Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandha l-Bibbja Kodiċi Moħbija?

Għandha l-Bibbja Kodiċi Moħbija?

XI SENTEJN wara l-​qtil tal-​Prim Ministru Iżraeljan Yitzhak Rabin fl-​1995, wieħed ġurnalist sostna li permezz tat-​teknoloġija tal-​kompjuter, hu kien skopra t-​tbassir taʼ din il-​ġrajja moħbi fit-​test oriġinali Ebrajk tal-​Bibbja. Il-​ġurnalist, Michael Drosnin, kiteb li hu kien ipprova jwissi lill-​prim ministru għal iktar minn sena qabel ma ġie assassinat imma kien kollu għalxejn.

Issa ħarġu diversi kotba u artikli oħrajn li jsostnu li din il-​kodiċi moħbija tagħti prova assoluta li l-​Bibbja kienet ispirata minn Alla. Teżisti kodiċi bħal din? Għandha tkun kodiċi moħbija l-​bażi tagħna biex nemmnu li l-​Bibbja kienet ispirata minn Alla?

Idea Ġdida?

L-​idea li hemm kodiċi moħbija fit-​test Bibliku m’hijiex ġdida. Hija konċett ċentrali fil-​Kabala, jew il-​mistiċiżmu tradizzjonali Lhudi. Skond l-​għalliema Kabalistiċi, it-​tifsira sempliċi tat-​test Bibliku m’hijiex it-​tifsira vera tiegħu. Huma jemmnu li Alla uża l-​ittri individwali tat-​test Bibliku Ebrajk bħala simboli, li meta wieħed jifhimhom kif suppost jirrivelaw verità akbar. Skond ma jgħidu huma, kull ittra Ebrajka kif ukoll il-​pożizzjoni tagħha fit-​test Bibliku tqegħdet hemm minn Alla bi skop speċifiku f’moħħu.

Skond Jeffrey Satinover, riċerkatur tal-​kodiċi Biblika, dawn il-​mistiċi Lhud jemmnu li l-​ittri Ebrajċi wżati biex jiġi dokumentat ir-​rakkont tal-​ħolqien f’Ġenesi għandhom qawwa mistika li ma titwemminx. Hu jikteb: “Fil-​qosor, il-​Ġenesi m’huwiex sempliċi deskrizzjoni; huwa l-​istess strument taʼ l-​att tal-​ħolqien innifsu, bluprint fil-​moħħ t’Alla muri f’forma fiżika.”

Fis-seklu 13, wieħed rabbi Kabalista, Bachya ben Asher minn Saragossa, Spanja, kiteb dwar ċertu tagħrif moħbi li ġie rivelat lilu meta qara kull 42 ittra f’porzjon mill-​Ġenesi. Dan il-​metodu taʼ li taqbeż l-​ittri f’sekwenza partikulari biex tipprova tiskopri messaġġi moħbijin huwa l-​bażi għall-​konċett modern taʼ kodiċi Biblika.

Il-​Kompjuters “Jirrivelaw” il-​Kodiċi

Qabel l-​era tal-​kompjuters, l-​abbiltà tal-​bniedem biex jeżamina t-​test Bibliku b’dan il-​mod kienet limitata. Madankollu, f’Awissu taʼ l-​1994, il-​ġurnal Statistical Science ippubblika artiklu li fih Eliyahu Rips u xi riċerkaturi oħrajn mill-​Università Ebrajka taʼ Ġerusalemm għamlu xi stqarrijiet allarmanti. Huma spjegaw li billi neħħew l-​ispazji kollha bejn l-​ittri u wżaw sekwenza taʼ qbiż ekwidistanti bejn l-​ittri fit-​test Ebrajk tal-​Ġenesi, huma kienu skoprew l-​ismijiet taʼ 34 rabbi famuż imniżżlin b’kodiċi fit-​test, flimkien maʼ tagħrif ieħor, bħad-​data tat-​twelid jew tal-​mewt tagħhom, viċin ismijiethom. a Wara li għamlu dan il-​proċess iktar minn darba, ir-​riċerkaturi ppubblikaw il-​konklużjoni tagħhom li t-​tagħrif taħt kodiċi li jinsab fil-​Ġenesi kien statistikament impossibbli li ġie b’kumbinazzjoni—kien prova taʼ tagħrif ispirat u moħbi deliberatament f’forma taʼ kodiċi fil-​Ġenesi eluf taʼ snin ilu.

Waqt li kompla fuq dan il-​metodu, il-​ġurnalist Drosnin għamel ir-​riċerki tiegħu, billi fittex għal tagħrif moħbi fl-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja Ebrajka. Skond Drosnin, hu sab l-​isem taʼ Yitzhak Rabin imniżżel fit-​test Bibliku permezz taʼ sekwenza taʼ kull 4,772 ittra. Bit-​test Bibliku rranġat f’linji taʼ 4,772 ittra kull waħda, hu ra li l-​isem taʼ Rabin (moqri vertikalment) kien jaqsam linja (Dewteronomju 4:​42, miktuba orizzontalment) li Drosnin ittraduċa bħala “assassin li se jassassina.”

Dewteronomju 4:42 fil-​fatt jitkellem dwar wieħed li mingħajr ma jkun irid, joqtol bniedem ieħor. B’hekk, ħafna kkritikaw il-​metodu arbitrarju taʼ Drosnin, billi sostnew li l-​metodi mhux xjentifiċi tiegħu jistgħu jintużaw biex jinstabu messaġġi simili fi kwalunkwe kitba. Imma Drosnin baqaʼ sod, u ħareġ b’din l-​isfida: “Meta l-​kritiċi tiegħi jsibu messaġġ dwar l-​assassinju taʼ xi Prim Ministru moħbi f[in-novella] Moby Dick, nemminhom.”

Prova taʼ Ispirazzjoni?

Il-​Professur Brendan McKay, mid-​Dipartiment tal-​Computer Science fl-​Università Nazzjonali taʼ l-​Awstralja, laqaʼ l-​isfida taʼ Drosnin u għamel riċerki estensivi bil-​kompjuter fit-​test bl-​Ingliż taʼ Moby Dick. b Billi uża l-​istess metodu deskritt minn Drosnin, McKay isostni li sab “tbassir” dwar l-​assassinju taʼ Indira Gandhi, Martin Luther King, Jr., John F. Kennedy, Abraham Lincoln, u oħrajn. Skond McKay, hu skopra li Moby Dick ukoll “ipprofetizza” l-​qtil taʼ Yitzhak Rabin.

Billi rrefera mill-​ġdid għat-​test Ebrajk tal-​Ġenesi, il-​Professur McKay u sħabu sfidaw ukoll ir-​riżultati taʼ l-​esperimenti magħmulin minn Rips u sħabu. L-​akkuża tagħhom kienet li r-​riżultati kellhom iktar x’jaqsmu maʼ kif ir-​riċerkaturi jħarsu lejn il-​kwistjoni u l-​metodu li jużaw milli maʼ xi messaġġ ispirat f’kodiċi—billi l-​informazzjoni tiġi ffittjata skond id-​diskrezzjoni tar-​riċerkaturi. Id-​dibattitu bejn l-​istudjużi fuq dan il-​punt ikompli għaddej.

Kwistjoni oħra tqum meta jsiru stqarrijiet li dawn il-​messaġġi f’kodiċi ġew moħbijin apposta fit-​test “magħruf” jew “oriġinali” Ebrajk. Rips u r-​riċerkaturi sħabu jgħidu li fit-​tfittxija tagħhom huma wżaw “l-​iktar test tal-​Ġenesi li hu magħruf u aċċettat b’mod ġenerali.” Drosnin jikteb: “Il-​Bibbji kollha li jeżistu llum fil-​lingwa oriġinali Ebrajka jaqblu sa l-​inqas ittra.” Imma huwa veru dan? Illum, flok test “magħruf” wieħed, jintużaw diversi edizzjonijiet tal-​Bibbja bl-​Ebrajk ibbażati fuq manuskritti antiki differenti. Waqt li l-​messaġġ tal-​Bibbja jibqaʼ l-​istess, il-​manuskritti individwali m’humiex identiċi ittra b’ittra.

Ħafna traduzzjonijiet illum huma bbażati fuq il-​Manuskritt taʼ Leningrad—l-​eqdem manuskritt Masoretiku Ebrajk komplet—li kien kopjat madwar is-​sena 1000 E.K. Imma Rips u Drosnin użaw test differenti, jiġifieri l-​Koren. Shlomo Sternberg, rabbi Ortodoss u mgħallem fil-​matematika fl-​Università taʼ Harvard, jispjega li l-​Manuskritt taʼ Leningrad “meta mqabbel maʼ l-​edizzjoni tal-​Koren użata minn Drosnin għandu minn taʼ l-​inqas differenza taʼ 41 ittra f’Dewteronomju biss.” Ir-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet jinkludu porzjonijiet mill-​Bibbja li kienu kopjati ’l fuq minn 2,000 sena ilu. Il-​mod kif inhu spellut il-​kliem f’dawn ir-​rombli taʼ sikwit huwa differenti konsiderevolment minn dak taʼ testi Masoretiċi li ġew wara. F’xi rombli, ċerti ittri kienu miżjudin b’mod abbundanti biex jindikaw il-​ħsejjes tal-​vokali, ladarba ma kinux għadhom ġew ivvintati s-​simboli li juru li hemm vokali. F’rombli oħrajn, ġew użati inqas ittri. Meta tqabbel il-​manuskritti kollha tal-​Bibbja li jeżistu tara li t-​tifsira tat-​test Bibliku tibqaʼ l-​istess. Madankollu, jidher ċar ukoll li n-​numru taʼ ittri u l-​mod taʼ kif inhu spellut il-​kliem ivarjaw minn test għal ieħor.

It-tfittxija għal dak li suppost hu messaġġ moħbi tiddependi fuq test li assolutament jibqaʼ l-​istess. Bidla f’ittra waħda tistaʼ tgħawweġ is-​sekwenza—u l-​messaġġ jekk hemm wieħed. Alla ppreserva l-​messaġġ tiegħu fil-​Bibbja. Imma hu ma ppreservax kull ittra biex tibqaʼ kif inhi, bħallikieku kien ossessjonat b’affarijiet taʼ ftit importanza, bħalma hi l-​bidla matul is-​sekli fil-​mod kif tispelli kelma. Ma jindikax dan li Alla ma ħeba l-​ebda messaġġ fil-​Bibbja?—Isaija 40:8; 1 Pietru 1:​24, 25.

Għandna Bżonn Kodiċi Moħbija fil-​Bibbja?

L-​appostlu Pawlu kiteb b’mod ċar ħafna li “l-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.” (2 Timotju 3:​16, 17) Il-​messaġġ ċar u dirett li nsibu fil-​Bibbja m’huwiex tqil ħafna biex nifhmuh jew napplikawh, imma ħafna nies jagħżlu li jinjorawh. (Dewteronomju 30:​11-14) Il-​profeziji li huma preżentati fil-​Bibbja b’mod miftuħ jagħtunabażi solida biex nemmnu li din ġiet ispirata. c B’kuntrast maʼ xi kodiċi moħbija, il-​profeziji tal-​Bibbja la huma arbitrarji u lanqas ma ‘jitfissru minn ras’ dak li jkun.—2 Pietru 1:​19-21.

L-appostlu Pietru kiteb li ma kienx bi “ħrejjef maħluqa minn moħħna [“ivvintati b’mod artifiċjali,” NW] meta għarrafnielkom dwar il-​qawwa taʼ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-​miġja tiegħu.” (2 Pietru 1:16) Il-​konċett taʼ kodiċi tal-​Bibbja għandu l-​għeruq tiegħu fil-​mistiċiżmu Lhudi, bl-​użu taʼ metodi ‘vvintati b’mod artifiċjali’ li joskuraw u jgħawġu t-​tifsira sempliċi tat-​test ispirat tal-​Bibbja. L-​Iskrittura Ebrajka nfisha kkundannat ċar u tond tattika mistika bħal din.—Dewteronomju 13:​2-6 [13:​1-5, NW]; 18:​9-13.

Kemm aħna ferħanin li għandna l-​messaġġ u l-​istruzzjoni ċari tal-​Bibbja, li jistgħu jgħinuna nsiru nafu lil Alla! Dan huwa ferm aħjar milli noqogħdu nipprovaw nitgħallmu dwar il-​Ħallieq tagħna billi nfittxu għal messaġġi moħbijin, il-​frott taʼ interpretazzjoni persunali u immaġinazzjoni megħjuna mill-​kompjuter.—Mattew 7:​24, 25.

[Noti taʼ taħt]

a Fl-Ebrajk, il-​valuri numeriċi jistgħu jiġu rappreżentati wkoll bl-​ittri. Għalhekk, fit-​test Ebrajk, dawn id-​dati kienu determinati b’ittri minflok b’numri.

b L-Ebrajk huwa lingwa mingħajr ittri għall-​vokali. Il-​vokali jiġu mdaħħlin mill-​qarrej skond il-​kuntest. Jekk il-​kuntest jiġi injorat, it-​tifsira taʼ kelma tistaʼ tinbidel kompletament billi jidħlu ħsejjes taʼ vokali differenti. L-​Ingliż għandu ittri fissi għall-​vokali, u b’hekk tfittxija bħal din għall-​kliem issir ferm iżjed diffiċli u limitata.

c Għal iktar tagħrif dwar l-​ispirazzjoni tal-​Bibbja u l-​profeziji tagħha, ara l-​browxer Ktieb għan-​Nies Kollha, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.