Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nibbenefikaw mill-“Qamħ mis-Sema”

Nibbenefikaw mill-“Qamħ mis-Sema”

Nibbenefikaw mill-​“Qamħ mis-​Sema”

FTIT wara l-​ħelsien mirakoluż tagħhom mill-​Eġittu, l-​Iżraeliti wrew nuqqas serju taʼ fidi fil-​Ħellies tagħhom, Jehovah. Bħala riżultat, Jehovah ħalliehom jiġġerrew fix-​xagħri tas-​Sinaj għal 40 sena. Matul dak iż-​żmien kollu, l-​Iżraeliti u l-​“kotra kbira taʼ nies” barranin li ngħaqdu magħhom kielu u xorbu “bix-​xabaʼ.” (Eżodu 12:37, 38) Salm 78:23-25 jgħidilna kif dan kien possibbli: “Hu [Jehovah] ordna s-​sħab fl-​għoli, u fetaħ bwieb is-​smewwiet; u xita taʼ manna bagħtilhom x’jieklu, tahom il-​qamħ mis-​sema. Kull wieħed kiel il-​ħobż tal-​qalbenin, ikel bix-​xabaʼ bagħtilhom.”

Billi kien wieħed minn dawk li kielu mill-​manna, Mosè ddeskriva dan l-​ikel uniku. Hu kiteb li fil-​għodu, wara li n-​“nida għabet, fuq wiċċ id-​deżert kien hemm xi ħaġa rqiqa qisha ġlata fuq l-​art. Malli wlied Iżrael raw dan, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: ‘Man-​hu?,’” li tfisser, “Din x’inhi?” Din l-​espressjoni kienet probabbilment l-​oriġini tal-​kelma “manna,” l-​isem li l-​Iżraeliti taw lil dan l-​ikel. Mosè qal: “Kienet qisha bħal żerriegħa bajda tal-​kożbor, u t-​togħma tagħha kienet bħal ftira bl-​għasel.”—Eżodu 16:13-15, 31; ara n-​nota taʼ taħt fin-​NW.

Il-manna ma kinitx xi ikel li kien jikber b’mod naturali, kif jargumentaw xi wħud. Din ġiet provduta permezz taʼ forza soprannaturali. Per eżempju, id-​disponibbiltà tagħha ma kinitx limitata għal xi post jew staġun wieħed. Jekk kienet tinżamm għall-​għada, kienet iddewwed u tinten. Madankollu, il-​porzjon doppju li kull familja kienet tiġbor fil-​jum taʼ qabel is-​Sabat taʼ kull ġimgħa ma kienx jitħassar matul il-​lejl. B’hekk, dan setaʼ jittiekel fis-​Sabat​—il-​jum li fih l-​ebda manna ma kienet tinżel. Bla ebda dubju, il-​manna kienet provvediment mirakoluż.—Eżodu 16:19-30.

F’​Salm 78 jissemmew “il-​qawwijin” jew “l-​anġli.” (Salm 78:25, Saydon; ara n-​nota taʼ taħt fin-​NW) Dan jissuġġerixxi li Jehovah setaʼ kien qed juża lill-​anġli biex jipprovdi l-​manna. Kien x’kien il-​każ, in-​nies kellhom kull raġun biex jirringrazzjaw lil Alla għal tjubitu. Madankollu, il-​maġġuranza wrew attitudni ingrata lejn dak l-​istess Wieħed li ħelishom mill-​jasar taʼ l-​Eġittu. Aħna wkoll nistgħu nissottovalutaw il-​provvedimenti taʼ Jehovah jew saħansitra nsiru ingrati jekk ma nimmeditawx fuq il-​qalb tajba kollha mħabba tiegħu. Mela għandna għalxiex inkunu grati li Jehovah inkluda r-​rakkont tal-​ħelsien taʼ Iżrael u l-​ġrajjiet sussegwenti “għat-​tagħlim tagħna.”—Rumani 15:4.

Lezzjoni għal Iżrael li Tibbenefika lill-​Kristjani

Meta Jehovah pprovda l-​manna, kellu iktar f’moħħu milli sempliċement jissodisfa l-​bżonnijiet fiżiċi taʼ xi tliet miljun Iżraelit. Ried ‘jgħakkishom [‘jumiljahom,’ NW] u jġarrabhom’ sabiex jirfinahom u jiddixxiplinahom għall-​benefiċċju tagħhom stess. (Dewteronomju 8:16; Isaija 48:17) Kieku wieġbu tajjeb għal dak l-​irfinar u d-​dixxiplina, Jehovah kien se jieħu pjaċir li ‘mbagħad jagħtihom il-​ġid’ billi jagħtihom il-​paċi, il-​prosperità, u l-​hena fl-​Art Imwegħda.

Ħaġa vitali li kellhom bżonn jitgħallmu kienet li “mhux bil-​ħobż biss jgħix il-​bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-​Mulej.” (Dewteronomju 8:3) Kieku Alla ma pprovdiex il-​manna, kienu jmutu kollha bil-​ġuħ​—fatt li kienu dejjem lesti li jammettuh. (Eżodu 16:3, 4) Dawk fost l-​Iżraeliti li kienu juru apprezzament kienu taʼ kuljum jiġu mfakkrin dwar id-​dipendenza assoluta tagħhom fuq Jehovah, u b’hekk kienu jiġu umiljati. Ġaladarba fl-​Art Imwegħda, bl-​abbundanza materjali li kien hemm fiha, x’aktarx li kien ikollhom anqas ċans li jinsew lil Jehovah u kemm kienu jiddependu fuqu.

Bħall-Iżraeliti, il-​Kristjani għandhom jibqgħu konxji taʼ kemm jiddependu fuq Alla għan-​neċessitajiet tal-​ħajja​—fiżiċi u spiritwali. (Mattew 5:3; 6:31-33) Bi tweġiba għal waħda mit-​tentazzjonijiet tax-​Xitan, Ġesù Kristu kkwota l-​kliem taʼ Mosè kif insibuh f’Dewteronomju 8:3, billi qal: “Hemm miktub, ‘Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’” (Mattew 4:4) Iva, l-​adoraturi veri t’Alla jiġu nutriti billi jaqraw l-​espressjonijiet taʼ Jehovah li nsibuhom fil-​Kelma tiegħu. Flimkien maʼ dan, il-​fidi tagħhom tissaħħaħ meta jesperjenzaw l-​effetti taʼ benefiċċju li għandhom dawn l-​espressjonijiet f’ħajjithom hekk kif huma jimxu m’Alla u jpoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel.

Bnedmin imperfetti jistgħu jitilfu l-​apprezzament tagħhom għal affarijiet li jsiru parti mir-​rutina tal-​ħajja​—saħansitra jekk dawn l-​affarijiet huma riflessjoni taʼ l-​interess kollu mħabba taʼ Jehovah. Per eżempju, għall-​bidu, il-​provvediment soprannaturali tal-​manna għaġġibhom u għoġobhom lill-​Iżraeliti, imma maż-​żmien ħafna minnhom ilmentaw. “Aħna xbajna b’dan l-​ikel ħafif,” karbu huma b’nuqqas taʼ rispett​—indikazzjoni li huma bdew ‘jitbegħdu minn Alla l-​ħaj.’ (Numri 11:6; 21:5; Lhud 3:12, ) B’hekk, l-​eżempju tagħhom iservi bħala “twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-​żminijiet.”—1 Korintin 10:11.

Kif nistgħu nieħdu bis-​serjetà dan l-​eżempju taʼ twiddib? Mod wieħed hu billi qatt ma nħallu t-​tagħlim tal-​Bibbja jew il-​provvedimenti li nirċievu permezz tal-​klassi taʼ l-​ilsir leali u diskret isiru ordinarji, jew ovvji. (Mattew 24:45, NW) Ladarba nibdew nissottovalutaw l-​għotjiet taʼ Jehovah jew insiru indifferenti għalihom, ir-​relazzjoni tagħna miegħu tibda tibred.

Għal raġuni tajba, Jehovah ma joħnoqniex b’xita kostanti t’affarijiet ġodda eċċitanti. Pjuttost, hu jitfaʼ dawl miżjud fuq il-​Kelma tiegħu ftit ftit, progressivament. (Proverbji 4:18) Dan jippermetti lin-​nies tiegħu li jaċċettaw u jpoġġu fil-​prattika l-​affarijiet li jitgħallmu. Ġesù mexa wara l-​eżempju taʼ Missieru meta kien jgħallem lid-​dixxipli bikrin tiegħu. Hu spjegalhom il-​Kelma t’Alla “kif kienu jistgħu [‘sakemm setgħu,’ NW] jifhmuha huma.”—Mark 4:33; qabbel Ġwann 16:12.

Saħħaħ l-​Apprezzament Tiegħek għall-​Provvedimenti t’Alla

Ġesù uża wkoll ir-​ripetizzjoni. M’għandniex xi ngħidu, il-​moħħ malajr jistaʼ jifhem xi punt partikulari, forsi xi prinċipju Bibliku. Imma li tniżżlu f’qalbek u tagħmlu parti mill-​personalità l-​ġdida Kristjana, il-​“bniedem il-​ġdid,” jistaʼ jieħu iktar żmien, speċjalment jekk xejriet u attitudnijiet dinjin li kellek qabel huma mqabbdin fil-​fond. (Efesin 4:22-24) Dan kien dak li ġara lid-​dixxipli taʼ Ġesù meta dawn ġew biex jegħlbu l-​kburija u jiżviluppaw l-​umiltà. Ġesù kellu jgħallimhom dwar l-​umiltà għal iktar minn darba. F’kull okkażjoni kien jippreżenta l-​istess punt bażiku minn angoli differenti sabiex ikunu jistgħu jifhmuh, xi ħaġa li fl-​aħħar mill-​aħħar irnexxielhom jagħmlu.—Mattew 18:1-4; 23:11, 12; Luqa 14:7-11; Ġwann 13:5, 12-17.

Fi żmienna, il-​laqgħat Kristjani u l-​pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower jimxu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù, u jużaw ir-​ripetizzjoni b’mod maħsub sew. Mela ejja napprezzaw dan bħala espressjoni taʼ l-​interess kollu mħabba li Alla għandu għalina u ma nixbgħu qatt minn dak li nirċievu, bħalma l-​Iżraeliti xebgħu mill-​manna. Tabilħaqq, hekk kif bil-​paċenzja kollha nagħmlu l-​almu tagħna biex nassorbu t-​tfakkiriet regulari taʼ Jehovah, aħna se naraw frott mill-​aħjar f’ħajjitna. (2 Pietru 3:1) Attitudni t’apprezzament bħal din fil-​fatt turi li aħna qed ‘nifhmu’ l-​Kelma t’Alla b’qalbna kif ukoll b’moħħna. (Mattew 13:15, 19, 23) Rigward dan, għandna eżempju tajjeb mis-​salmista David, li, għalkemm ma kellux il-​varjetà t’ikel spiritwali li aħna nirċievu llum, iddeskriva l-​liġijiet t’Alla bħala “oħla mill-​għasel u mill-​qtar tax-​xehda”!—Salm 19:11 [Salm 19:10, NW].

“Manna” li Tagħti l-​Ħajja taʼ Dejjem

“Jiena hu l-​ħobż tal-​ħajja,” Ġesù qal lil-​Lhud. “Missirijietkom kielu l-​manna fid-​deżert, u mietu . . . Jiena hu l-​ħobż il-​ħaj, li niżel mis-​sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-​ħobż jgħix għal dejjem. U l-​ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-​ħajja tad-​dinja.” (Ġwann 6:48-51) Il-​ħobż letterali jew il-​manna ma tawx u ma jistgħux jagħtu l-​ħajja taʼ dejjem. Imma dawk li jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-​fidwa eventwalment se jgawdu l-​barka taʼ ħajja taʼ dejjem.—Mattew 20:28.

Il-maġġuranza taʼ dawk li jibbenefikaw mill-​prezz tal-​fidwa taʼ Ġesù se jgawdu ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna. “Kotra kbira” minn dawn​—iffigurata mill-​“kotra kbira taʼ nies” barranin li ngħaqdu maʼ l-​Iżraeliti fl-​Eżodu tagħhom mill-​Eġittu—​se ssalva “mit-​taħbit il-​kbir [“tribulazzjoni l-​kbira,” NW],” li ġej u li se jeħles l-​art minn kull ħażen. (Apokalissi 7:9, 10, 14; Eżodu 12:38) Premju saħansitra akbar se jitgawda minn dawk li lilhom l-​Iżraeliti nfushom iffiguraw bil-​quddiem. L-​appostlu Pawlu ddeskriva lil dawn, li jgħoddu 144,000, bħala li jifformaw l-​Iżrael spiritwali t’Alla. Il-​premju tagħhom mal-​mewt huwa rxoxt għal ħajja fis-​sema. (Galatin 6:16; Lhud 3:1; Apokalissi 14:1) Hemm Ġesù se jagħtihom tip speċjali taʼ manna.

It-​Tifsir tal-​“Manna l-​Moħbija”

“Lir-​rebbieħ nagħtih mill-​manna l-​moħbija,” qal Ġesù rxoxtat lil Iżrael spiritwali. (Apokalissi 2:17) Din il-​manna moħbija simbolika tfakkarna fil-​manna li Alla kkmanda lil Mosè biex iżomm f’bieqja tad-​deheb fl-​arka sagra tal-​patt. L-​Arka kienet tinżamm fil-​kompartiment taʼ l-​Iktar Qaddis tat-​tabernaklu. Hemm baqgħet fejn ma tidhirx, bħallikieku moħbija. Billi kien miżmum bħala tfakkira, dan il-​kampjun tal-​manna ma ntemmx sakemm baqaʼ fl-​Arka, u għalhekk kellu jkun simbolu xieraq taʼ provvista li ma tintemm qatt taʼ ikel. (Eżodu 16:32; Lhud 9:3, 4, 23, 24) Il-​fatt li Ġesù jagħti l-​manna l-​moħbija lill-​144,000 jiggarantixxi li huma se jirċievu l-​immortalità u n-​nuqqas taʼ taħsir bħala wlied spirti t’Alla.—Ġwann 6:51; 1 Korintin 15:54.

“Għax għandek [Jehovah] hi l-​għajn tal-​ħajja,” qal is-​salmista. (Salm 36:10, Saydon [Salm 36:9, NW]) Kemm jerġaʼ jikkonfermaha tajjeb il-​provvediment tal-​manna​—kemm dak letterali kif ukoll dak simboliku​—din il-​verità fundamentali! Il-​manna li Alla ta lil Iżrael tal-​qedem, il-​manna figurattiva li hu pprovda fil-​forma tal-​ġisem taʼ Ġesù mogħti għan-​nom tagħna, u l-​manna moħbija simbolika li hu jagħti permezz taʼ Ġesù lill-​144,000 ifakkru lilna lkoll dwar kemm aħna niddependu totalment fuq Alla għall-​ħajja. (Salm 39:6, 8 [Salm 39:5, 7, NW]) Ejja nagħrfu umilment, modestament, u regolarment kemm aħna niddependu minnu. Mill-​banda l-​oħra, Jehovah ‘mbagħad jagħtina l-​ġid.’—Dewteronomju 8:16.

[Stampi f’paġna 26]

Biex jaqilgħu l-​ħajja taʼ dejjem, il-​bnedmin kollha jiddependu fuq ‘il-​ħobż il-​ħaj, li niżel mis-​sema’

[Stampa f’paġna 28]

L-​attendenza tagħna għal-​laqgħat Kristjani kollha tirrifletti l-​apprezzament li għandna għat-​tfakkiriet taʼ Jehovah