Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah M’Huwiex Se Jiddawwar

Jehovah M’Huwiex Se Jiddawwar

“Jekk hija [l-viżjoni] ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!”​—ĦABAKKUK 2:3.

1. Liema determinazzjoni ntweriet min-​nies taʼ Jehovah, u din x’qanqlithom jagħmlu?

 “FUQ il-​għassa tiegħi rrid noqgħod.” Hekk kien riżolut li jagħmel il-​profeta t’Alla, Ħabakkuk. (Ħabaqquq 2:​1, ) In-​nies taʼ Jehovah f’dan is-​seklu 20 urew din l-​istess determinazzjoni. Għaldaqstant, huma wieġbu b’żelu kbir għall-​għajta li dwiet fil-​konvenzjoni storika taʼ Settembru taʼ l-​1922: “Dan hu jum fuq l-​oħrajn kollha. Araw, is-​Sultan jirrenja! Intom l-​aġenti pubbliċitarji tiegħu. Għalhekk, irreklamaw, irreklamaw, irreklamaw, lis-​Sultan u s-​saltna tiegħu.”

2. X’setgħu jiddikjaraw il-​Kristjani midlukin meta ġew restawrati għal attività intensiva wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija?

2 Wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija, Jehovah rrestawra lill-​fdal midluk għal stat t’attività intensiva. Bħal Ħabakkuk, kull wieħed minnhom dakinhar setaʼ jiddikjara: “Fuq it-​turretta tiegħi nieqaf; u noqgħod attent għal dak li l-​Mulej sa jgħidli.” Il-​kliem Ebrajk għal “għassa” u “attent” huwa ripetut f’ħafna profeziji.

‘Ma Jiddawwarx ma Jasal’

3. Aħna għala rridu nibqgħu għassa?

3 Hekk kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah jsemmgħu t-​twissija t’Alla llum, huma jridu jkunu dejjem attenti biex jagħtu kas il-​kliem tal-​konklużjoni tal-​profezija kbira taʼ Ġesù: “Mela . . . [“ibqgħu għassa,” NW], għax ma tafux meta jiġi Sid id-​dar, jekk hux fil-​għaxija, jew f’nofs il-​lejl, jew xħin jidden is-​serduk, jew inkella mas-​sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin. U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: . . . [“ibqgħu għassa,” NW]!” (Mark 13:​35-37) Bħal Ħabakkuk, u fi qbil maʼ kliem Ġesù, aħna rridu nibqgħu għassa!

4. Is-​sitwazzjoni tagħna kif inhi simili għal dik taʼ Ħabakkuk madwar is-​sena 628 Q.E.K.?

4 Ħabakkuk x’aktarx li spiċċa jikteb il-​ktieb tiegħu madwar is-​sena 628 Q.E.K., saħansitra qabel ma Babilonja saret il-​qawwa dinjija dominanti. Il-​ġudizzju taʼ Jehovah fuq Ġerusalemm apostata kien ilu jitħabbar għal bosta snin. Madankollu, ma kien hemm ebda indikazzjoni ċara inkwantu għal meta kellu jiġi esegwit dak il-​ġudizzju. Min qatt setaʼ jemmen li kien baqagħlu biss 21 sena u li Babilonja kellha tkun l-​esekutur taʼ Jehovah? L-​istess illum, aħna ma nafux “il-​jum u s-​siegħa” stabbiliti għat-​tmiem taʼ din is-​sistema, imma Ġesù wissiena minn qabel: “Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-​siegħa li fiha jiġi Bin il-​bniedem.”—Mattew 24:​36, 44.

5. Il-​kliem t’Alla li jinsab f’Ħabakkuk 2:​2, 3 għala hu inkuraġġanti b’mod speċjali?

5 Mhux taʼ b’xejn li Jehovah tah dan l-​inkarigu eċċitanti lil Ħabakkuk: “‘Ikteb id-​dehra,’ qalli, ‘onqoxha fuq tavlozzi, hekk li jkun jistaʼ jħaffef min jaqraha. Għax id-​dehra sseħħ meta jkun waqtha, tistenna sa ma ttemm, u ma tqarraqx. Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!’” (Ħabakkuk 2:​2, 3) Illum, il-​ħażen u l-​vjolenza huma mifruxin mad-​dinja kollha, u dan jindika li aħna qegħdin fix-​xifernett taʼ “Jum il-​Mulej, kbir u tal-​biżaʼ” (Ġoel 3:4 [2:​31, NW]) Kemm hu inkuraġġanti l-​kliem li Jehovah stess qal biex jassigurana: ‘Ma jiddawwarx ma jasal’!

6. Kif nistgħu nsalvaw mill-​jum taʼ ġudizzju esekuzzjonali li ġej?

6 Allura, kif nistgħu nsalvaw mill-​jum taʼ ġudizzju esekuzzjonali li ġej? Jehovah jwieġeb billi jagħmel kuntrast bejn it-​twajbin u dawk li m’humiex twajbin: “Arah jinfena min m’hux ruħu sewwa, iżda l-​ġust jgħix bil-​fedeltà tiegħu.” (Ħabakkuk 2:4) Ħakkiema u popli kburin u rgħiba tebbgħu l-​paġni taʼ l-​istorja moderna bid-​demm taʼ miljuni taʼ vittmi innoċenti, speċjalment fiż-​żewġ gwerer dinjin u fil-​massakri etniċi. B’kuntrast, il-​qaddejja midlukin t’Alla li tant iħobbu l-​paċi ssaportew bil-​fedeltà. Dawn huma l-​“poplu ġust li jżomm is-​sewwa.” Dan il-​poplu, flimkien maʼ sħabu, in-​“nagħaġ oħra,” jsegwi t-​twissija: “Ittamaw fil-​Mulej, għal dejjem, għax il-​Mulej hu l-​blata taʼ dejjem.”—Isaija 26:​2-4; Ġwann 10:16.

7. Fi qbil maʼ kif Pawlu applika l-​iskrittura f’Ħabakkuk 2:​4, aħna x’irridu nagħmlu?

7 Meta l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani Lhud, hu kkwota Ħabakkuk 2:4 hu u jgħid lill-​poplu taʼ Jehovah: “Tassew li teħtieġu s-​sabar biex tagħmlu r-​rieda taʼ Alla u tiksbu dak li hu wiegħed. Għax ‘ftit ieħor, ftit ħafna, u dak li għandu jiġi ma jdumx ma jiġi. Il-​bniedem ġust tiegħi jgħix bil-​fidi; imma jekk jerġaʼ lura jien ma nitgħaxxaqx bih.’” (Lhud 10:​36-38) Dan m’huwiex żmien li nitnikkru jew li naqgħu fin-​nassa tal-​modi materjalistiċi u mġenna għall-​pjaċiri li toffri d-​dinja taʼ Satana. X’irridu nagħmlu sakemm il-​“ftit ħafna” jiskadi? Bħal Pawlu, aħna li aħna parti mill-​poplu qaddis taʼ Jehovah rridu ‘nagħmlu ħilitna kollha biex nilħqu dak li hemm quddiemna; niġru ’l quddiem lejn it-​tmiem, biex niksbu l-​premju’ taʼ ħajja taʼ dejjem. (Filippin 3:​13, 14) U bħal Ġesù, irridu nissaportu minħabba ‘l-​hena li għandna quddiemna.’—Lhud 12:2.

8. Min hu l-​“bniedem” li nsibu f’Ħabakkuk 2:​5, u dan għala ma se jkollu ebda suċċess?

8Ħabakkuk 2:5 jiddeskrivi l-​“bniedem [“f’saħħtu,” NW]” li, b’kuntrast mal-​qaddejja taʼ Jehovah, jonqos li jilħaq il-​mira tiegħu, avolja “jiftaħ ħalqu bħax-​Xeol.” Min hu dan il-​bniedem li “ma jixbaʼ qatt”? B’kilba bħal dik taʼ Babilonja taʼ żmien Ħabakkuk, dan il-​“bniedem” kompost, li huwa fformat mill-​potenzi politiċi—sew jekk Faxxisti, Nazisti, Komunisti, jew saħansitra l-​hekk imsejħa demokratiċi—qed jiġġieled il-​gwerer sabiex jespandi l-​artijiet tiegħu. Hu jimla wkoll lil Xeol, il-​qabar, b’erwieħ innoċenti. Imma dan il-​“bniedem” kompost qarrieq tad-​dinja taʼ Satana, dominat għalkollox mill-​importanza li hu nnifsu jemmen li għandu jkollu, ma jkollu ebda suċċess f’li ‘jiġmaʼ għalih kull poplu, u jiġbor għalih kull ġens.’ Alla Jehovah biss jistaʼ jgħaqqad lill-​umanità kollha, u dan hu se jwettqu permezz tas-​Saltna Messjanika.—Mattew 6:​9, 10.

L-​Ewwel minn Ħames Gwajijiet Drammatiċi

9, 10. (a) Jehovah x’jissokta jħabbar permezz taʼ Ħabakkuk? (b) X’inhi s-​sitwazzjoni llum rigward il-​qligħ inġust?

9 Permezz tal-​profeta tiegħu Ħabakkuk, Jehovah jissokta jħabbar serje taʼ ħames gwajijiet, ġudizzji li jridu jitwettqu bħala preparazzjoni biex l-​art tiġi abitata mill-​adoraturi leali t’Alla. Dawn l-​uħud taʼ qalbhom retta ‘jgħollu ’l fuq qawl proverbjali,’ (NW) li jippreżenta Jehovah. F’Ħabakkuk 2:6 naqraw: “Ħażin għalih min jiġmaʼ dak li m’hux tiegħu (kemm se jdum?), min jgħabbi lilu nnifsu b’ħafna djun!”

10 Hawnhekk l-​enfasi qegħda fuq qligħ inġust. Fid-​dinja taʼ madwarna, l-​għonja jsiru iktar għonja, u l-​foqra jsiru iktar foqra. Dawk li jittraffikaw id-​drogi u dawk li jqarrqu jaħżnu fortuni kbar, waqt li n-​nies komuni jmutu bil-​ġuħ. Kwart tal-​popolazzjoni tad-​dinja jingħad li għandha livell t’għajxien li hu klassifikat agħar mill-​faqar. Il-​kundizzjonijiet taʼ l-​għajxien f’ħafna pajjiżi huma orribbli. Dawk li jixxennqu għat-​tjieba fuq l-​art jgħidu: ‘Kemm se jdumu’ jimmoltiplikaw dawn l-​inġustizzji! Madankollu, it-​tmiem hu fil-​qrib ħafna! Tabilħaqq, il-​viżjoni “ma tiddawwarx ma tasal!”

11. Ħabakkuk x’jgħid dwar it-​tixrid tad-​demm uman, u għala nistgħu ngħidu li fuq l-​art hawn ħtija kbira taʼ demm?

11 Il-profeta jgħid lill-​wieħed mill-​agħar: “Talli ħarbatt il-​ġid taʼ bosta ġnus, il-​popli l-​oħra lkoll iħarbtu lilek; għad iħallsuk taʼ demm in-​nies li qridt, tad-​deni li ġibt int fuq il-​pajjiż u fuq il-​belt u fuq kull min jgħammar fiha!” (Ħabakkuk 2:8) Xi ħtija taʼ demm insibu llum fuq l-​art! Ġesù stqarr ċar u tond: “Kull min jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” (Mattew 26:52) Madankollu, f’dan is-​seklu 20 biss, il-​ġnus u l-​gruppi etniċi ħatjin tad-​demm kienu responsabbli għat-​tbiċċir taʼ iktar minn mitt miljun ruħ. Gwaj għal dawk li ħadu sehem f’dawn il-​massakri!

It-​Tieni Gwaj

12. Liema hu t-​tieni gwaj li Ħabakkuk niżżel bil-​miktub, u kif nistgħu nkunu ċerti li l-​għana li jinkiseb b’mod diżonest ma se jiswa għal xejn?

12 It-tieni gwaj, dokumentat f’Ħabakkuk 2:​9-11, imiss lil “min għal daru jagħmel xi qligħ miksub ħażin, biex il-​bejta tiegħu jqiegħed fl-​għoli, u hekk ma jħallihiex tintmess mill-​ħsara.” Qligħ diżonest ma se jiswa għal xejn, bħalma juri ċar is-​salmista: “Tibżax meta xi ħadd jistagħna, meta joktor il-​ġieħ taʼ daru. Għax xejn ma jieħu f’mewtu, ġieħu ma jinżilx warajh.” (Salm 49:​17, 18 [49:​16, 17, NW]) Mela, taʼ min jagħti kas il-​parir għaqli taʼ l-​appostlu Pawlu: “Lil dawk li huma għonja bil-​ġid taʼ din l-​art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-​tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f’Alla li jagħtina kollox bix-​xabaʼ biex ingawdu bih.”—1 Timotju 6:17.

13. Għala għandna nkomplu nsemmgħu t-​twissija t’Alla?

13 Kemm hu importanti li l-​messaġġi taʼ ġudizzju t’Alla jiġu mxandrin maʼ kullimkien illum! Meta l-​Fariżej oġġezzjonaw għall-​fatt li l-​folol lil Ġesù sejħulu s-​“Sultan li ġej f’isem il-​Mulej,” hu qalilhom: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-​ġebel.” (Luqa 19:​38-40) B’mod simili, jekk il-​poplu t’Alla llum jonqos li jesponi l-​ħażen li jeżisti f’din id-​dinja, “sal-​ġebla minn ġol-​ħajt . . . tgħajjat.” (Ħabakkuk 2:11) Mela ejja nkomplu nsemmgħu t-​twissija t’Alla!

It-​Tielet Gwaj u l-​Kwistjoni tal-​Ħtija tad-​Demm

14. Ir-​reliġjonijiet tad-​dinja taʼ liema ħtija tad-​demm kienu u għadhom responsabbli?

14 It-tielet gwaj li tħabbar permezz taʼ Ħabakkuk isemmi l-​kwistjoni tal-​ħtija tad-​demm. Ħabakkuk 2:12 jgħid: “Ħażin għalih min jibni belt bid-​demm, itallaʼ belt fuq sisien il-​ħażen!” F’din is-​sistema t’affarijiet, in-​nuqqas taʼ tjieba u t-​tixrid taʼ demm taʼ spiss jimxu id f’id. B’mod partikulari, ir-​reliġjonijiet tad-​dinja kienu u għadhom responsabbli għall-​iktar massakri orribbli fl-​istorja kollha. Biżżejjed insemmu l-​Kruċjati, li xewxu lill-​hekk imsejħa Kristjani kontra l-​Musulmani; l-​Inkwiżizzjoni Kattolika fi Spanja u fl-​Amerka Latina; il-​Gwerra taʼ Tletin Sena fl-​Ewropa bejn il-​Protestanti u l-​Kattoliċi; u l-​iktar massakri mdemmijin fosthom kollha, iż-​żewġ gwerer dinjin tas-​seklu tagħna, li t-​tnejn li huma bdew fil-​qasam tal-​Kristjaneżmu.

15. (a) Il-​ġnus x’ikomplu jagħmlu bl-​appoġġ jew il-​kunsens tal-​knisja? (b) Tistaʼ l-​Ġnus Magħquda twaqqaf lid-​dinja milli tarma għall-​gwerra?

15 Wieħed mill-​iktar karatteristiċi mill-​agħar tat-​tieni gwerra dinjija kien l-​Olokawst Nazista, li sewa l-​ħajjiet taʼ miljuni taʼ Lhud u oħrajn innoċenti fl-​Ewropa. Kien biss dan l-​aħħar li l-​ġerarkija Kattolika Rumana fi Franza ammettiet li naqset li topponi meta ntbagħtu mijiet taʼ eluf taʼ vittmi lejn il-​kmamar tal-​gass tan-​Nazi. Madankollu, il-​ġnus ikomplu jippreparaw biex ixerrdu d-​demm, bl-​appoġġ jew il-​kunsens tal-​knisja. Waqt li tkellmet dwar il-​Knisja Ortodossa Russa, ir-​rivista Time (edizzjoni internazzjonali) stqarret reċentement: “Il-​knisja mġedda għandha wkoll influwenza kritika f’qasam li darba lanqas biss kienu joħolmu bih: is-​sistema politika u militari Russa. . . . It-​tberik taʼ jet-fighters u tal-​kwartieri tas-​suldati sar kważi xi ħaġa normali. F’Novembru, fil-​Monasteru Danilovsky taʼ Moska, is-​sede tal-​Patrijarkat Russu, il-​knisja waslet biex saħansitra kkonsagrat il-​ħażna nukleari tar-​Russja.” Tistaʼ l-​Ġnus Magħquda twaqqaf lid-​dinja milli tarma mill-​ġdid bi strumenti demoniċi tal-​gwerra? Bilkemm! Skond il-​gazzetta The Guardian taʼ Londra, l-​Ingilterra, wieħed li rebaħ il-​Premju Nobel għall-​Paċi għamel dan il-​kumment: “L-​iktar ħaġa inkwetanti hi li l-​ħames membri permanenti tal-​Kunsill tas-​Sigurtà tal-​ĠM huma l-​iktar ħames pajjiżi li jissupplixxu armi.”

16. Jehovah x’se jagħmel rigward il-​ġnus li jħeġġu l-​gwerer?

16 Se jesegwih Jehovah l-​ġudizzju fuq il-​ġnus li jħeġġu l-​gwerer? Ħabakkuk 2:13 jistqarr: “Jaqaw m’hux mill-​Mulej . . . [“taʼ l-​eżerċti,” ] ġej, li l-​popli jitgħabbew bix-​xogħol għan-​nar, u l-​ġnus jaħlu saħħithom għal xejn?” Il-​“Mulej taʼ l-​eżerċti”! Iva, Jehovah għandu eżerċti anġeliċi fis-​sema, li se jużahom biex iġib fix-​xejn lill-​popli u l-​ġnus li jħeġġu l-​gwerer!

17. L-​għarfien taʼ Jehovah sa liema punt se jimla l-​art wara li Hu jkun esegwixxa l-​ġudizzju tiegħu fuq il-​ġnus vjolenti?

17 X’se jiġri wara li Jehovah jesegwixxi ġudizzju fuq dawn il-​ġnus vjolenti? Ħabakkuk 2:14 jipprovdi t-​tweġiba: “Għax l-​art kollha kemm hi għad tagħraf sewwa l-​glorja tal-​Mulej, bħalma hu miksi l-​baħar bl-​ilmijiet!” Xi prospett grandjuż! F’Armageddon, is-​sovranità taʼ Jehovah se tiġi vendikata darba għal dejjem. (Apokalissi 16:16) Hu jassigurana li se ‘[‘jigglorifika,’ KŻ] mirfes riġlejh,’ din l-​art li qed ngħixu fuqha. (Isaija 60:13) Il-​bnedmin kollha se jiġu edukati fil-​mod taʼ ħajja t’Alla, sabiex l-​għarfien tagħhom taʼ l-​iskopijiet glorjużi taʼ Jehovah jimla l-​art saħansitra bħalma l-​oċeani jimlew il-​qigħan tal-​baħar.

Ir-​Rabaʼ u l-​Ħames Gwajijiet

18. Liema hu r-​rabaʼ gwaj imħabbar minn Ħabakkuk, u dan kif jiġi rifless fl-​istat morali tad-​dinja llum?

18 Ir-rabaʼ gwaj hu deskritt f’Ħabakkuk 2:15 b’dawn il-​kelmiet: “Ħażin għalih min jisqi l-​proxxmu tiegħu, min iferragħlu s-​semm sa jġagħlu jisker, bil-​ħsieb li jħares lejn għawaru [“għertu,” Saydon]!” Dan jissuġġerixxi l-​istat bla rażan u stinat tad-​dinja moderna. L-​immoralità tagħha, appoġġata saħansitra minn organizzazzjonijiet reliġjużi permissivi, għodsot iktar u iktar fil-​baxx minn qatt qabel. Il-​pesti, bħalma huma l-​AIDS u mard ieħor trasmess sesswalment, qed jiżdiedu bla rażan mad-​dinja kollha. Minflok ma tirrifletti “l-​glorja tal-​Mulej,” il-​ġenerazzjoni tal-​lum taʼ l-​ewwel jien tkompli togħdos fil-​perversjoni u tersaq eqreb lejn l-​esekuzzjoni tal-​ġudizzju minn Alla. ‘Imxebbaʼ bl-​għajb flok bil-​ġieħ,’ din id-​dinja delinkwenti waslet biex tixrob mill-​kalċi tad-​dagħdigħa taʼ Jehovah, li jirrappreżenta r-​rieda tiegħu għaliha. ‘Se jaqaʼ l-​għajb fuq ġieħha.’—Ħabaqquq 2:​16, Saydon.

19. Il-​preludju għall-​ħames gwaj li ħabbar Ħabakkuk maʼ liema ħaġa għandu x’jaqsam, u dan il-​kliem għala għandu sinjifikat fid-​dinja tal-​lum?

19 Preludju għall-​ħames gwaj iwissi bl-​aħrax kontra l-​qima lejn xbihat minquxin. Jehovah jqabbad lill-​profeta jħabbar dan il-​kliem qawwi: “Ħażin għalih min jgħid lil biċċa għuda: ‘Stenbaħ min-​ngħas,’ jew: ‘Qum’ lil ġebla siekta! Dan hu t-​tagħlim! Arah, xogħol intarsjat bid-​deheb u l-​fidda, iżd’ebda nifs taʼ ħajja m’hemm ġo fih.” (Ħabakkuk 2:19) Sal-​ġurnata tal-​lum, kemm il-​Kristjaneżmu u kemm l-​hekk imsejjaħ paganiżmu jmilu quddiem kurċifissi, Madonni, ikoni, u xbihat oħra taʼ nies u annimali. Ebda wieħed minn dawn ma jistaʼ jistenbaħ u jsalva lill-​adoraturi tiegħu meta Jehovah jiġi biex jesegwixxi l-​ġudizzju. Il-​kisi tagħhom bid-​deheb u l-​fidda ma jsir ifisser xejn meta jitqabbel maʼ l-​isplendur taʼ Jehovah, dak Alla etern, u l-​glorja tal-​ħolqien ħaj tiegħu. Jalla nagħtu ġieħ lill-​isem inkomparabbli tiegħu għal dejjem!

20 Iva, Alla tagħna, Jehovah, jistħoqqlu kull tifħir. B’sentiment taʼ riverenza profonda għalih, ejja nagħtu kas din it-​twissija qawwija kontra l-​idolatrija. Imma ismaʼ daqsxejn! Jehovah għadu jitkellem: “[I]l-Mulej fit-​tempju mqaddes tiegħu; iskot quddiemu, art, kollok kemm int.” (Ħabakkuk 2:​20) Il-​profeta bla dubju kellu f’moħħu t-​tempju taʼ Ġerusalemm. Madankollu, aħna llum privileġġati li nqimu f’arranġament taʼ tempju spiritwali bil-​wisq iktar grandjuż, fejn Sidna Ġesù Kristu jinsab fil-​kariga taʼ Qassis il-​Kbir. Hawnhekk, fil-​btieħi taʼ l-​art taʼ dak it-​tempju, niltaqgħu, naqdu, u nitolbu, waqt li nagħtu lil Jehovah l-​unur li jixraq lill-​isem glorjuż tiegħu. U x’ferħ għandna f’li nagħtu qima minn qalbna lil Missierna tas-​sema kollu mħabba!

Tiftakar Int?

• Int kif tqis il-​kliem taʼ Jehovah ‘Ma jiddawwarx ma jasal’?

• X’inhu s-​sinjifikat għal żmienna tal-​gwajijiet mħabbrin permezz taʼ Ħabakkuk?

• Għala għandna nkomplu nsemmgħu t-​twissija taʼ Jehovah?

• Fil-​bitħa taʼ liema tempju għandna l-​privileġġ li naqdu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

20. F’liema arranġament tat-​tempju għandna l-​privileġġ li naqdu bil-​ferħ?

[Stampi f’paġna 15]

Bħal Ħabakkuk, il-​qaddejja t’Alla tal-​lum jafu li Jehovah m’huwiex se jiddawwar

[Stampi f’paġna 18]

Tapprezzah int il-​privileġġ li tqim lil Jehovah fil-​bitħa tat-​tempju spiritwali tiegħu?

[Sors taʼ l-​istampa f’paġna 18]

U.S. Army photo