Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaċċettaw injezzjonijiet taʼ elementi mid-​demm, bħall-​globulina taʼ l-​immunità (immune globulin) jew l-​albumina?

Xi wħud jaċċettawhom, għaliex jemmnu li l-​Iskrittura ma teskludix b’mod ċar li wieħed jaċċetta injezzjoni taʼ element żgħir, jew komponent, li jkun meħud mid-​demm.

Oriġinalment, kien il-​Ħallieq li impona fuq l-​umanità kollha l-​obbligu li jastjenu milli jieħdu d-​demm: “Kull ma hu ħaj u jitħarrek fl-​art ikun ikel għalikom . . . Imma l-​laħam b’demmu ġo fih, li hu ħajtu, la tikluhx.” (Ġenesi 9:​3, 4) Id-​demm kien sagru, u għalhekk setaʼ jintuża biss fis-​sagrifiċċji. Jekk ma jintużax b’dan il-​mod, kellu jiġi mxerred fl-​art.—Levitiku 17:​13, 14; Dewteronomju 12:​15, 16.

Din ma kinitx sempliċement restrizzjoni temporanja għal-​Lhud. Il-​ħtieġa li jitbegħdu mid-​demm reġgħet ġiet mistqarra għall-​Kristjani. (Atti 21:25) Madwarhom, fl-​Imperu Ruman, kienet ħaġa komuni ħafna li jiksru l-​liġi t’Alla, għaliex in-​nies kienu jieklu ikel magħmul bid-​demm. Il-​liġi kienu jiksruha wkoll għal raġunijiet “mediċi”; fil-​fatt, Tertuljanu jirrapporta li xi nies kienu jixorbu d-​demm għaliex kienu jaħsbu li dan setaʼ jfejjaq l-​epilessija. ‘Huma kienu jlegilgu b’kilba kbira d-​demm tal-​kriminali li jinqatlu fl-​arena.’ Hu żied: “Istħu minħabba l-​modi vili tagħkom quddiem il-​Kristjani, li lanqas biss jieklu d-​demm taʼ l-​annimali fl-​ikliet tagħhom.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah llum huma daqstant determinati li ma jiksrux il-​liġi t’Alla, ikun kemm ikun normali għal oħrajn li jieklu ikel li fih id-​demm. Fis-​snin 40, l-​użu tat-​trasfużjonijiet tad-​demm infirex ħafna, u x-​Xhieda raw li l-​ubbidjenza lejn Alla tirrikjedi li huma jevitaw ukoll it-​trasfużjonijiet tad-​demm, saħansitra jekk it-​tobba kienu qed iħeġġu dan.

Għall-ewwel, il-​biċċa l-​kbira tat-​trasfużjonijiet kienu jkunu taʼ demm sħiħ. Iktar tard, xi riċerkaturi bdew jisseparaw id-​demm fil-​komponenti primarji tiegħu, għar-​raġuni li t-​tobba kkonkludew li xi pazjenti jistgħu ma jkollhomx bżonn il-​partijiet ewlenin kollha tad-​demm. Jekk jagħtuhom komponent wieħed biss, dawn ikollhom inqas riskji, u t-​tobba jkunu jistgħu jagħmlu iktar użu mid-​demm li jkollhom għad-​dispożizzjoni tagħhom.

Id-demm uman jistaʼ jiġi separat f’materjal skur magħmul miċ-​ċelluli u f’likwidu safrani (plażma, jew serum). Il-​parti magħmula miċ-​ċelluli (li tifforma 45 fil-​mija mill-​volum) hija komposta minn dawk li huma magħrufin bħala ċelluli ħomor, ċelluli bojod, u platelets. Il-​55 fil-​mija li jibqaʼ hija l-​plażma. Disgħin fil-​mija minnha huwa ilma, imma din iġġorr ammonti żgħar taʼ ħafna proteini, ormoni, melħ, u enzimi. Illum, ħafna mid-​demm li jagħtu d-​donaturi jiġi separat fil-​komponenti primarji. Pazjent li jkun qed isofri minn xokk għandu mnejn jingħata trasfużjoni taʼ plażma (forsi FFP, plażma friska friżata). Imma pazjent anemiku għandu mnejn jingħata ċelluli ħomor ippakkjati, jiġifieri, ċelluli ħomor li jkunu ġew maħżunin u mbagħad impoġġijin ġo likwidu u mogħtijin bħala trasfużjoni. Il-​platelets u ċ-​ċelluli bojod ukoll jingħataw bħala trasfużjoni imma l-​każi meta jsir dan m’humiex daqstant komuni.

Fi żminijiet Bibliċi kienu għadhom ma ġewx ivvintati tekniki bħal dawn biex jintużaw dawn il-​komponenti. Alla sempliċement ikkmanda: ‘Tbegħdu mid-​demm.’ (Atti 15:​28, 29) Imma għala għandu xi ħadd jaħseb li tagħmel xi differenza jekk id-​demm ikunx sħiħ jew ikunx ġie separat f’dawn il-​komponenti? Għalkemm xi nies kienu jixorbu d-​demm, il-​Kristjani kienu jirrifjutaw saħansitra jekk dan kien ifisser mewt għalihom. Taħseb li kienu se jaġixxu b’mod differenti kieku xi ħadd ħażen ftit demm, ħallih jissepara, u mbagħad offrielhom biss il-​plażma jew il-​parti li tkun għaqdet, forsi fil-​mazzit? Żgur li le! Minħabba f’hekk, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jaċċettawx trasfużjonijiet taʼ demm sħiħ jew tal-​komponenti primarji tiegħu (ċelluli ħomor, ċelluli bojod, platelets, jew plażma) li jintużaw għal skop simili.

Però, bħalma tissuġġerixxi din il-​mistoqsija, ix-​xjenzati saru jafu iktar dwar l-​elementi differenti fid-​demm u dwar kif u meta jistgħu jużawhom. Kwistjoni pjuttost komuni tinvolvi l-​proteini li jittieħdu mill-​plażma—il-​globulini, l-​albumina, u l-​fibrinoġen. X’aktarx li l-​iktar użu terapewtiku popolari taʼ dawn hu li tingħata injezzjoni taʼ globulina taʼ l-​immunità. Dan għala jsir?

Ġismek għandu l-​kapaċità li jipproduċi antibodies kontra ċertu mard, u b’hekk jagħtik immunità attiva. Dan hu għala jsir titqib minn qabel b’tilqima (toxoid) kontra l-​poljo, il-​gattone, ir-​rubella (ħożba), id-​difterite-tetnu-sogħla konvulsiva, u d-​deni tat-​tifojde. Madankollu, jekk xi ħadd ikun ġie espost reċentement għal ċertu mard serju, it-​tobba għandhom mnejn jirrikkmandaw injezzjoni taʼ serum (antitossin) biex tagħtih immunità passiva immedjata. Sa dan l-​aħħar, dawn l-​injezzjonijiet kienu jsiru billi tittieħed il-​globulina taʼ l-​immunità, li fiha l-​antibodies, minn persuna li diġà għandha l-​immunità. a L-​immunità passiva li tinkiseb mill-​injezzjoni m’hijiex permanenti, għaliex l-​antibodies li jkunu ġew injettati maż-​żmien joħorġu mis-​sistema taʼ dak li jkun.

Minħabba l-​kmand biex ‘jitbegħdu mid-​demm,’ xi Kristjani ħassew li m’għandhomx jaċċettaw injezzjoni taʼ globulina taʼ l-​immunità (proteina), avolja din kienet biss element mid-​demm. Il-​pożizzjoni tagħhom hi ċara u sempliċi—ebda komponent tad-​demm f’ebda forma jew ammont.

Oħrajn ħassew li serum (antitossin), bħall-​globulina taʼ l-​immunità, li jkun fih element żgħir ħafna mill-​plażma tad-​demm tad-​donatur u li jintuża biex isaħħaħ id-​difiża tagħhom kontra l-​mard, m’huwiex l-​istess bħal trasfużjoni tad-​demm li tingħata biex dak li jkun jibqaʼ ħaj. Għalhekk, il-​kuxjenza tagħhom forsi tippermettilhom li jieħdu l-​globulina taʼ l-​immunità jew elementi simili. b Huma għandhom mnejn jikkonkludu li d-​deċiżjoni tagħhom tiddependi primarjament fuq jekk humiex lesti li jaċċettaw xi riskji għal saħħithom li jkunu involuti jekk jieħdu injezzjoni magħmula mid-​demm taʼ nies oħrajn.

Huwa fatt sinjifikanti li s-​sistema tad-​demm taʼ mara tqila hija separata minn dik tat-​tarbija f’ġufha; fil-​fatt, id-​demm tagħhom ħafna drabi jkun taʼ grupp differenti. L-​omm ma tgħaddix id-​demm tagħha lit-​tarbija. Elementi fformati (ċelluli) mid-​demm taʼ l-​omm ma jgħaddux minn ġol-​plaċenta għal ġod-​demm tat-​tarbija mhix imwielda, u lanqas il-​plażma bħala tali. Fil-​fatt, jekk l-​omm jiġrilha xi ħaġa u d-​demm tagħha u tat-​tarbija jitħallat, iktar tard jistgħu jiżviluppaw xi problemi taʼ saħħa (inkompatibilità Rh jew ABO). Madankollu, xi sustanzi mill-​plażma jgħaddu għal ġoċ-​ċirkulazzjoni tat-​tarbija mhix imwielda. Xi ngħidu għall-​proteini tal-​plażma, bħall-​globulina taʼ l-​immunità u l-​albumina? Iva, xi wħud jgħaddu.

Is-sistema taʼ mara tqila taħdem b’tali mod li ftit mill-​globulina taʼ l-​immunità tgħaddi mid-​demm taʼ l-​omm għal ġod-​demm tat-​tarbija li jkun hemm f’ġufha. Minħabba li dan iċ-​ċaqliq naturali taʼ l-​antibodies għal ġot-​tarbija jseħħ f’kull tqala, it-​trabi jitwieldu b’ammont taʼ immunità protettiva normali għal ċerti infezzjonijiet.

Huwa simili fil-​każ taʼ l-​albumina, li t-​tobba jistgħu jordnawha bħala trattament għal min ikun qed isofri minn xokk jew ċerti kundizzjonijiet oħrajn. c Ir-​riċerkaturi għandhom il-​provi li l-​albumina mill-​plażma tgħaddi wkoll, għalkemm b’mod inqas effiċjenti, minn ġol-​plaċenta mill-​omm għat-​tarbija f’ġufha.

Il-fatt li xi elementi taʼ proteini mill-​plażma jgħaddu b’mod naturali għal ġos-​sistema tad-​demm taʼ individwu ieħor (it-tarbija mhix imwielda) tistaʼ tkun xi ħaġa oħra li Kristjan jikkunsidra meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jaċċettax il-​globulina taʼ l-​immunità, l-​albumina, jew injezzjonijiet simili taʼ elementi mill-​plażma. Xi wħud jistgħu jħossu li l-​kuxjenza tagħhom tippermettilhom jagħmlu dan; oħrajn jistgħu jikkonkludu li ma jistgħux. Kulħadd irid jiddeċiedi l-​kwistjoni personalment quddiem Alla. (w 6/1/90)

[Noti taʼ taħt]

a Permezz taʼ tekniki li bihom jgħaqqdu żewġ biċċiet taʼ DNA minn żewġ speċi differenti (recombinant DNA), jew tekniki taʼ l-​inġinerija ġenetika, ix-​xjenzati qed jiżviluppaw prodotti simili li m’humiex magħmulin mid-​demm.

b Eżempju wieħed hu l-​globulina taʼ l-​immunità Rh, li tistaʼ tiġi rikkmandata mit-​tobba meta jkun hemm inkompatibilità Rh bejn l-​omm u t-​tarbija f’ġufha. Eżempju ieħor hu l-​Fattur VIII, li jingħata lil dawk li jbatu bl-​emofilja.

c L-evidenza turi li fluwidi li jirrestawraw il-​volum iżda li m’humiex magħmulin mid-​demm (bħall-hetastarch [HES]) jistgħu jintużaw b’mod effettiv biex jittrattaw stat taʼ xokk u kundizzjonijiet oħrajn li qabel forsi kienet tintuża taħlita t’albumina fit-​trattament tagħhom.