Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tħobbha Int il-Ħajja?

Tħobbha Int il-Ħajja?

Tħobbha Int il-​Ħajja?

“ĦALLUNI nara d-​dawl.” Skond rapport, dan hu l-​kliem li l-​poeta Taljan Giacomo Leopardi esprima eżatt qabel mewtu lil dawk li kienu qegħdin iduru bih. Dan il-​kliem jissuġġerixxi kemm il-​bniedem għandu xewqa disprata li jibqaʼ ħaj, u dan hu rappreżentat mid-​dawl.

Din ix-​xewqa li nibqgħu ħajjin hi impuls prezzjuż li jqanqal lill-​biċċa l-​kbira taʼ l-​individwi biex jevitaw il-​perikli u jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jibqgħu ħajjin. F’din il-​ħaġa, il-​bniedem m’huwiex differenti wisq mill-​annimali, li għandhom istint qawwi taʼ sopravivenza.

Imma liema kwalità taʼ ħajja hi verament vallapena li tgħixha u tgħożżha? M’hijiex biss l-​eżistenza fiżjoloġika​—li sempliċement tieħu n-​nifs u tiċċaqlaq. U s-​sodisfazzjon ġenerali lanqas ma se jiġi billi wieħed ikollu attitudni li jipprova jakkwista kemm jiflaħ mill-​ħajja. Il-​filosofija Epikurea, “nieklu u nixorbu, għax għada mmutu,” ġeneralment ma ġabet kuntentizza lil ħadd. (1 Korintin 15:32) Filwaqt li l-​bniedem żgur li għandu xi bżonnijiet materjali bażiċi, hu għandu wkoll interessi kulturali u soċjali, biex ma nsemmux il-​bżonnijiet spiritwali relatati mal-​fidi f’Esseri Suprem. B’sogħba, mijiet taʼ miljuni, jekk mhux eluf taʼ miljuni taʼ nies igawdu ftit iktar minn sempliċi eżistenza minħabba kundizzjonijiet soċjali u ambjentali miżerabbli f’ħafna pajjiżi tad-​dinja. Kulmin jillimita lilu nnifsu primarjament biex jissodisfa l-​bżonnijiet fiżiċi tiegħu​—jiekol, jixrob, jikseb affarijiet materjali, jew jissodisfa x-​xewqat sesswali—​ftit jew wisq ikun qed jgħix ħajja bħal dik t’annimal, li ftit li xejn iġġiblu kuntentizza. Fil-​fatt, nies bħal dawn ma jagħmlux użu mir-​riżorsi iktar sinjifikanti li toffri l-​ħajja biex jiġu ssodisfati l-​intellett u l-​emozzjonijiet tal-​bniedem. Iktar minn hekk, kulmin ifittex li jissodisfa sempliċement ix-​xewqat egoistiċi tiegħu mhux biss ikun qed jonqos li jibbenefika bl-​aħjar mod mill-​ħajja imma jkun qiegħed ukoll jagħmel dannu lis-​soċjetà fejn jgħix, u ma jkunx qed jippromwovi l-​interessi t’oħrajn.

Biex jikkonferma dan, imħallef li jittratta kawżi taʼ żgħażagħ li jiksru l-​liġi jgħid li “l-​kriżi tal-​valuri, it-​tifħir li jingħata lil dawk li suppost jagħtu eżempju tajjeb, u s-​suċċess taʼ dawk li jsiru sinjuri malajr” għandhom it-​tendenza li “jippromwovu spirtu esaġerat taʼ kompetizzjoni.” Dan iwassal għal imġiba li hi taʼ dannu għas-​soċjetà u distruttiva għaż-​żgħażagħ, speċjalment meta jagħtuha għad-​droga.

Kulħadd jaf kemm il-​ħajja toffri affarijiet li jħajruk​—btajjel f’postijiet affaxxinanti, qari jew riċerki interessanti, kumpanija pjaċevoli, mużika sabiħa. U hemm attivitajiet oħrajn li jġibu sodisfazzjon, kemm jekk ħafna u kemm jekk ftit. Dawk li għandhom fidi qawwija f’Alla, u partikolarment f’dak Alla tal-​Bibbja, Jehovah, iktar għandhom għalfejn iħobbuha l-​ħajja. Il-​fidi vera hija sors taʼ saħħa u serenità li tistaʼ tgħin lin-​nies ikampaw waqt żminijiet diffiċli. Dawk li jemmnu f’dak Alla veru jistgħu b’fiduċja jgħidu: “Il-​Mulej l-​għajnuna tiegħi: jien ma nibżax.” (Lhud 13:6) Nies li huma midħla taʼ l-​imħabba t’Alla jħossu li hu jħobbhom. Huma jwieġbu għall-​imħabba tiegħu, u b’hekk jiksbu ferħ kbir minnha. (1 Ġwann 4:7, 8, 16) Huma jistgħu jgħixu ħajja attiva u altruista li hija sors taʼ sodisfazzjon. Hu sewwa sew bħalma qal Ġesù Kristu: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—Atti 20:35.

B’sogħba, hemm aspett ieħor tal-​ħajja preżenti. F’kull rokna tad-​dinja hemm is-​sofferenza, l-​inġustizzja, il-​faqar, il-​mard, u l-​mewt​—biex insemmu biss ftit mill-​fatturi taʼ wġigħ li, taʼ spiss, il-​ħajja jagħmluha kważi intollerabbli. Is-​Sultan Salamun tal-​ġens taʼ Iżrael tal-​qedem, li kien raġel għani, potenti, u għaref, ma kien jonqsu xejn mir-​riżorsi li jistgħu jagħmlu lin-​nies ferħanin. Madankollu, kellu xi ħaġa tinkwetah​—beda jirrealizza li meta jmut dak kollu li “ħadem bl-​għaqal u l-​ħila u b’suċċess” għalih kien se jħallih lil ħaddieħor.—Koħèlet 2:17-21.

Il-biċċa l-​kbira tan-​nies, bħal Salamun, huma konxji dwar kemm hi qasira l-​ħajja, u kif tgħaddi qisha ħolma. L-​Iskrittura tgħid li Alla poġġa “l-​ħsieb taʼ l-​eternità” f’moħħna. (Ekkleżjażti 3:11, Karm Żammit) Dan is-​sens taʼ l-​eternità jqanqal lill-​bniedem biex jimmedita fuq kemm hi qasira l-​ħajja. Fl-​aħħar mill-​aħħar, meta wieħed ma jsibx tweġibiet konvinċenti taʼ xi jfissru l-​ħajja u l-​mewt, jistaʼ jibda jħossu mtaqqal b’sentimenti taʼ pessimiżmu u frugħa. Dan jistaʼ jagħmel il-​ħajja veru taʼ dwejjaq.

Jeżistu tweġibiet għall-​mistoqsijiet kollhom ansjetà tal-​bniedem? Qatt se jkun hemm kundizzjonijiet li jagħmlu l-​ħajja iktar attraenti u dejjiema?