu taʼ l-għaġeb. Magni li jistampaw b’ħeffa kbira għenu biex jagħmlu possibbli l-ippubblikar simultanju taʼ letteratura Biblika f’għadd kbir taʼ lingwi. It-teknoloġija moderna għaġġlet ix-xogħol taʼ traduzzjoni Biblika. Trakkijiet, ferroviji, vapuri, u ajruplani jagħmluha possibbli biex letteratura Biblika tinġarr malajr mad-dinja kollha. Telefons u apparat tal-fax għamlu l-komunikazzjoni immedjata ħaġa reali. Permezz taʼ l-ispirtu tiegħu, Jehovah qanqal lill-qaddejja tiegħu biex ipoġġu din it-teknoloġija għal użu prattiku biex jippromwovu t-tixrid taʼ l-aħbar tajba mad-dinja kollha. M’humiex qed jużaw dawn l-iżviluppi bix-xewqa li jkunu jafu u jużaw dak kollu li jkun taʼ l-aħħar fid-dinja. Minflok, l-interess ewlieni tagħhom hu x’jistaʼ jgħinhom iwettqu l-inkarigu tagħhom taʼ l-ippridkar bl-iktar mod effettiv.
21. Dwar liema ħaġa nistgħu nkunu fiduċjużi?
21 “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha,” bassar Ġesù. (Mattew 24:14) Sewwa sew bħalma l-Kristjani bikrin raw twettiq taʼ din il-profezija, hekk aħna llum naraw dan fuq skala vasta. Minkejja li x-xogħol hu enormi u diffiċli, matul żminijiet favorevoli u dawk mhux favorevoli, fost liġijiet u attitudnijiet li dejjem jitbiddlu, fil-gwerer u fil-paċi, u fost kull xorta taʼ avvanzi teknoloġiċi, l-aħbar tajba ġiet u għadha qed tiġi pridkata. Ma jimlikx dan b’ammirazzjoni profonda għall-għerf u s-setgħa taʼ l-għaġeb taʼ Jehovah li jara bil-quddiem? Nistgħu nkunu assolutament ċerti li x-xogħol taʼ l-ippridkar se jitlesta skond l-iskeda taʼ Jehovah u li l-iskop taʼ mħabba tiegħu se jitwettaq għall-barka tat-twajbin. Huma se jkollhom pussess taʼ l-art u jgħixu fiha għal dejjem. (Salm 37:29; Ħabakkuk 2:3) Jekk ngħixu f’armonija maʼ l-iskop taʼ Jehovah, aħna se nkunu fosthom.—1 Timotju 4:16.
[Nota taʼ taħt]
a Għal spjegazzjoni iktar dettaljata taʼ dawn iż-żewġ profeziji Messjaniċi, ara l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, paġni 36, 97, u 98-107, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Punti għal Reviżjoni
◻ L-ippridkar taʼ l-aħbar tajba għala kien inkarigu taʼ sfida?
◻ Ix-xogħol tal-Kristjani b’liema modi bbenefika minn arranġamenti governattivi u stabbiltà soċjali relattiva?
◻ Il-barka taʼ Jehovah fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar dwar liema żviluppi futuri tiżgurana?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]