Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Int Kif Tħares Lejk Innifsek?

Int Kif Tħares Lejk Innifsek?

KIEN raġel kburi. Billi kien ngħata pożizzjoni għolja biex jiggverna, tgħidx kemm kien jiffanfra meta xi ħadd kien ifaħħru f’wiċċu u jammirah. Imma biex tgħaxxaqha, kien hemm uffiċjal ieħor li rrifjuta li jagħtih unur bħal dan. B’vindikazzjoni, l-​uffiċjal kburi kkomplotta biex jeqred lin-​nies kollha fl-​imperu li kienu taʼ l-​istess sfond etniku taʼ dak li offendieh. X’idea mgħawġa kellu taʼ l-​importanza żejda tiegħu nnifsu!

Il-perċimes taʼ dak il-​komplott kien Ħaman, uffiċjal għoli fil-​qorti tas-​Sultan Persjan Assweru. U min kien il-​vittma tiegħu? Wieħed Lhudi jismu Mordekaj. Għalkemm ir-​reazzjoni ġenoċida taʼ Ħaman kienet waħda estrema, din turi x’periklu u konsegwenzi gravi għandha l-​kburija. L-​ispirtu arroganti tiegħu mhux biss ħoloq kriżi għall-​oħrajn imma wkoll wassal biex jiġi umiljat pubblikament u fl-​aħħar jingħata l-​mewt.—Ester 3:​1-9; 5:​8-14; 6:​4-10; 7:​1-10.

Adoraturi Veri Jistgħu Jiġu Effettwati mill-​Kburija

Jehovah jirrikjedi li aħna nkunu ‘umlin fl-​imġiba tagħna maʼ Alla tagħna.’ (Mikea 6:8) Il-​Bibbja fiha diversi rakkonti taʼ individwi li naqsu li jżommu ħarsa modesta lejhom infushom. Dan ġabilhom problemi u niket. Jekk nikkunsidraw ftit minn dawn l-​eżempji jistgħu jgħinuna naraw xi bluha u periklu hemm f’mod taʼ ħsieb żbilanċjat.

Il-ħsieb tal-​profeta t’Alla Ġona sar tant żbilanċjat li hu pprova jaħrab meta ġie inkarigat minn Alla biex iwissi lin-​nies mill-​agħar taʼ Ninwè dwar il-​ġudizzju taʼ Jehovah kontrihom. (Ġona 1:​1-3) Iktar tard, meta bl-​attività tiegħu taʼ ppridkar irnexxielu jikkonvinċi lin-​nies taʼ Ninwè biex jindmu, Ġona beda jgerger. Tant kien konċernat dwar ir-​reputazzjoni tiegħu stess bħala profeta, li ftit li xejn kien jimpurtah mill-​ħajjiet taʼ l-​eluf taʼ nies minn Ninwè. (Ġona 4:​1-3) Jekk aħna nkunu konċernati żżejjed dwarna nfusna, nistgħu nsibuha diffiċli biex inżommu perspettiva imparzjali u eżatta tan-​nies u tal-​ġrajjiet taʼ madwarna.

Ikkunsidra wkoll lil Għużżija, li kien sultan tajjeb taʼ Ġuda. Meta sar żbilanċjat fil-​ħsieb tiegħu, hu b’mod arroganti pprova jaħtaf taħt idejh ċerti dmirijiet saċerdotali. Minħabba l-​azzjonijiet immodesti u prużuntużi ferm tiegħu, hu ħallas qares billi marad u tilef l-​approvazzjoni divina.—2 Kronaki 26:​3, 16-21.

L-appostli taʼ Ġesù kienu kważi waqgħu fl-​istess nassa bil-​mod taʼ ħsieb żbilanċjat tagħhom. Huma saru konċernati żżejjed dwar glorja u poter persunali. Meta wasal iż-​żmien għal prova kbira, huma abbandunaw lil Ġesù u ħarbu. (Mattew 18:1; 20:​20-28; 26:56; Mark 9:​33, 34; Luqa 22:24) In-​nuqqas taʼ modestja tagħhom u l-​ħsibijiet tagħhom taʼ l-​importanza żejda li taw lilhom infushom kważi wassluhom biex jitilfu s-​sinjifikat taʼ l-​iskop taʼ Jehovah u l-​irwol tagħhom f’konnessjoni mar-​rieda tiegħu.

Effetti taʼ Ħsara Minħabba l-​Importanza Żejda

Ħarsa żbilanċjata lejna nfusna tistaʼ tikkaġuna wġigħ u tistaʼ tħassar ir-​relazzjoni tagħna m’oħrajn. Per eżempju, forsi nkunu bil-​qegħda f’xi kamra u ninnotaw li jkun hemm tnejn jitkellmu minn taħt l-​ilsien bejniethom u jidħqu. Jekk aħna moħħna fina nfusna, għandu mnejn nassumu b’mod żbaljat li għax qed jitkellmu bil-​mod ħafna, huma qed jidħqu bina. Forsi moħħna ma jħalliniex nikkunsidraw ebda spjegazzjoni oħra possibbli għal mod kif dawn qed jaġixxu. Wara kollox, fuq min iktar jistgħu jkunu qed jitkellmu? Forsi niħduha bi kbira u niddeċiedu li ma nkellmuhomx iktar lil dawk it-​tnejn. B’dan il-​mod, ħarsa żbilanċjata taʼ l-​importanza li nagħtu lilna nfusna tistaʼ twassal għal nuqqas taʼ ftehim u tħassar ir-​relazzjonijiet li jkollna mal-​ħbieb, membri tal-​familja, u oħrajn.

Dawk li huma konċernati żżejjed dwarhom infushom jistgħu jsiru pampaluni, dejjem jiftaħru dwar it-​talenti, l-​għemejjel, jew il-​ġid li jgħidu li għandhom. Jew forsi jiddominaw il-​konversazzjonijiet, billi dejjem iridu jsemmu xi ħaġa dwarhom infushom. Diskors bħal dan jikxef nuqqas taʼ mħabba ġenwina u jistaʼ verament idejjaq lil dak li jkun. B’hekk, dawk imkabbrin taʼ spiss jinqatgħu mill-​oħrajn.—1 Korintin 13:4.

Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna nistgħu niltaqgħu maʼ wħud li jirridikolawna jew ikeċċuna fil-​ministeru pubbliku tagħna. Jeħtieġ niftakru li oppożizzjoni bħal din m’hijiex fil-​fatt diretta kontrina personalment, imma kontra Jehovah, is-​Sors tal-​messaġġ tagħna. Madankollu, idea mgħawġa taʼ l-​importanza tagħna nfusna tistaʼ twassal għal konsegwenzi serji. Snin ilu, wieħed ħu, ħa l-​attakk verbali taʼ l-​inkwilin personalment u rrisponda b’mod abbużiv. (Efesin 4:29) Wara dan, il-​ħu ma ħax iktar sehem fil-​ministeru minn bieb għal bieb. Iva, il-​kburija għandha mnejn iġġagħalna nitilfu t-​tempra meta nkunu qed nippridkaw. Ejja nħabirku sabiex qatt ma nħallu dan jiġri lilna. Minflok, ejja b’umiltà nfittxu l-​għajnuna taʼ Jehovah biex inżommu apprezzament xieraq għall-​privileġġ taʼ li nieħdu sehem fil-​ministeru Kristjan.—2 Korintin 4:​1, 7; 10:​4, 5.

Li jkollna attitudni li nagħtu importanza żejda lilna nfusna tistaʼ wkoll iżżommna lura milli naċċettaw pariri li tant huma bżonnjużi. Ftit tas-​snin ilu, f’pajjiż fl-​Amerka Ċentrali, wieħed adolexxent ta taħdita fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku fil-​kongregazzjoni Kristjana. Meta l-​indokratur taʼ l-​iskola tah xi parir pjuttost iebes, iż-​żagħżugħ inkorlat waddab il-​Bibbja tiegħu fl-​art u telaq isabbat saqajh ’il barra mis-​Sala tas-​Saltna bl-​intenzjoni li qatt ma jerġaʼ jirritorna. Imma ftit jiem wara, hu umilja ruħu, irranġa maʼ l-​indokratur taʼ l-​iskola, u aċċetta bl-​umiltà l-​parir tiegħu. Maż-​żmien, dan iż-​żagħżugħ sar Kristjan matur.

Li nkunu immodesti u konċernati żżejjed dwarna nfusna jistaʼ jwassal f’li nitilfu r-​relazzjoni tagħna m’Alla. Proverbji 16:5 jwissina: “Il-​Mulej jistmell lil kull min hu mkabbar.”

Ħarsa Bilanċjata Lejna Nfusna

B’mod ċar, aħna ma rridux inkunu konċernati żżejjed dwarna nfusna. M’għandniex xi ngħidu, dan mhux biex ngħidu li m’għandniex inkunu serji f’dak li nagħmlu jew ngħidu. Il-​Bibbja tindika li l-​indokraturi, il-​qaddejja ministerjali—fil-​fatt, dawk kollha fil-​kongregazzjoni—għandhom ikunu serji. (1 Timotju 3:​4, 8, 11; Titu 2:2) Mela l-​Kristjani kif jistgħu jiżviluppaw u jżommu ħarsa modesta, bilanċjata, u serja lejhom infushom?

Il-Bibbja tipprovdi ħafna eżempji inkuraġġanti taʼ individwi li żammew ħarsa bilanċjata lejhom infushom. Kemm verament jispikka l-​eżempju t’umiltà taʼ Ġesù Kristu! Sabiex jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru u jġib salvazzjoni għall-​umanità, l-​Iben t’Alla minn jeddu ħalla l-​pożizzjoni glorjuża tiegħu fis-​sema u sar bniedem umli fuq l-​art. Minkejja l-​insulti, l-​abbużi, u mewta infamja, hu żamm il-​kontroll fuqu nnifsu u d-​dinjità tiegħu. (Mattew 20:28; Filippin 2:​5-8; 1 Pietru 2:​23, 24) Ġesù kif kien kapaċi jagħmlu dan? Hu straħ kompletament fuq Jehovah u kien determinat li jagħmel ir-​rieda divina. Ġesù studja l-​Kelma t’Alla b’mod ħabriek, talab bil-​ħerqa, u tħabat b’mod vigoruż fil-​ministeru. (Mattew 4:​1-10; 26:​36-44; Luqa 8:1; Ġwann 4:34; 8:28; Lhud 5:7) Li nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù jistaʼ jgħinna niżviluppaw u nżommu ħarsa bilanċjata lejna nfusna.—1 Pietru 2:21.

Ikkunsidra wkoll l-​eżempju mill-​aħjar taʼ Ġonatan, bin is-​Sultan Sawl. Minħabba d-​diżubbidjenza taʼ missieru, Ġonatan tilef l-​opportunità li jkun is-​sultan suċċessur taʼ Sawl. (1 Samwel 15:​10-29) Kien Ġonatan diżappuntat minħabba din it-​telfa? Sar hu għajjur għal David, iż-​żagħżugħ li kellu jaħkem minfloku? Għalkemm Ġonatan kien ħafna akbar fl-​età u probabbilment kellu iktar esperjenza minn David, hu b’modestja u b’umiltà rrispetta l-​arranġament taʼ Jehovah u appoġġa lealment lil David. (1 Samwel 23:​16-18) Li jkollna perspettiva ċara tar-​rieda t’Alla u dispożizzjoni biex nissottomettu ruħna għaliha se jgħinna biex ‘ma nqisux ruħna aktar milli hu xieraq li nqisu.’—Rumani 12:​3, KŻ.

Ġesù għallem il-​valur taʼ li nuru l-​modestja u l-​umiltà. Hu wera dan billi lid-​dixxipli tiegħu qalilhom li meta jkunu f’xi festa taʼ tieġ ma kellhomx joqogħdu “fil-​post taʼ quddiem” għax setaʼ jidħol xi ħadd aqwa minnhom u forsi kienu se jbatu umiljazzjoni għax ikollhom imorru fil-​post taʼ l-​aħħar. Biex joħroġ il-​lezzjoni iktar b’mod ċar, Ġesù żied: “Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.” (Luqa 14:​7-11) Aħna nkunu għaqlin jekk nagħtu kas tal-​parir taʼ Ġesù u ‘nilbsu sentimenti taʼ umiltà.’—Kolossin 3:12; 1 Korintin 1:31.

Barkiet li Jiġu meta Jkollok Ħarsa Bilanċjata

Spirtu modest u umli jgħin lill-​qaddejja taʼ Jehovah biex isibu ferħ veru fil-​ministeru tagħhom. L-​anzjani huma iktar avviċinabbli meta bl-​umiltà kollha “jittrattaw lill-​merħla b’tenerezza.” (Atti 20:​28, 29, NW) B’dan il-​mod, dawk kollha fil-​kongregazzjoni jħossuhom iktar komdi biex ikellmuhom u jfittxu l-​għajnuna tagħhom. B’hekk, il-​kongregazzjoni tistaʼ tkun iktar magħquda fi spirtu taʼ mħabba, tenerezza, u fiduċja.

Il-fatt li ma nkunux konċernati żżejjed dwarna nfusna se jgħinna nagħmlu ħbieb tajbin. Il-​modestja u l-​umiltà se jżommuna milli niżviluppaw spirtu kompetittiv u nipprovaw nidhru superjuri fuq oħrajn fl-​għemejjel jew f’affarijiet materjali. Dawn il-​kwalitajiet divini se jgħinuna biex nuru iktar konsiderazzjoni, u b’hekk inkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex infarrġu u nappoġġaw lil dawk fil-​bżonn. (Filippin 2:​3, 4) Meta n-​nies ikunu mqanqlin mill-​imħabba u t-​tjieba, normalment jaġixxu sew. U m’huwiex minnu li relazzjoni mhix egoista bħal din issir il-​pedament li fuqha jinbnew ħbiberiji sodi? X’barka jkollna jekk ma nkunux konċernati żżejjed b’nuqqas taʼ modestja dwarna nfusna!—Rumani 12:10.

Ħarsa bilanċjata lejna nfusna tagħmilha wkoll iktar faċli biex nammettu li żbaljajna meta nkunu offendejna lil xi ħadd. (Mattew 5:​23, 24) Dan jirriżulta f’relazzjonijiet aħjar, li se jagħmluha eħfef li jkun hemm rikonċiljazzjoni u rispett reċiproku. Jekk ikunu umlin u modesti, dawk fil-​pożizzjonijiet taʼ indokrar, bħall-​anzjani Kristjani, għandhom l-​opportunità li jagħmlu ħafna ġid lil oħrajn. (Proverbji 3:27; Mattew 11:29) Wieħed umli se jsibha wkoll iktar faċli li jaħfer lil oħrajn li jidinbu kontrih. (Mattew 6:​12-15) Hu ma jiħux għalih għal kull ħaġa taʼ xejn, u hu se jafda f’Jehovah biex jikkoreġi xi kwistjonijiet li ma jistgħux jitranġaw b’mod ieħor.—Salm 37:5; Proverbji 3:​5, 6.

L-akbar barka li nistgħu niksbu talli jkollna ħarsa modesta u umli lejna nfusna hi dik li ngawdu l-​favur u l-​approvazzjoni taʼ Jehovah. “Alla jeqfilhom lill-​kburin, imma lill-​umli jagħtihom il-​grazzja.” (1 Pietru 5:5) Jalla qatt ma naqgħu fin-​nassa u nibdew naħsbu li aħna xi ħaġa speċjali. Minflok, ejja nirrikonoxxu b’umiltà l-​pożizzjoni tagħna fl-​arranġament li Jehovah għandu taʼ l-​affarijiet. Hemm barkiet kbar quddiem dawk kollha li jilħqu dak li Alla jeħtieġ minnhom, jiġifieri li ‘jkunu umlin fl-​imġiba tagħhom maʼ Alla tagħhom.’

[Stampa f’paġna 22]

Ġonatan appoġġah b’umiltà lil David