Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tħallix il-Korla Tfixklek

Tħallix il-Korla Tfixklek

Tħallix il-​Korla Tfixklek

“ĦU NIFS fil-​fond!” “Għodd sa l-​għaxra!” “Igdem ilsienek!” Huma dawn il-​frażijiet familjari għalik? Forsi tgħidhom f’qalbek biex tikkalma lilek innifsek meta tħossok aġitat. Xi nies, biex jevitaw xi dagħdigħa taʼ korla, imorru passiġġata. Dawn huma modi sempliċi biex trażżan il-​korla u żżomm relazzjoni m’oħrajn.

Iżda, fi snin reċenti, parir konfliġġenti minn professjonisti dwar jekk il-​korla għandhiex tiġi kontrollata jew imrażżna ħawwad lil ħafna nies. Per eżempju, xi psikoloġi avanzaw it-​teorija li għandek tisfoga l-​korla tiegħek, “jekk dan iġagħlek tħossok aħjar.” Oħrajn iwissu li jekk wieħed spiss jinfexx f’dagħdigħa taʼ korla dan ikun “taħbira iktar qawwija taʼ mewta prematura iktar milli [huma] riskjużi fatturi oħrajn bħat-​tipjip, pressjoni għolja tad-​demm, u kolesterol għoli.” Il-​Kelma t’Alla tistqarr fi kliem ċar: “Ħallik mill-​korla u la tirrabjax; tinkedd xejn, għax deni jiswielek.” (Salm 37:8) Il-​Bibbja għala tagħti parir speċifiku bħal dan?

Emozzjonijiet mhux kontrollati jwasslu għal għemejjel mhux kontrollati. Dan sar evidenti kmieni ħafna fl-​istorja tal-​bniedem. Naqraw: “Kajjin għalhekk saħan sewwa u wiċċu tqarras.” Dan fejn wasslu? Il-​korla tiegħu ħakmitu u kellha kontroll fuqu, tant li webbsitlu qalbu għat-​twissija taʼ Jehovah biex jibda jagħmel is-​sewwa. Il-​korla bla rażan taʼ Kajjin wasslitu għal dnub serju​—il-​qtil taʼ ħuh.—Ġenesi 4:3-8.

Sawl, l-​ewwel sultan taʼ Iżrael, ukoll ħakmitu l-​korla meta semaʼ li David beda jirċievi ħafna tifħir. In-​nisa bdew “jaqbżu u jwieġbu ’l xulxin: ‘L-​eluf tiegħu qatel Sawl; u David l-​għaxriet taʼ l-​eluf tiegħu.’ Dan deher ikrah f’għajnejn Sawl, u saħan bis-​sħiħ.” Il-​korla tant iddominat il-​ħsieb taʼ Sawl li wasslitu biex jagħmel diversi attentati taʼ qtil fuq David. Avolja David ipprova jagħmel ħbieb miegħu, Sawl ma kienx lest li jirrikonċilja u jagħmel paċi. Fl-​aħħar mill-​aħħar, hu tilef il-​favur taʼ Jehovah kompletament.—1 Samwel 18:6-11; 19:9, 10; 24:1-21; Proverbji 6:34, 35.

B’mod inevitabbli, meta xi ħadd iċedi għall-​korla mhux kontrollata, dan jgħid u jagħmel affarijiet li jweġġgħu lil kulmin ikun involut. (Proverbji 29:22) Kajjin u Sawl inkorlaw, għaliex kull wieħed minnhom, bil-​mod tiegħu, kien għajjur u invidjuż. Madankollu, reazzjonijiet taʼ korla jistgħu jirriżultaw minħabba diversi raġunijiet. Xi kritika mhux ġustifikata, insult, nuqqas taʼ qbil, jew trattament inġust jistgħu jkunu x-​xrara li tqabbad dagħdigħa.

L-eżempji taʼ Kajjin u Sawl jissuġġerixxu nuqqas serju li kellhom it-​tnejn li huma. L-​offerta taʼ Kajjin milli jidher naqqset il-​motivazzjoni tal-​fidi. (Lhud 11:4) In-​nuqqas taʼ Sawl li jobdi l-​kmandi preċiżi taʼ Jehovah u l-​attentati tiegħu ħalli wara jiġġustifika lilu nnifsu wassluh biex jitlef il-​favur u l-​ispirtu t’Alla. B’mod ċar, iż-​żewġt irġiel kisru r-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah.

Qabbel dawn id-​dispożizzjonijiet maʼ dik taʼ David, li kellu raġun jinkorla minħabba t-​trattament li esperjenza minn Sawl. David ikkontrolla l-​ispirtu tiegħu. Għala? Hu qal: “Iħarisni l-​Mulej! Ma jkun qatt li nagħmel dan lil sidi, il-​midluk tal-​Mulej.” David kellu r-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah ċara f’moħħu, u din effettwat kif kien jittratta maʼ Sawl. B’umiltà, hu ħalla l-​affarijiet f’idejn Jehovah.—1 Samwel 24:7, 16 [1 Samwel 24:6, 15, NW].

Tabilħaqq, l-​implikazzjonijiet taʼ korla mhux kontrollata huma serji. L-​appostlu Pawlu wissa: “Tinkurlaw? Imma tidinbux.” (Efesin 4:26) Waqt li korla ġustifikata għandha postha, dejjem hemm il-​periklu li l-​korla tistaʼ ssir tfixkil għalina. Mela, mhux taʼ b’xejn li aħna niffaċċjaw l-​isfida li nikkontrollaw il-​korla tagħna. Dan kif nistgħu nagħmluh?

L-ewwel hu billi tiżviluppa relazzjoni b’saħħitha maʼ Jehovah. Hu jinkuraġġik biex tiftaħ qalbek u moħħok miegħu. Għidlu l-​ħsibijiet u l-​interessi tiegħek, u staqsih għal qalb kalma biex trażżan il-​korla. (Proverbji 14:30) Kun żgur li “għajnejn il-​Mulej huma fuq il-​ġusti u widnejh miftuħa għat-​talb tagħhom.”—1 Pietru 3:12.

It-talb jistaʼ jifformak u jiggwidak. B’liema mod? Jistaʼ jkollu effett profond fuq kif int tittratta m’oħrajn. Ftakar kif Jehovah ttratta miegħek. Bħalma tgħid l-​Iskrittura, Jehovah “ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna.” (Salm 103:10) Spirtu taʼ maħfra huwa vitali sabiex ‘ma jegħlbekx ix-​Xitan.’ (2 Korintin 2:10, 11) Barra minn hekk, it-​talb jiswa biex jiftaħlek qalbek għall-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis, li jistaʼ jbiddel għalkollox il-​modi stabbiliti fis-​sod f’ħajjitna. Jehovah b’ferħ jagħti “sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem,” li jistaʼ jeħilsek mill-​qabda soda tal-​korla.—Filippin 4:7.

Madankollu, it-​talb irid ikun akkumpanjat minn eżami regulari taʼ l-​Iskrittura sabiex inkomplu ‘nfittxu x’inhi r-​rieda tal-​Mulej.’ (Efesin 5:17; Ġakbu 3:17) Jekk int stess issibha diffiċli biex tikkontrolla l-​korla tiegħek, stinka biex issir taf x’inhu l-​ħsieb taʼ Jehovah fuq dan is-​suġġett. Irrevedi skritturi relatati speċifikament dwar kif għandek tikkontrolla l-​korla.

L-appostlu Pawlu joffri din it-​tfakkira importanti: “Ħa nagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabatna fil-​fidi.” (Galatin 6:10) Iffoka l-​ħsibijiet u l-​għemejjel tiegħek f’li tagħmel il-​ġid lil oħrajn. Attività bnina u pożittiva bħal din se tinkuraġġixxi l-​empatija u l-​fiduċja u se ttaffi n-​nuqqas taʼ ftehim li jistaʼ faċilment jirriżulta f’korla.

Is-salmista qal: “Żomm sħiħ il-​mixi tiegħi skond il-​wegħda tiegħek, u ebda deni ma jaħkem fuqi. Sliem bil-​kotra għal min iħobb il-​liġi tiegħek; ma hemm ebda tfixkil għalihom.” (Salm 119:133, 165) Dan jistaʼ jgħodd għalik ukoll.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

PASSI BIEX TIKKONTROLLA L-​KORLA

□ Itlob lil Jehovah.—Salm 145:18.

□ Eżamina l-​Iskrittura kuljum. —Salm 119:133, 165.

□ Żomm ruħek medhi f’attivitajiet siewja.—Galatin 6:9, 10.