Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Il-​Kristjani kemm għandhom jiħduha bis-​serjetà l-​għerusija?

L-​għerusija hija xi ħaġa li ġġib il-​ferħ, imma hija wkoll xi ħaġa serja. L-​ebda Kristjan matur m’għandu jieħu l-​għerusija ħafif ħafif, forsi billi jħoss li meta jrid jistaʼ jwaqqaf kollox għal xejn b’xejn. Il-​perijodu taʼ l-​għerusija huwa wkoll żmien meta l-​għarajjes isiru jafu iktar ’il xulxin qabel ma jiżżewġu.

Meta nkunu qed niddiskutu dan is-​suġġett, għandna nifhmu li drawwiet soċjali li jinvolvu ż-​żwieġ, u l-​passi li jwasslu għalih, ivarjaw bil-​kbir f’postijiet jew żminijiet differenti. Il-​Bibbja tagħtina eżempji taʼ dan.

Iż-żewġt ibniet taʼ Lot, li kien “għadu ma għarafhom ħadd” sesswalment, kienu b’xi mod għarajjes lil żewġt irġiel tal-​lokal. ‘Ħtien’ Lot “kellhom jieħdu l-​bniet tiegħu.” (Saydon) Madankollu l-​Bibbja ma tgħidilniex għala jew kif saret l-​għerusija tagħhom. Kienu adulti l-​bniet taʼ Lot? Kienet tgħodd kelmithom f’li jagħżlu lil min jiżżewġu? Tgħarrsu billi ħadu xi pass fil-​pubbliku? Dan aħna ma nafuhx. (Ġenesi 19:8-14) Li nafu hu li Ġakobb għamel l-​arranġamenti persunali tiegħu maʼ missier Rakele biex jiżżewwiġha wara li jkun ħadimlu sebaʼ snin. Għalkemm Ġakobb tkellem dwar Rakele bħala “marti,” ma kellhom l-​ebda relazzjonijiet sesswali matul dawk is-​snin. (Ġenesi 29:18-21) Bħala eżempju ieħor, qabel ma setaʼ jiżżewweġ lil bint Sawl, David kellu jikseb rebħa fuq il-​Filistin. Malli wettaq dak li talab minnu Sawl, David setaʼ jiżżewweġ lil bintu, Mikal. (1 Samwel 18:20-28) Dawk it-​tipi “t’għerusija” kienu differenti minn wieħed għall-​ieħor u minn dak li hu komuni llum f’ħafna pajjiżi.

Il-Liġi Mosajka kellha regolamenti dwar iż-​żwieġ u l-​għerusija. Per eżempju, raġel setaʼ jkollu iktar minn mara waħda; setaʼ jikseb divorzju għal diversi raġunijiet, għalkemm mid-​dehra l-​mara dan ma setgħetx tagħmlu. (Eżodu 22:16, 17; Dewteronomju 24:1-4) Raġel li jisseduċi xebba li ma kinitx għarusa kellu jiżżewwiġha jekk missierha kien jaqbel maʼ dan, u qatt ma setaʼ jiddivorzjaha. (Dewteronomju 22:28, 29) Kien hemm liġijiet oħrajn li kienu japplikaw għaż-​żwieġ, bħal per eżempju, meta relazzjonijiet sesswali kellhom jiġu evitati. (Levitiku 12:2, 5; 15:24; 18:19) Liema regolamenti kellhom x’jaqsmu maʼ l-​għerusija?

Mara Iżraelita għarusa kellha pożizzjoni legali differenti minn dik taʼ mara mhix għarusa; f’ċerti aspetti kienet tiġi kunsidrata li hi miżżewġa. (Dewteronomju 22:23-29; Mattew 1:18, 19) L-​Iżraeliti ma setgħux jitgħarrsu jew jiżżewġu ċerti wħud minn qrabathom. Normalment dawn kienu jkunu konsangwinji, imma kien hemm xi għerusijiet u żwiġijiet li kienu projbiti minħabba d-​drittijiet tal-​wirt. (Levitiku 18:6-20; ara The Watchtower tal-​15 taʼ Marzu, 1978, paġni 25-8.) Jidher ċar li l-​qaddejja t’Alla kellhom jieħdu l-​għerusija bis-​serjetà.

Taħt il-​Liġi, l-​Iżraeliti kienu taħt numru mhux ħażin taʼ regolamenti bħal dawn, imma l-​Kristjani m’humiex taħt dik il-​Liġi, inkluż dawk ir-​regolamenti dwar l-​għerusija jew iż-​żwieġ. (Rumani 7:4, 6; Efesin 2:15; Lhud 8:6, 13) Fil-​fatt, Ġesù għallem li l-​proċedura Kristjana normali rigward iż-​żwieġ kienet differenti minn dik tal-​Liġi. (Mattew 19:3-9) Xorta waħda, hu ma ċekkinx is-​serjetà taż-​żwieġ, u lanqas dik taʼ l-​għerusija. Mela, xi ngħidu dwar is-​suġġett li qed nikkunsidraw issa, l-​għerusija fost il-​Kristjani?

F’ħafna pajjiżi l-​individwi jagħmlu l-​għażla tagħhom dwar lil min se jiżżewġu. Ladarba mara u raġel iwegħdu li jiżżewġu lil xulxin, huma jiġu kunsidrati bħala għarajjes. Normalment, l-​ebda pass formali ieħor ma huwa mitlub biex jistabbilixxi l-​għerusija. Huwa minnu li f’xi pajjiżi hija ħaġa komuni għar-​raġel li jagħti lil dik li se tkun martu ċurkett biex jissinjifika l-​għerusija tagħhom. Jew hija drawwa li l-​għerusija tiġi mħabbra lill-​qraba u lill-​ħbieb, bħal f’xi ikla tal-​familja jew f’xi laqgħa soċjali żgħira oħra. Dawn huma għażliet persunali, mhux ħtiġijiet Skritturali. Dak li jifforma l-​għerusija huwa l-​ftehim li jsir bejn it-​tnejn. a

Kristjan m’għandux jgħaġġel biex jidħol għal namrar, għerusija, jew żwieġ. Aħna nippubblikaw materjal ibbażat fuq il-​Bibbja li jistaʼ jgħin individwi mhux miżżewġin biex jiddeċiedu jekk hux għaqli li jinbeda xi namrar jew li jittieħdu xi passi lejn l-​għerusija jew iż-​żwieġ. b Element fundamentali tal-​parir huwa li żwieġ Kristjan huwa permanenti.—Ġenesi 2:24; Mark 10:6-9.

Żewġ Kristjani għandhom ikunu jafu lil xulxin sew qabel ma jibdew jaħsbu fuq l-​għerusija. Kull wieħed minnhom jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu, ‘Ninsab jien verament ċert rigward l-​ispiritwalità u d-​devozzjoni lejn Alla tal-​persuna l-​oħra? Nistaʼ nara lili nnifsi naqdi lil Alla maʼ dik il-​persuna għal ħajti kollha? Ġejna esposti b’mod adegwat għall-​karatteristiċi tal-​personalità taʼ xulxin? Ninsab fiduċjuż jien li se nkunu kompatibbli għal dejjem? Nafu biżżejjed dwar l-​azzjonijiet tal-​passat u ċ-​ċirkustanzi tal-​preżent taʼ xulxin?’

Ladarba żewġ Kristjani jagħtu kelmithom għaż-​żwieġ, huwa tajjeb kemm għalihom u kemm għal ħaddieħor li jistennew li issa jmiss iż-​żwieġ. Ġesù wissa: “Ħa jkun id-​diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le.’” (Korsiv tagħna.) (Mattew 5:37) Kristjani li jitgħarrsu għandhom jieħdu dan il-​pass bis-​serjetà kollha. Madankollu, jistaʼ jkun hemm każi rari fejn għarus Kristjan jistaʼ jsir jaf b’xi ħaġa serja li ma ġietx imsemmija jew li nżammet mistura qabel ma daħlu għall-​għerusija. Jistaʼ jkun xi fatt sinjifikanti dwar il-​passat tal-​persuna l-​oħra, forsi saħansitra xi att kriminali jew immorali. Il-​Kristjan li jsir jaf b’dan irid jiddeċiedi x’għandu jagħmel. Forsi t-​tnejn għandhom jiddiskutu l-​kwistjoni bir-​reqqa u jaqblu li jkomplu l-​għerusija. Jew jistgħu bejniethom jiddeċiedu li jtemmu l-​għerusija. Għalkemm li jsir dan għandu jkun kwistjoni persunali​—mhix xi ħaġa li ħaddieħor għandu joqgħod jiddeffes fiha, jispekula dwarha, jew jiġġudikaha—​din hija deċiżjoni serjissima. Mill-​banda l-​oħra, il-​wieħed li jsir jaf bil-​kwistjoni serja jistaʼ personalment iħossu mġiegħel iwaqqaf l-​għerusija, saħansitra jekk il-​persuna l-​oħra trid li tkompli.​—Ara “Questions From Readers” f’The Watchtower tal-​15 taʼ Ġunju, 1975.

Hemm raġuni tajba għalli ssolvi kwistjonijiet bħal dawn qabel ma tidħol għaż-​żwieġ. Ġesù qal li l-​unika bażi Skritturali għal divorzju li jeħles lil dak li jkun biex jerġaʼ jiżżewweġ hija por·neiʹa, immoralità sesswali gravi min-​naħa tal-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ. (Mattew 5:32; 19:9) Ma qalx li kwalunkwe żwieġ legali jistaʼ jintemm bid-​divorzju jekk wieħed isir jaf b’xi problema gravi jew b’xi għemil ħażin li saru qabel iż-​żwieġ.

Per eżempju, fi żmien Ġesù, li wieħed ilaqqat il-​marda tal-​ġdiem kienet bla dubju xi ħaġa possibbli ferm. Jekk raġel Lhudi sar jaf li seħbitu kellha (taf jew ma tafx) il-​ġdiem meta żżewġitu, kien ikollu bażi biex jiddivorzja? Lhudi taħt il-​Liġi setaʼ b’hekk jiddivorzja, imma Ġesù ma qalx li dan kien ikun xieraq għas-​segwaċi tiegħu. Ikkunsidra xi sitwazzjonijiet fi żmienna. Raġel infettat bis-​sifilide, herpes ġenitali, HIV, jew xi marda serja oħra li tittieħed jistaʼ jiżżewweġ mingħajr ma juri dan. Forsi l-​infezzjoni tiegħu ġiet minn xi immoralità sesswali qabel jew waqt l-​għerusija. Li l-​mara iktar tard issir taf dwar din il-​marda jew l-​immoralità tal-​passat (forsi wkoll sterilità jew impotenza) ma jbiddilx il-​fatt li huma issa miżżewġin. Passat immorali qabel iż-​żwieġ m’huwiex bażi Skritturali biex twaqqaf iż-​żwieġ iktar milli kieku l-​mara kienet laqtet xi marda jew saħansitra kienet qed taħbi tqala minn xi raġel ieħor meta żżewġet. Issa huma miżżewġin u marbutin flimkien.

Huwa minnu li sitwazzjonijiet taʼ niket bħal dawn huma rari, imma dawn l-​eżempji għandhom jenfasizzaw iktar il-​punt bażiku: L-​għerusija m’għandhiex tittieħed ħafif ħafif. Qabel u waqt l-​għerusija, il-​Kristjani għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isiru jafu lil xulxin sew. Għandhom ikunu onesti dwar dak li l-​persuna l-​oħra trid tkun taf jew għandha dritt tkun taf. (F’xi pajjiżi l-​koppji huma meħtiġin legalment li jkollhom eżami mediku qabel iż-​żwieġ. Oħrajn ikunu jridu eżami mediku bħal dan għall-​informazzjoni tagħhom stess.) B’hekk, il-​ferħ u s-​serjetà taʼ l-​għerusija jservu skop onorabbli hekk kif it-​tnejn jersqu lejn l-​istat li hu saħansitra iktar ferrieħi u serju taż-​żwieġ.—Proverbji 5:18, 19; Efesin 5:33.

[Noti taʼ taħt]

a F’xi soċjetajiet il-​ġenituri għadhom jorganizzaw huma lil min uliedhom għandhom jitgħarrsu. Dan jistaʼ jsir xi ftit taż-​żmien mhux ħażin qabel ma t-​tnejn ikunu f’pożizzjoni biex jiżżewġu. Sadanittant huma jiġu rikonoxxuti bħala għarajjes, jew imwegħdin lil xulxin, imma għadhom m’humiex miżżewġin.

b Ara Questions Young People Ask​—Answers That Work, kapitli 28-​32, u Is-​Sigriet Taʼ L-​Hena Fil-​Familja, kapitlu 2, pubblikati mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.