Il-Qawwa li Għandu t-Talb
Ix-xemx qed tgħib bil-mod il-mod minn fuq il-belt taʼ Naħor, fil-Lvant Nofsani. Raġel Sirjan jismu Eligħeżer jasal b’sarbut t’għaxar iġmla ħdejn bir li jinsab barra l-belt. Għalkemm bla dubju kien għajjien u mejjet bil-għatx, Eligħeżer kien jimpurtah iktar mill-bżonnijiet t’oħrajn. Hu ġie minn art oħra biex isib mara għal iben sidu. Iktar minn hekk, jeħtieġlu jsib lil din il-mara minn fost il-qraba taʼ sidu. Kif se jirnexxilu jwettaq din il-biċċa xogħol diffiċli?
ELIGĦEŻER jemmen fil-qawwa tat-talb. B’fidi taʼ l-għaġeb, bħal dik taʼ tifel ċkejken, hu jlissen din it-talba umli: “Mulej, Alla taʼ sidi Abraham, agħtini r-riżq illum, nitolbok, u uri t-tjieba maʼ sidi Abraham. Hawn jien wieqaf ħdejn l-għajn taʼ l-ilma u l-bniet tan-nies tal-belt ħerġin jimlew l-ilma. Agħmel li ż-żagħżugħa li ngħidilha: ‘Niżżel il-qolla tiegħek biex nixrob,’ u tgħidli: ‘Ixrob int, u jien nisqi l-iġmla tiegħek ukoll,’ tkun hi li int tkun għażilt għall-qaddej tiegħek Iżakk. Minn dan inkun naf li int urejt it-tjieba maʼ sidi.”—Ġenesi 24:12-14.
Il-fiduċja taʼ Eligħeżer fil-qawwa tat-talb m’hijiex għalxejn. Oħroġ il-għaġeb, proprju l-ewwel mara li tiġi ħdejn il-bir tkun in-neputija taʼ ħu Abraham! Din jisimha Rebekka, u hi tfajla moralment nadifa, u sabiħa. Hi mhux talli tagħti x’jixrob lil Eligħeżer, imma talli b’qalb tajba toffri li tisqi lill-iġmla kollha tiegħu. Iktar tard, wara li ddiskutiet il-kwistjoni mal-familja tagħha, Rebekka minn jeddha taċċetta li tmur lura maʼ Eligħeżer f’art ’il bogħod biex issir il-mara taʼ iben Abraham, Iżakk. Xi tweġiba impressjonanti u ċara għat-talba taʼ Eligħeżer, lura fi żmien meta Alla xi drabi kien jintervieni mirakolożament f’dak li kien jiġri!
Nistgħu nitgħallmu ħafna mit-talba taʼ Eligħeżer. Din uriet kemm spikkaw il-fidi, l-umiltà, u t-tħassib mhux egoist għall-bżonnijiet t’oħrajn li hu kien juri. It-talba taʼ Eligħeżer uriet ukoll is-sottomissjoni tiegħu għall-mod li bih Jehovah jittratta maʼ l-umanità. Bla dubju, hu kien konxju tar-rabta speċjali li Alla kellu m’Abraham, kif ukoll tal-wegħda Tiegħu li permezz t’Abraham l-umanità kollha kellha tgawdi barkiet futuri. (Ġenesi 12:3, 4 [12:3, NW]) Kien għalhekk li Eligħeżer beda t-talba tiegħu bil-kliem: “Mulej, Alla taʼ sidi Abraham.”
Ġesù Kristu kien id-dixxendent t’Abraham li kien se jkun il-mezz li bih titbierek l-umanità ubbidjenti kollha. (Ġenesi 22:18) Illum, jekk aħna rridu li t-talb tagħna jinstemaʼ, jeħtieġ li nirrikonoxxu umilment il-mod li bih Alla jittratta maʼ l-umanità permezz taʼ Ibnu. Ġesù Kristu qal: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqaʼ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom.”—Ġwann 15:7.
Wieħed mis-segwaċi taʼ Kristu li esperjenza l-verità taʼ dan il-kliem taʼ Ġesù kien l-appostlu Pawlu. It-twemmin tiegħu fil-qawwa tat-talb ċertament li ma kienx għalxejn. Hu inkuraġġixxa lill-Kristjani sħabu biex jersqu lejn Alla permezz tat-talb u jgħidulu bl-ansjetajiet kollha tagħhom, waqt li xehed: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.” (Filippin 4:6, 7, 13) Ifisser dan li t-talbiet kollha li Pawlu ressaq quddiem Alla ġew milqugħa? Ejja naraw.
Mhux it-Talbiet Kollha Jiġu Milqugħa
Matul il-ministeru tiegħu li wettaq mingħajr egoiżmu, Pawlu kien ibati minn xi ħaġa li hu ddeskrivieha bħala ‘xewka f’ġismu.’ (2 Korintin 12:7) Dan setaʼ kien inkwiet mentali u emozzjonali minħabba wħud li jopponu u “aħwa foloz.” (2 Korintin 11:26; Galatin 2:4) Jew inkella setaʼ kien qed iħossu skomdu fiżikament minħabba difett kroniku f’għajnejh. (Galatin 4:15) Kien x’kien il-każ, din ix-‘xewka f’ġismu’ kellha effett li jdgħajjef fuq Pawlu. “Tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni,” kiteb hu. Madankollu, it-talba taʼ Pawlu ma ġietx mismugħa. Ġie spjegat lil Pawlu li l-benefiċċji spiritwali li kien diġà rċieva mingħand Alla, bħalma hi l-qawwa biex ikun jiflaħ jissaporti l-provi, kienu biżżejjed. Barra minn hekk, Alla qal: “Il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.”—2 Korintin 12:8, 9.
X’nitgħallmu mill-eżempji taʼ Eligħeżer u taʼ Pawlu? Alla Jehovah tassew jismaʼ t-talb taʼ dawk li b’umiltà jfittxu li jaqduh. Imma dan ma jfissirx li hu dejjem jilqaʼ t-talbiet tagħhom għaliex Alla jistaʼ jara l-affarijiet iktar fil-bogħod. Hu jaf iktar minna x’inhu l-aħjar għalina. Iktar importanti minn hekk, hu dejjem jaġixxi fi qbil maʼ l-iskop mistqarr tiegħu kif imniżżel fil-Bibbja.
Żmien taʼ Fejqan Spiritwali
Alla jwiegħed li se jfejjaq lill-umanità mill-mard fiżiku, mentali, u emozzjonali kollu matul ir-Renju t’Elf Sena meta Ibnu se jkun qed jaħkem għal fuq l-art. (Apokalissi 20:1-3; 21:3-5) Kristjani sinċieri jistennewh bil-ħerqa dan il-futur imwiegħed, b’fidi sħiħa li Alla għandu l-qawwa li jagħmlu realtà. Waqt li ma jistennewx li fejqan mirakoluż bħal dan iseħħ issa, huma jitolbu lil Alla għall-faraġ u s-saħħa biex ikampaw mal-provi. (Salm 55:23 [55:22, NW]) Meta jimirdu, huma jistgħu wkoll jitolbu għall-gwida t’Alla biex jgħinhom jagħżlu l-aħjar kura medika li jkunu jistgħu jaffordjaw.
Xi reliġjonijiet jinkuraġġixxu lill-morda biex jitolbu ħalli jitfejqu issa, billi jirreferu għall-fejqan mirakoluż imwettaq minn Ġesù u l-appostli tiegħu. Imma dawn il-mirakli qdew skop speċjali. Dawn servew biex jagħtu prova li Ġesù Kristu kien il-Messija veru u biex juru li l-favur t’Alla kien ġie trasferit mill-ġens Lhudi għall-kongregazzjoni Kristjana ġdida. Lura f’dak iż-żmien, kien hemm bżonn taʼ doni mirakolużi biex tissaħħaħ il-fidi tal-kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kemm ġiet stabbilita. Meta l-kongregazzjoni ġdida qamet fuq saqajha, biex ngħidu hekk, u saret matura, id-doni mirakolużi ‘għebu.’—1 Korintin 13:8, 11.
F’dan iż-żmien kruċjali, Alla Jehovah qiegħed jidderieġi lill-adoraturi tiegħu fix-xogħol iktar importanti taʼ fejqan spiritwali. Waqt li għad għandhom iċ-ċans, huwa urġenti li n-nies iwieġbu għal dan l-appell: “Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejjħulu sakemm hu fil-qrib! Ħa jħalli triqtu l-midneb, u l-bniedem il-ħażin fehmietu; ħa jerġaʼ lura għand il-Mulej u jħenn għalih, għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.”—Isaija 55:6, 7.
Il-fejqan spiritwali taʼ midinbin niedma qed jitwettaq permezz taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Billi jagħti l-qawwa lill-qaddejja tiegħu biex iwettqu dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet, Alla Jehovah qed jgħin lil miljuni taʼ nies mill-ġnus kollha biex jindmu minn dnubiethom u jaslu biex ikollhom relazzjoni favorevoli miegħu qabel ma jasal it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. It-talb taʼ dawk kollha li jitolbu b’sinċerità għal fejqan spiritwali bħal dan u taʼ dawk kollha li jitolbu għall-għajnuna biex iwettqu dan ix-xogħol taʼ fejqan qiegħed tabilħaqq jiġi mwieġeb.
[Sors tal-istampa f’paġna 3]
Eligħeżer u Rebekka/The Doré Bible Illustrations/Dover Publications