Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Bżonn Kbir għall-Faraġ!

Bżonn Kbir għall-Faraġ!

“Rajt il-​maħqurin jibku bla ma għandhom min ifarraġhom; rajt il-​qawwa li biha jaħqruhom u li ma hemmx min ifarraġhom.”​—KOĦÈLET 4:1.

Għandek bżonn il-​faraġ? Imxennaq int għal ftit konsolazzjoni biex tegħleb l-​aspetti koroh tad-​disperazzjoni? Tixtieq daqsxejn faraġ biex idderri ftit minn ħajja mħassra b’sofferenza kbira u esperjenzi xejn pjaċevoli?

Xi darba jew oħra, ilkoll ikollna bżonn kbir taʼ faraġ u inkuraġġiment. Dan jiġri minħabba l-​fatt li l-​ħajja tant hi mimlija b’affarijiet li jnikktuna. Ilkoll neħtieġu li nħossuna protetti, milqugħin, u maħbubin. Xi wħud minna kibru fl-​età u m’humiex ferħanin dwar dan. Oħrajn jinsabu diżappuntati ferm li fil-​ħajja ma kellhomx is-​suċċess li xtaqu huma. Filwaqt li oħrajn huma xxokkjati minħabba xi riżultat li rċivew minn xi laboratorju patoloġiku.

Iktar minn hekk, fil-​biċċa l-​kbira kulħadd jaqbel li l-​ġrajjiet taʼ żmienna ħolqu bżonn kbir għal faraġ u tama. Matul is-​seklu li għadda biss, iktar minn mitt miljun ruħ mietu fil-​gwerer. a Kważi lkoll ħallew warajhom familja mnikkta—ommijiet u missirijiet, aħwa bniet u subien, romol u orfni—bi bżonn kbir għall-​faraġ. Illum, ’il fuq minn mitt miljun ruħ jgħixu f’faqar estrem. Nofs il-​popolazzjoni tad-​dinja m’għandhiex aċċess regulari għal kura medika u mediċini essenzjali. Fit-​toroq taʼ bliet kbar fejn hemm ħafna tinġis, issib jiġġerrew miljuni taʼ tfal abbandunati, li ħafna minnhom jieħdu d-​drogi u jipprattikaw il-​prostituzzjoni. Miljuni taʼ refuġjati qegħdin jinfnew f’kampijiet orribbli.

Madankollu, in-numri—ikunu kemm ikunu impressjonanti—ma jindikawx l-​uġigħ u n-​niket li qed jesperjenzaw xi wħud fil-​ħajja persunali tagħhom. Ikkunsidra, per eżempju, lil Svetlana, żagħżugħa mill-​Balkani li twieldet f’faqar totali. b “Sabiex naqlaʼ l-​flus,” hi tgħid, “il-​ġenituri tiegħi kienu jibagħtuni nittallab jew nisraq. Il-​ħajja tal-​familja ddeterjorat sal-​punt li sirt vittma taʼ l-​inċest. Sibt xogħol bħala waitress, u ommi li kienet tirċievi l-​flus li kont naqlaʼ, kienet tgħidli li jekk xi darba nitlef xogħli, toqtol ruħha b’idejha. Dan kollu wassalni għal ħajja taʼ prostituzzjoni. Kelli biss 13-il sena. Maż-​żmien, ħriġt tqila u għamilt abort. Meta kelli 15-il sena, kont nidher qisni waħda taʼ 30 sena.”

Laimonis, żagħżugħ mil-​Latvia, jgħid dwar il-​bżonn taʼ faraġ u dwar il-​memorji koroh li ġagħluh isir malinkoniku. Meta kellu 29 sena, kellu inċident bil-​karozza li ħallieh paralizzat minn qaddu ’l isfel. Ħassu kompletament bla tama u taha għax-​xorb. Ħames snin wara kien f’qagħda ħażina għall-​aħħar—alkoħoliku paralizzat mingħajr ebda tama għall-​futur. Minfejn setaʼ jikseb il-​faraġ?

Jew aħseb dwar Angie. Żewġha għamel tliet operazzjonijiet f’moħħu li għall-​ewwel kienu ħallewh nofsu paralizzat. Imbagħad, ħames snin wara l-​aħħar operazzjoni, kellu inċident verament gravi, wieħed li setaʼ swielu ħajtu. Hekk kif martu daħlet fl-​emerġenza u rat lil żewġha mixħut f’koma wara li sofra ġrieħi serji ħafna f’rasu, kienet taf li ġejja xi traġedja. Il-​futur tagħha u tal-​familja tagħha kien se jkun wieħed diffiċli. Kif setgħet issib appoġġ u inkuraġġiment?

Ftit tas-​snin ilu, jum xitwi deher li beda normali għal Pat. Madankollu, it-​tlett ijiem taʼ wara ġew kanċellati minn moħħha. Iktar tard żewġha qalilha li wara li ħasset uġigħ kbir f’sidirha, taha attakk tal-​qalb. Qalbha bdiet tħabbat mgħaġġel ħafna u b’mod irregolari, u mbagħad waqfet taħdem kompletament. Nifisha waqaf ukoll. “Attwalment kont klinikament mejta,” tgħid Pat. Imma b’xi mod jew ieħor salvat. Dwar iż-​żmien kollu li damet l-​isptar, hi tgħid: “Bdejt nibżaʼ mill-​ħafna testijiet li bdew jagħmluli, speċjalment meta pprovaw iġagħlu lil qalbi taħdem u tieqaf, kif fil-​fatt kien ġara fil-​bidu.” Min setaʼ jagħtiha l-​faraġ u s-​serħan li kellha bżonn matul dak iż-​żmien kritiku?

Joe u Rebecca tilfu lil binhom li kellu 19-il sena f’inċident tat-​traffiku. “Qatt ma kellna niffaċċjaw xi ħaġa daqshekk devastanti,” huma jgħidu. “Għalkemm fil-​passat, aħna tnikkitna m’oħrajn minħabba xi telfa li esperjenzaw, ma konniex inħossu tassew l-​uġigħ kbir taʼ qalb li qed inħossu issa.” X’jistaʼ jtaffi “l-​uġigħ kbir taʼ qalb” bħal dan—in-​niket tremend li tħoss meta titlef lil xi ħadd li tassew tgħożż?

Dawn l-​individwi kollha, u miljuni oħra, tabilħaqq sabu sors taʼ faraġ u konsolazzjoni li jisboq. Biex tara kif int ukoll tistaʼ tibbenefika minn dan is-​sors, jekk jogħġbok kompli aqra.

[Noti taʼ taħt]

a In-numru eżatt taʼ suldati u pajżana li mietu ma nafuhx. Per eżempju, il-​ktieb Facts About the American Wars taʼ l-​1998 jinnota dan dwar it-​Tieni Gwerra Dinjija biss: “Il-​biċċa l-​kbira tas-​sorsi jgħidu li b’kollox mietu 50 miljun ruħ fit-​Tieni Gwerra Dinjija (militari u pajżana), imma ħafna li studjaw is-​suġġett bir-​reqqa jaħsbu li l-​figura iktar eżatta hi ogħla—sad-​doppju taʼ dak in-​numru.”

b L-isem ġie mibdul.

[Sorsi taʼ l-​istampi f’paġna 3]

UNITED NATIONS/PHOTO BY J. K. ISAAC

UN PHOTO 146150 BY O. MONSEN