Ngħixu b’Fidi fil-Wegħdi t’Alla
Ngħixu b’Fidi fil-Wegħdi t’Alla
“Jien hu Alla, u ħadd ħliefi m’hemm. Jien Alla u m’hemm ħadd bħali. Sa mill-bidu ngħarraf it-tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx.”—ISAIJA 46:9, 10.
1, 2. Liema huma xi opinjonijiet differenti dwar l-involviment t’Alla f’dak li jiġri fuq l-art?
KEMM hu involut Alla f’dak li jiġri fuq l-art? L-opinjonijiet ivarjaw. Ħarsa waħda hija li m’hu involut assolutament xejn. Wara li beda l-proċess tal-ħajja permezz tal-ħolqien, hu jew ma jridx jew ma jistax jaġixxi għan-nom tagħna. F’din il-ħarsa, Alla hu bħal missier li jpoġġi lil ibnu fuq rota ġdida, jissodaha, u jagħtiha tefgħa biex lil ibnu jqabbdu t-triq. Wara dan, il-missier jitlaq ’l hemm. It-tifel intelaq għal riħu; għandu mnejn jaqaʼ, jew għandu mnejn le. Jiġri x’jiġri, il-missier ħasel idejh.
2 Ħarsa oħra hi li Alla qed jidderieġi b’mod attiv kull aspett taʼ ħajjitna u li hu involut direttament f’dak kollu li qed jiġri mal-ħolqien kollu tiegħu. Iżda jekk dan hu minnu, xi wħud jaslu biex jikkonkludu li Alla ma jikkaġunax biss l-affarijiet tajbin li jseħħu imma wkoll il-kriminalità u t-traġedji li jkiddu lill-umanità. Li nkunu nafu l-verità dwar kif jaġixxi Alla se jgħinna nkunu nafu x’għandna nistennew minnu. Dan se jsaħħaħ ukoll il-fidi tagħna fit-twettiq ċert tal-wegħdi tiegħu.—Lhud 11:1.
3. (a) Kif nafu li Jehovah hu Alla taʼ skop? (b) Jehovah għala jintqal fuqu bħala li ‘jħejji’ u ‘jsawwar’ l-iskop tiegħu?
3 Il-fatt li Jehovah hu Alla taʼ skop hu ċentrali għall-kwistjoni dwar kemm Alla hu involut fil-ġrajjiet umani. Dan hu implikat fl-istess ismu. “Jehovah” jfisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” B’azzjoni progressiva, Jehovah jikkaġuna lilu nnifsu li jsir Dak li Jwettaq il-wegħdi tiegħu kollha. Għaldaqstant, dwar Jehovah jintqal li hu ‘jħejji,’ jew ‘isawwar,’ l-iskop tiegħu rigward ġrajjiet jew azzjonijiet futuri. (2 Slaten 19:25; Isaija 46:11) Dawn it-termini ġejjin mill-kelma Ebrajka ya·tsarʹ, li hija relatata mal-kelma li tfisser “fuħħari.” (Ġeremija 18:4) Sewwa sew bħalma fuħħari tas-sengħa jistaʼ jifforma vażun sabiħ minn ċappa tafal, Jehovah jistaʼ jifforma, jew jimmanuvra, l-affarijiet biex iwettaq ir-rieda tiegħu.—Efesin 1:11.
4. Alla kif ħejja l-art għall-abitazzjoni umana?
4 Per eżempju, Alla kellu l-iskop li l-art issir post taʼ ġmiel skwiżit u li kellha tiġi abitata minn bnedmin perfetti u ubbidjenti. (Isaija 45:18) Ħafna qabel ma ħalaq lill-ewwel raġel u mara, Jehovah b’imħabba għamel tħejjijiet għalihom. Il-kapitli tal-ftuħ tal-ktieb taʼ Ġenesi jiddeskrivu kif Jehovah stabbilixxa n-nhar u l-lejl, l-art u l-baħar. Imbagħad hu ħalaq il-ħxejjex u l-annimali. Din it-tħejjija taʼ l-art għall-abitazzjoni umana involviet ħafna eluf taʼ snin. Il-proġett tlesta b’suċċess. L-ewwel raġel u mara bdew ħajjithom f’Għeden, ġenna li tgħaxxaq u li kienet mgħammra bis-sħiħ sabiex huma setgħu jgawdu l-ħajja. (Ġenesi 1:31) B’hekk Jehovah kien involut direttament f’dak li kien qed jiġri fuq l-art, billi sawwar progressivament ix-xogħlijiet tiegħu għall-iskop nobbli tiegħu. Biddel it-tkabbir tal-familja umana l-involviment tiegħu?
Jehovah Jillimita l-Involviment Tiegħu mal-Bnedmin
5, 6. Alla għala jillimita l-involviment tiegħu mal-bnedmin?
5 Jehovah ma jidderiġix u jikkontrolla kull dettall taʼ attività umana, għalkemm għandu s-setgħa li jagħmel dan. Hemm raġunijiet għal dan. Raġuni waħda hi li l-bnedmin inħolqu fix-xbiha t’Alla, billi għandhom ir-rieda ħielsa u b’hekk huma aġenti morali ħielsa. Jehovah ma jisforzaniex biex nagħmlu li jgħid hu; u lanqas m’aħna pupazzi. (Dewteronomju 30:19, 20; Ġożwè 24:15) Għalkemm hu jitlob kont minna taʼ dak li nagħmlu, Alla b’imħabba ħallielna ħelsien konsiderevoli biex niddeċiedu kif nimmaniġġaw ħajjitna.—Rumani 14:12; Lhud 4:13.
6 Raġuni oħra għala Alla ma jidderiġix kulma jiġri għandha x’taqsam mal-kwistjoni li Satana qajjem f’Għeden. Satana sfida s-sovranità t’Alla. Huwa offra lil Eva dik li dehret bħala opportunità biex tkun indipendenti—offerta li hi u iktar tard żewġha, Adam, aċċettaw. (Ġenesi 3:1-6) B’riżultat taʼ dan, Alla ppermetta lill-bnedmin li jaħkmu lilhom infushom għal perijodu taʼ żmien biex tingħata prova dwar jekk l-isfida taʼ Satana kinitx ġustifikata jew le. Għal din ir-raġuni, l-affarijiet ħżiena li l-bnedmin jagħmlu llum ma jistax jiġi akkużat bihom Alla. Mosè kiteb dan dwar nies ribellużi: “Mxew ħażin miegħu; m’humiex uliedu, għajb għalihom; nisel taʼ inkwiet u għawġ.”—Dewteronomju 32:5.
7. X’inhu l-iskop taʼ Jehovah għall-art u għall-umanità?
7 Madankollu, filwaqt li ppermetta l-għażla libera u esperimenti f’ħakma indipendenti, Jehovah ma adottax attitudni taʼ x’jimpurtani rigward dak li qed jiġri fuq l-art, u b’hekk konna nitħallew mingħajr tama li hu se jwettaq il-wegħdi tiegħu. Għalkemm Adam u Eva rribellaw kontra s-sovranità t’Alla, Jehovah ma biddilx l-iskop taʼ mħabba tiegħu għall-art u għall-umanità. Hu żgur mhux se jonqos li jbiddel l-art f’ġenna abitata b’nies perfetti, ubbidjenti, u hienja. (Luqa 23:42, 43) Ir-rakkont tal-Bibbja minn Ġenesi sa Apokalissi jiddeskrivi kif Jehovah b’mod progressiv ħadem biex iwettaq dan l-għan.
Alla Jaġixxi biex Iwettaq ir-Rieda Tiegħu
8. X’kien hemm involut biex l-Iżraeliti jinġabu fl-Art Imwegħda?
8 Mill-mod kif ittratta mal-ġens taʼ Iżrael, Alla wera li hu se jwettaq l-iskop tiegħu. Per eżempju, Jehovah żgura lil Mosè li Hu kien se jeħles lill-Iżraeliti mill-Eġittu u jdaħħalhom fl-Art Imwegħda, art tnixxi l-ħalib u l-għasel. (Eżodu 3:8) Din kienet proklamazzjoni rassiguranti u taʼ importanza kbira. Dan kien jinvolvi li jinħelsu l-Iżraeliti—li flimkien maʼ sħabhom kienu jgħoddu mat-tliet miljuni—minn ġens setgħan li kien jopponi bil-qawwa t-tluq tagħhom. (Eżodu 3:19) Il-pajjiż li kellhom jittieħdu fih kien abitat minn ġnus setgħana li kienu se jirreżistu l-wasla tagħhom. (Dewteronomju 7:1) Jifridhom kien hemm xagħri li fih l-Iżraeliti kien se jkollhom bżonn ikel u ilma. Din kienet sitwazzjoni li ppermettiet lil Jehovah juri l-qawwa suprema u d-Divinità tiegħu.—Levitiku 25:38.
9, 10. (a) Ġożwè għala setaʼ jixhed li l-wegħdi taʼ Jehovah huma taʼ min joqgħod fuqhom? (b) Kemm huwa importanti li jkollna fiduċja fl-abbiltà t’Alla li jippremja lil dawk leali lejh?
9 Alla ħareġ lill-Iżraeliti mill-Eġittu permezz taʼ serje taʼ atti setgħana. L-ewwel, hu ġab għaxar kastigi li kkaġunaw ħerba kbira fuq il-ġens taʼ l-Eġittu. Imbagħad, hu feraq il-Baħar l-Aħmar, u b’hekk għen lill-Iżraeliti jaħarbu filwaqt li nqerdet l-armata Eġizzjana li kienet qed issegwihom. (Salm 78:12, 13, 43-51) Wara dan, hu ħa ħsieb l-Iżraeliti matul l-40 sena li damu fix-xagħri, billi temagħhom il-manna, ipprovdielhom l-ilma, u saħansitra ħa ħsieb li ħwejjiġhom ma therrewx u li saqajhom ma ntefħulhomx. (Dewteronomju 8:3, 4) Wara li l-Iżraeliti daħlu fl-Art Imwegħda, Jehovah tahom rebħa fuq l-għedewwa tagħhom. Ġożwè, li eżerċita fidi qawwija fil-wegħdi taʼ Jehovah, kien wieħed li ra b’għajnejh stess dawn l-affarijiet kollha. B’hekk hu setaʼ jgħid bil-fiduċja kollha lill-irġiel anzjani taʼ żmienu: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom.”—Ġożwè 23:14.
10 Bħal Ġożwè tal-qedem, il-Kristjani llum huma fiduċjużi bis-sħiħ li Alla hu lest u kapaċi jaġixxi għan-nom taʼ dawk li jaqduh. Din il-konvinzjoni hija parti essenzjali mill-fidi tagħna. L-appostlu Pawlu kiteb: “Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li . . . hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.”—Lhud 11:6.
Alla Jara l-Futur bil-Quddiem
11. Liema fatturi jgħinu lil Alla jwettaq il-wegħdi tiegħu?
11 S’issa, rajna li filwaqt li Alla jippermetti r-rieda ħielsa u l-ħakma umana indipendenti, hu għandu kemm is-setgħa u kemm il-volontà li jaġixxi biex iwettaq l-iskop tiegħu. Madankollu, hemm fattur ieħor li jikkontribwixxi għat-twettiq ċert tal-wegħdi t’Alla. Jehovah jistaʼ jara l-futur bil-quddiem. (Isaija 42:9) Permezz tal-profeta tiegħu, Alla qal: “Ftakru fl-ibgħad żminijiet, għax jien hu Alla, u ħadd ħliefi m’hemm. Jien Alla u m’hemm ħadd bħali! Sa mill-bidu ngħarraf it-tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx, u ngħid: ‘Il-ħsieb tiegħi għad iseħħ, u nagħmel kull ma rrid.’” (Isaija 46:9, 10) Bidwi taʼ l-esperjenza jaf meta u fejn għandu jiżraʼ ż-żerriegħa, imma xorta waħda jistaʼ jkun hemm xi inċertezza dwar kif se jiżviluppaw l-affarijiet. Madankollu, is-“Sultan taʼ dejjem” għandu għarfien eżatt biex jara bil-quddiem preċiżament meta u fejn għandu jaġixxi biex iwettaq l-iskop tiegħu.—1 Timotju 1:17.
12. Jehovah b’liema mod eżerċita s-setgħa tiegħu li jara bil-quddiem fi żmien Noè?
12 Ikkunsidra kif Alla eżerċita s-setgħa tiegħu li jara bil-quddiem fi żmien Noè. Minħabba l-ħażen mifrux li kien mela l-art kollha, Alla ddetermina li jtemm lill-umanità diżubbidjenti. Hu stabbilixxa żmien meta kien se jagħmel dan, 120 sena iktar ’il quddiem. (Ġenesi 6:3) Biex stabbilixxa dak il-perijodu speċifiku, Jehovah ma kkunsidrax biss il-qerda tal-ħżiena, xi ħaġa li setaʼ jagħmilha fi kwalunkwe żmien. L-iskeda taʼ Jehovah għamlet tajjeb ukoll għall-preservazzjoni tat-twajbin. (Qabbel Ġenesi 5:29.) Fl-għerf tiegħu, Alla kien jaf bil-quddiem meta kellu jinkariga x-xogħol li kellu jwassal għal dan l-għan. Hu ta lil Noè informazzjoni dettaljata b’mod suffiċjenti. Noè kellu jibni arka “biex isalva l-familja tiegħu,” u l-ħżiena kienu se jinqerdu permezz taʼ għarqa globali.—Lhud 11:7; Ġenesi 6:13, 14, 18, 19.
Proġett Kolossali taʼ Bini
13, 14. Il-bini taʼ l-arka għala kien inkarigu taʼ sfida?
13 Ikkunsidra dan l-inkarigu mill-ħarsa taʼ Noè. Peress li Noè kien raġel midħla m’Alla, hu kien jaf li Jehovah setaʼ jeqred lin-nies li jiċħduH. Madankollu, qabel ma dan setaʼ jseħħ, kien hemm xogħol xi jsir—xogħol li kien jirrikjedi l-fidi. Il-kostruzzjoni taʼ l-arka kienet se tkun proġett kolossali. Alla kien speċifika l-qisien tagħha. L-arka kellha tkun itwal minn xi grawnds moderni tal-futbol u għolja daqs bini taʼ ħames sulari. (Ġenesi 6:15) Il-bennejja kienu ftit u bla esperjenza. Ma kellhomx l-għodda u l-apparat sofistikati disponibbli llum. Iktar minn hekk, ladarba ma kellux l-abbiltà taʼ Jehovah li jkun jaf il-futur bil-quddiem, Noè ma setax ikun jaf x’sitwazzjonijiet kienu se jiżviluppaw matul is-snin li setgħu jgħinu jew itellfu l-proġett tal-bini. Noè x’aktarx li rrifletta fuq ħafna mistoqsijiet. Kif kien se jinġabar il-materjal tal-bini? Kif kien se jiġbor l-annimali? Liema ikel kien meħtieġ u kemm? Eżatt meta kellha sseħħ l-Għarqa mbassra?
14 Imbagħad kien hemm il-kundizzjonijiet soċjali. Il-ħażen kien abbundanti. In-Nefilim setgħana—in-nisel ibridu taʼ l-anġli ħżiena u n-nisa—imlew l-art bil-vjolenza. (Ġenesi 6:1-4, 13) Barra minn hekk, il-bini taʼ l-arka ma kienx se jkun xi proġett li setaʼ jsir bil-moħbi. In-nies kienu se jistaqsuh lil Noè dwar x’kien qed jagħmel, u hu kien se jgħidilhom. (2 Pietru 2:5) Setaʼ jistenna li kienu se jaqblu miegħu? Ma tantx! Xi snin qabel, Enok li kien leali, kien ipproklama l-qerda tal-ħżiena. Tant ma kienx popolari l-messaġġ tiegħu li Alla “ħadu,” jew qassarlu ħajtu, evidentement biex jiskansah milli jinqatel mill-għedewwa Tiegħu. (Ġenesi 5:24; Lhud 11:5; Ġuda 14, 15) Noè mhux biss kellu jipproklama messaġġ simili li ma kienx popolari, imma kellu wkoll jibni arka. Waqt li kienet qed tinbena, din l-arka kienet se sservi taʼ tfakkira qawwija dwar il-fedeltà taʼ Noè waqt li kien iffaċċjat minn kontemporanji mill-agħar!
15. Noè għala kellu fiduċja li hu setaʼ jwettaq l-inkarigu tiegħu?
15 Noè kien jaf li l-proġett kellu l-appoġġ u l-barka t’Alla li Jistaʼ Kollox. Ma kienx Jehovah stess li inkarigah ix-xogħol? Jehovah kien żgura lil Noè li hu u l-familja tiegħu kienu se jidħlu f’arka li kellha titlesta u li kienu se jinżammu ħajjin fid-Dilluvju globali. Alla saħansitra enfasizza ċ-ċertezza taʼ dan permezz taʼ ftehim solenni. (Ġenesi 6:18, 19) X’aktarx li Noè rrealizza li Jehovah antiċipa u wiżen kulma kien involut qabel ma tah l-inkarigu. Iktar minn hekk, Noè kien jaf li Jehovah kellu s-setgħa li jintervieni biex jgħinu meta jkun hemm bżonn. Għalhekk il-fidi taʼ Noè qanqlitu għall-azzjoni. Bħal Abraham, id-dixxendent tiegħu, Noè “żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu.”—Rumani 4:21.
16. Hekk kif il-kostruzzjoni taʼ l-arka mxiet ’il quddiem, kif issaħħet il-fidi taʼ Noè?
16 Hekk kif bdew igerbu s-snin u l-arka bdiet tifforma, il-fidi taʼ Noè ssaħħet. Problemi taʼ kostruzzjoni u taʼ loġistika ssolvew. Il-provi ġew superati. L-ebda oppożizzjoni ma setgħet twaqqaf ix-xogħol. Il-familja taʼ Noè esperjenzat l-appoġġ u l-protezzjoni taʼ Jehovah. Hekk kif Noè baqaʼ għaddej ’il quddiem, ‘it-tiġrib tal-fidi tiegħu nissel is-sabar.’ (Ġakbu 1:2-4) Eventwalment, l-arka tlestiet, id-Dilluvju ġie, u Noè u l-familja tiegħu salvaw. Noè esperjenza t-twettiq tal-wegħdi t’Alla, bħalma għamel iktar tard Ġożwè. Il-fidi taʼ Noè ġiet premjata.
Jehovah Jappoġġa x-Xogħol
17. Żmienna b’liema modi huwa parallel maʼ żmien Noè?
17 Ġesù bassar li żmienna kellu jkun parallel maʼ żmien Noè. Alla ddetermina għal darb’oħra li jeqred lill-ħżiena u stabbilixxa żmien biex dan iseħħ. (Mattew 24:36-39) Hu ħejja wkoll l-affarijiet biex it-twajbin ma jintilfux. Filwaqt li Noè kellu jibni arka, il-qaddejja t’Alla llum iridu jipproklamaw l-iskopijiet taʼ Jehovah, jgħallmu l-Kelma tiegħu, u jagħmlu dixxipli.—Mattew 28:19.
18, 19. Kif nafu li l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba għandu l-appoġġ taʼ Jehovah?
18 Li kieku Jehovah ma kienx maʼ Noè biex jappoġġah u jwieżnu, l-arka ma kinitx tinbena. (Qabbel Salm 127:1.) Bl-istess mod, mingħajr l-appoġġ taʼ Jehovah, il-Kristjanità vera ma tantx kien ikollha ċans tibqaʼ teżisti, iktar u iktar tipprogressa. Dan ġie rikonoxxut fl-ewwel seklu minn Gamaljel, Fariżew stmat u għalliem tal-Liġi. Meta s-Sinedriju Lhudi ried jeħles mill-appostli, hu wissa lil dik il-qorti: “Ħallukom minn dawn in-nies u itilquhom. Għax dan il-ħsieb jew ħidma tagħhom, jekk hi ġejja mill-bnedmin, għad tisfaʼ fix-xejn; iżda jekk hi ġejja minn Alla, ma jseħħilkomx teqirduhom.”—Atti 5:38, 39.
19 Is-suċċess taʼ l-attività taʼ l-ippridkar, kemm fl-ewwel seklu u kemm illum, ta prova li dan m’huwiex xogħol mingħand il-bnedmin, imma mingħand Alla. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti xi ftit miċ-ċirkustanzi u l-iżviluppi eċċitanti li għenu biex jagħmlu dan ix-xogħol tant taʼ suċċess fuq skala daqstant kbira.
Qatt Iċċedi!
20. Min iwiżinna hekk kif nippridkaw l-aħbar tajba?
20 Għalkemm qed ngħixu fi “żmien iebes,” nistgħu nkunu żguri li Jehovah qed jikkontrolla bis-sħiħ is-sitwazzjoni. Hu qed jappoġġa u jwieżen lill-poplu tiegħu hekk kif huma jaħdmu biex ilestu l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba qabel jasal iż-żmien maħtur minn Alla biex itemm din is-sistema t’affarijiet mill-agħar. (2 Timotju 3:1; Mattew 24:14) Jehovah jistidinna biex inkunu ‘ħaddiema sħab’ miegħu. (1 Korintin 3:9) Aħna żgurati wkoll li Kristu Ġesù qiegħed magħna f’dan ix-xogħol u li nistgħu nistrieħu fuq appoġġ u direzzjoni anġeliċi.—Mattew 28:20; Apokalissi 14:6.
21. Liema konvinzjoni m’għandna qatt inċedu?
21 Peress li Noè u l-familja tiegħu eżerċitaw fidi fil-wegħdi taʼ Jehovah, dawn ġew salvati mill-ilmijiet tad-dilluvju. Dawk li jeżerċitaw fidi simili llum se jiġu salvati mit-“taħbit il-kbir” li ġej. (Apokalissi 7:14) Qed ngħixu fi żmien verament eċċitanti. Ġrajjiet taʼ importanza kbira se jseħħu dalwaqt! Dalwaqt, Alla se jaġixxi biex iġib smewwiet ġodda glorjużi u art ġdida li fiha tgħammar il-ġustizzja. (2 Pietru 3:13) Qatt u qatt m’għandek iċċedi l-konvinzjoni tiegħek li kulma jgħid Alla, hu kapaċi jagħmlu wkoll.—Rumani 4:21.
Punti biex Tiftakarhom
◻ Jehovah għala ma jikkontrollax id-dettalji kollha taʼ l-attività umana?
◻ L-abbiltà taʼ Jehovah li jwettaq l-iskop tiegħu kif kienet evidenti fil-mod kif ittratta maʼ Iżrael?
◻ L-abbiltà taʼ Jehovah li jara l-futur kif intweriet fi żmien Noè?
◻ Liema fiduċja jistaʼ jkollna fil-wegħdi t’Alla?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]