Id-Dinja l-Ġdida—Int Se Tkun Hemm?
“Għall-bnedmin m’hemmx aħjar milli jkunu ferħana u jgawdu ġidhom f’ħajjithom. Għax li wieħed jiekol u jixrob u jduq mill-frott taʼ xogħlu, dan ukoll hu don taʼ Alla.”—KOĦÈLET 3:12, 13.
1. Għala nistgħu nħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu?
ĦAFNA nies jaħsbu li Alla li Jistaʼ Kollox hu aħrax u sever. Madankollu, is-silta t’hawn fuq hija verità li ssibha fil-Kelma mnebbħa tiegħu. Din taqbel mal-fatt li hu Alla hieni u li poġġa lill-ewwel ġenituri tagħna f’ġenna taʼ l-art. (1 Timotju 1:11; Ġenesi 2:7-9) Meta nfittxu dehen dwar il-futur li Alla jwiegħed għall-poplu tiegħu, m’għandniex niskantaw jekk nitgħallmu dwar kundizzjonijiet li se jġibulna tgawdija dejjiema.
2. Liema huma xi affarijiet li int tħares ’il quddiem lejhom?
2 Fl-artiklu taʼ qabel, eżaminajna tlieta mill-erbaʼ postijiet fil-Bibbja fejn din tbassar “smewwiet ġodda u art ġdida.” (Isaija 65:17) Waħda minn dawn it-tbassiriet taʼ min joqgħod fuqhom insibuha f’Apokalissi 21:1. Il-versi taʼ wara jitkellmu dwar iż-żmien meta Alla li Jistaʼ Kollox se jbiddel drastikament il-kundizzjonijiet taʼ fuq l-art għall-aħjar. Hu se jixxotta d-dmugħ kaġunat min-niket. In-nies qatt iżjed ma se jmutu bix-xjuħija, bil-mard, jew bid-diżgrazzji. In-niket, l-għajat, u l-uġigħ se jispiċċaw. Xi prospett meraviljuż! Imma kif nistgħu nkunu żguri li dan se jseħħ, u dan il-prospett x’impatt jistaʼ jkollu fuqna minn issa stess?
Raġunijiet għal Fiduċja
3. Għala nistgħu nafdaw fil-wegħdi tal-Bibbja dwar il-futur?
3 Innota kif jissokta Apokalissi 21:5. Jikkwota lil Alla, bil-qegħda fuq it-tron tiegħu fis-sema, bħala li qed jiddikjara: “Ara, se nġedded kollox.” Din il-wegħda divina hija aħjar minn kwalunkwe dikjarazzjoni nazzjonali taʼ indipendenza, kwalunkwe stqarrija moderna taʼ drittijiet, jew kwalunkwe ambizzjoni umana għall-futur. Din hija dikjarazzjoni assolutament taʼ min joqgħod fuqha mingħand Dak li l-Bibbja tgħid li “ma jigdibx.” (Titu 1:2) Bir-raġun forsi tħoss li nistgħu nieqfu hawn u noqogħdu sempliċement nitpaxxew b’dan il-prospett mill-isbaħ, u nafdaw f’Alla. Imma m’hemmx għalfejn nieqfu. Hemm ħafna iżjed x’nitgħallmu dwar il-futur tagħna.
4, 5. Liema profeziji fil-Bibbja li diġà kkunsidrajna jistgħu jżidu l-fiduċja tagħna f’dak li ġej?
4 Irrifletti dwar dak li stabbilixxa l-artiklu taʼ qabel inkwantu għall-wegħdi tal-Bibbja dwar smewwiet ġodda u art ġdida. Isaija bassar sistema ġdida bħal din, u l-profezija tiegħu kellha twettiq wieħed meta l-Lhud irritornaw lejn art twelidhom u stabbilew mill-ġdid il-qima vera. (Esdra 1:1-3; 2:1, 2; 3:12, 13) Madankollu, dan biss riedet tindika l-profezija taʼ Isaija? Ċertament li le! L-affarijiet li bassar kellhom jitwettqu b’mod iktar grandjuż fil-futur imbiegħed. Għala naslu għal din il-konklużjoni? Minħabba dak li qrajna fit-2 Pietru 3:13 u Apokalissi 21:1-5. Dawn is-siltiet jiġbdulna l-attenzjoni lejn smewwiet ġodda u art ġdida li l-Kristjani se jibbenefikaw minnhom fuq skala globali.
5 Bħalma nnotajna qabel, il-Bibbja tuża l-frażi “smewwiet ġodda u art ġdida” erbaʼ darbiet. Aħna s’issa kkunsidrajna tlieta minnhom u wasalna għal konklużjonijiet inkuraġġanti. Il-Bibbja tbassar b’enfasi li Alla se jelimina l-ħażen u l-affarijiet oħrajn li jikkaġunaw is-sofferenza u li mbagħad se jkompli jbierek lill-bnedmin fis-sistema l-ġdida li wiegħed.
6. Xi tbassar ir-rabaʼ profezija li ssemmi “smewwiet ġodda u art ġdida”?
6 Ejja neżaminaw issa s-silta li baqaʼ fejn tidher din l-espressjoni “smewwiet ġodda u art ġdida,” f’Isaija 66:22-24: “‘Bħalma jibqgħu quddiemi s-smewwiet ġodda, u l-art ġdida li jiena nagħmel,’ jgħid il-Mulej, ‘hekk jibqaʼ nisilkom u isimkom. U jiġri li minn xahar għal xahar, u minn Sibt għal Sibt, kulħadd jiġi jinxteħet quddiemi,’ jgħid il-Mulej. ‘U meta joħorġu, jaraw l-iġsma tan-nies li xxewwxu kontrija. Id-dud tagħhom ma jmutx, lanqas jintefa n-nar tagħhom, u kulħadd jistmellhom.’”
7. Għala għandna nikkonkludu li Isaija 66:22-24 se jkollu twettiq fiż-żmien li ġej?
7 Din il-profezija kienet tapplika għal-Lhud li kienu stabbiliti mill-ġdid f’arthom, imma kellu jkun hemm twettiq ieħor. Dan bilfors li kellu jseħħ ħafna snin wara li nkitbu t-tieni ittra taʼ Pietru u l-ktieb taʼ l-Apokalissi, ladarba dawn indikaw li kellu jkun hemm ‘sema ġdid u art ġdida’ fil-futur. Nistgħu nħarsu lejn dan it-twettiq grandjuż u komplet fis-sistema l-ġdida. Ikkunsidra xi wħud mill-kundizzjonijiet li nistgħu nistennew li se ngawdu.
8, 9. (a) Il-poplu t’Alla f’liema sens ‘jibqaʼ quddiemu’? (b) X’inhu s-sinjifikat tal-profezija li l-qaddejja taʼ Jehovah se jqimuh “minn xahar għal xahar, u minn Sibt għal Sibt”?
8 Apokalissi 21:4 indika li l-mewt mhix se tkun iżjed. Is-silta f’kapitlu 66 taʼ Isaija taqbel maʼ dan. Nistgħu naraw minn vers 22 li Jehovah jaf li s-smewwiet ġodda u l-art ġdida mhux se jkunu temporanji, taʼ tul taʼ żmien limitat. Barra minn hekk, in-nies tiegħu se jibqgħu jissaportu; se ‘jibqgħu quddiemu.’ Dak li Alla għamel diġà għall-poplu magħżul tiegħu jagħtina raġuni biex ikollna fiduċja. Il-Kristjani veri ffaċċjaw persekuzzjoni ħarxa, u saħansitra saru sforzi fanatiċi biex jeqirduhom. (Ġwann 16:2; Atti 8:1) Madankollu, anki għedewwa b’saħħithom ferm tal-poplu t’Alla, bħalma kienu l-Imperatur Ruman Neruni u Adolf Hitler, ma kellhomx il-ħila jeqirdu lil dawk leali lejn Jehovah, li jġorru ismu. Alla pproteġieha l-kongregazzjoni tal-poplu tiegħu, u nistgħu nkunu ċerti li jistaʼ jibqaʼ jżommha wieqfa għal dejjem.
9 B’mod simili, dawk li huma leali lejn Alla bħala parti mill-art ġdida, is-soċjetà t’adoraturi veri fid-dinja l-ġdida, se jibqgħu weqfin bħala individwi għaliex se jkunu qed jagħtu qima safja lill-Ħallieq taʼ kollox u kulħadd. Din mhix se tkun qima taʼ kultant u kif ġie ġie. Il-Liġi t’Alla, provduta lil Iżrael permezz taʼ Mosè, kienet tesiġi ċerti atti taʼ qima kull xahar, kif immarkat mill-qamar ġdid, u kull ġimgħa, kif immarkata minn jum is-Sabat. (Levitiku 24:5-9; Numri 10:10; 28:9, 10; 2 Kronaki 2:4) Mela Isaija 66:23 jindika qima regulari u kontinwa lil Alla, ġimgħa wara ġimgħa u xahar wara xahar. L-ateiżmu u l-ipokresija reliġjuża mhux se jkunu jeżistu f’dak iż-żmien. “Kulħadd jiġi jinxteħet” quddiem Jehovah.
10. Għala tistaʼ tkun fiduċjuż li d-dinja l-ġdida mhux se tkun imħassra mill-ħżiena għal dejjem?
10 Isaija 66:24 jiżgurana li l-paċi u t-tjieba taʼ l-art l-ġdida qatt ma se jkunu fil-periklu. Nies mill-agħar mhux se jirvinawha. Ftakar li t-2 Pietru 3:7 jgħid li għandna quddiemna “jum il-ġudizzju, li jkun jum it-telfien tal-ħżiena.” Dawk li se jiġu fi tmiemhom huma dawk li jiċħdu ’l Alla. Mhux se ssir ħsara lill-innoċenti, bħalma jiġri spiss fil-gwerer tal-bniedem, fejn ikun hemm iktar pajżana li jiġu feruti jew maqtula milli jkun hemm suldati. L-Imħallef il-Kbir jiggarantilna li l-jum tiegħu se jġib il-qerda tal-ħżiena.
11. Isaija x’juri li se jkun il-futur għal dawk li jduru kontra Alla u l-qima tiegħu?
11 It-twajbin li jibqgħu ħajjin se jaraw li l-kelma profetika t’Alla hija vera. Vers 24 ibassar li l-“iġsma tan-nies li xxewwxu” kontra Jehovah se jkunu prova tal-ġudizzju tiegħu. Il-lingwaġġ grafiku wżat minn Isaija jistaʼ jidher pjuttost taʼ tkexkix. Madankollu, dan hu konsistenti maʼ fatt storiku. Barra s-swar taʼ Ġerusalemm tal-qedem kien hemm postijiet fejn kien jintrema l-iskart u fejn, xi drabi, kienu jintefgħu wkoll l-iġsma taʼ kriminali maqtulin li jkunu ġew ġudikati bħala li ma tixirqilhomx difna diċenti. a Id-dud u n-nar jaqbad hemmhekk malajr kienu jeliminaw kemm l-iskart u kemm lil dawn l-iġsma. Evidentement, Isaija għamel użu minn dan il-lingwaġġ figurattiv biex jagħti stampa taʼ kemm hu aħħari l-ġudizzju taʼ Jehovah fuq dawk li jiksru l-liġi tiegħu.
Dak li Wiegħed
12. Isaija liema indikazzjonijiet oħrajn jagħti rigward il-ħajja fid-dinja l-ġdida?
12 Apokalissi 21:4 jgħidilna dwar xi affarijiet li mhux se jeżistu fis-sistema ġdida li ġejja. Madankollu, x’se jkun jeżisti f’dak iż-żmien? Il-ħajja kif se tkun? Jistaʼ jkollna xi ħjiel taʼ min jorbot fuqu? Iva. Isaija kapitlu 65 jiddeskrivi profetikament il-kundizzjonijiet li se ngawdu jekk ikollna l-approvazzjoni taʼ Jehovah biex ngħixu meta hu joħloq, fis-sens finali, dawn is-smewwiet ġodda u art ġdida. Dawk li jitbierku b’post dejjiemi fl-art ġdida mhux se jixjieħu u mbagħad ikollhom imutu. Isaija 65:20 jiżgurana: “Ma jkunx hemm iżjed fiha tarbija li tgħix ftit jiem, lanqas xiħ li ma jimteliex bl-għomor. Għax iż-żagħżugħ imut taʼ mitt sena, u taʼ mitt sena jkun il-midneb meta jieħu l-kastig.”
13. Isaija 65:20 kif jiżgurana li l-poplu t’Alla se jgawdi s-sigurtà?
13 Meta dan twettaq għall-ewwel darba fuq il-poplu taʼ Isaija, kien ifisser li t-trabi fil-pajjiż kienu fis-sigurtà. Ma kinux ġejjin għedewwa, bħalma għamlu darba l-Babiloniżi, biex ikaxkru magħhom lit-trabi tal-ħalib jew biex jeqirdu rġiel fil-fjur taʼ ħajjithom. (2 Kronaki 36:17, 20) Fid-dinja l-ġdida li ġejja, in-nies se jkunu salvi, se jkunu jgħixu fis-sigurtà, u se jkunu jistgħu jgawdu ħajjithom. Jekk wieħed jagħżel li jirribella kontra Alla, mhux se jitħalla jkompli jgħix. Alla se jneħħih min-nofs. Xi ngħidu jekk il-midneb ribelluż ikollu mitt sena? Dan se jmut qisu għadu “żagħżugħ” meta tqabblu mal-ħajja bla tmiem li jkun tilef.—1 Timotju 1:19, 20; 2 Timotju 2:16-19.
14, 15. Fuq il-bażi taʼ Isaija 65:21, 22, int tistaʼ tħares ’il quddiem lejn liema attivitajiet taʼ barka?
14 Minflok ma joqgħod jiddiskuti kif jistaʼ jitneħħa min-nofs wieħed midneb stinat, Isaija jiddeskrivi l-kundizzjonijiet t’għajxien li se jkun hemm fid-dinja l-ġdida. Ipprova immaġina lilek innifsek f’dik ix-xena. Forsi l-ewwel ma jiġuk f’moħħok huma affarijiet li jeffettwawk mill-qrib. Isaija jittratta dan fil-versi 21 u 22: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor; għax il-poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-siġar, u l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom.”
15 Jekk għad m’għandekx esperjenza fil-bini jew qatt m’għamiltha taʼ ġardinar, il-profezija taʼ Isaija tissuġġerixxi li hemm kors taʼ tagħlim jistenniek. Iżda, tkun lest li titgħallem bl-għajnuna taʼ mgħallmin kapaċi, forsi ġirien qalbhom tajba li bil-ferħ lesti li jagħtuk daqqa t’id? Isaija ma jgħidx jekk darek ikollhiex twieqi kbar bla ħġieġ u bil-persjani, sabiex tkun tistaʼ tgawdi ż-żiffa tropikali, jew twieqi magħluqin bil-ħġieġ li minnhom tkun tistaʼ tosserva staġun wara l-ieħor. Se tiddisinnja darek b’saqaf imżerżaq biex ma jżommx xita u borra? Jew il-klima lokali se tiffavorixxi bejt—bħal xi wieħed minn dawk li hemm fil-Lvant Nofsani—li fuqu tistaʼ tinġabar mal-familja tiegħek biex tieklu xi ikla tajba u tgħidu xi kelma?—Dewteronomju 22:8; Neħemija 8:16.
16. Għala tistaʼ tistenna li d-dinja l-ġdida tibqaʼ tagħti sodisfazzjon għal dejjem?
16 Huwa iktar importanti għalik li tkun taf li se jkollok ir-residenza tiegħek stess milli li tkun taf id-dettalji. Se tkun tiegħek—mhux bħalma jiġri llum fejn forsi tbati biex tibni dar imma mbagħad igawdiha ħaddieħor. Isaija 65:21 jgħid ukoll li int se tħawwel u tiekol mill-frott taʼ xogħlok. B’mod ċar, dan jiġbor fil-qosor is-sitwazzjoni ġenerali. Se jkollok sodisfazzjon profond mill-isforzi li tagħmel, mill-frott taʼ ħidmietek. U dan se tkun tistaʼ tagħmlu matul ħajja twila—“daqs kemm jgħixu s-siġar.” Kemm verament jaqbel mad-deskrizzjoni ‘kollox isir ġdid’!—Salm 92:13-15 [92:12-14, NW].
17. Il-ġenituri liema wegħda se jsibuha inkuraġġanti b’mod speċjali?
17 Jekk int għandek it-tfal, dan il-kliem se jmisslek qalbek: “Ma jitħabtux għal xejn u ma jildux tfal biex jinqerdu ħesrem, għax ikunu nisel imbierek mill-Mulej, u hekk ukoll uliedhom. Qabel ma jsejjħuli, nwieġeb; nismagħhom, meta għadhom ikellmuni.” (Isaija 65:23, 24) Ġarrabt int l-uġigħ li jiġi meta ‘twelled tfal għall-inkwiet’? M’għandniex għalfejn nagħmlu lista tal-problemi li jistaʼ jkollhom it-tfal u li jġibu inkwiet lill-ġenituri u lil oħrajn. Maʼ dan, ilkoll kemm aħna osservajna ġenituri li tant huma preokkupati bil-karrieri, bl-attivitajiet, jew bil-pjaċiri tagħhom infushom li ftit li xejn ikollhom ħin għal uliedhom. F’kuntrast maʼ dan, Jehovah jiżgurana li hu se jismagħna u jwieġeb għall-ħtiġijiet tagħna, saħansitra qabel ma nitolbuh aħna għalihom.
18. Għala tistaʼ tistenna li tgawdihom l-annimali fid-dinja l-ġdida?
18 Waqt li tkun qed taħseb dwar dak li tistaʼ tgawdi fid-dinja l-ġdida, ġib quddiem għajnejk ix-xena li l-kelma profetika t’Alla tifrex quddiemek: “‘Il-lupu u l-ħaruf jirgħu flimkien, l-iljun, bħall-barri, jiekol it-tiben, u t-trab ikun ikel is-serp. Ma jagħmlux deni u lanqas ħsara fuq l-għolja mqaddsa tiegħi kollha,’ jgħid il-Mulej.” (Isaija 65:25) Xi pitturi pprovaw ipinġuha din ix-xena, imma din m’hijiex xi sempliċi deskrizzjoni immaġinarja li tistaʼ taraha biss fil-pittura. Din se tkun realtà. Il-paċi se tkun tirrenja fost il-bnedmin u dawn se jkollhom bl-istess mod paċi maʼ l-annimali. Ħafna bijoloġi u wħud li jħobbu l-annimali jqattgħu l-aħjar żmien taʼ ħajjithom jitgħallmu dwar ftit tipi t’annimali, jew forsi dwar xi speċi jew xi razza waħda biss. F’kuntrast maʼ dan, aħseb ftit x’se tkun tistaʼ titgħallem meta l-annimali ma jkunux maħkumin mill-biżaʼ mill-bniedem. Imbagħad se tkun tistaʼ anki tersaq qrib l-għasafar u l-ħlejjaq ċkejknin li jabitaw fil-foresti jew fil-ġungla—iva, tosservahom, titgħallem minnhom, u tgawdihom. (Ġob 12:7-9) U dan se tkun tistaʼ tagħmlu fis-sigurtà, mingħajr periklu, la mill-bnedmin u lanqas mill-annimali. Jehovah jgħid: “Ma jagħmlux deni u lanqas ħsara fuq l-għolja mqaddsa tiegħi kollha.” X’bidla minn dak li naraw u nesperjenzaw illum se tkun din!
19, 20. In-nies t’Alla għala huma differenti ħafna mill-biċċa l-kbira tan-nies illum?
19 Bħalma ssemma qabel, il-bnedmin ma jistgħux ibassru l-futur b’eżattezza, minkejja li kullimkien hemm ansjetà kbira dwar il-millennju l-ġdid. Dan lil ħafna jħallihom frustrati, konfużi, jew iddisprati. Peter Emberley, direttur f’università Kanadiża, kiteb: “Ħafna [adulti] qegħdin finalment iħabbtu wiċċhom maʼ mistoqsijiet bażiċi dwar l-eżistenza. Min jien? Għalxiex qiegħed verament nistinka? X’se nħallilha lill-ġenerazzjoni taʼ warajja? Dawk taʼ mezz’età qegħdin jissieltu biex jiksbu l-ordni u s-sinjifikat f’ħajjithom.”
20 Tistaʼ tifhem għala ħafna nies iħossuhom hekk. Għandhom mnejn ifittxu li jgawdu l-ħajja permezz taʼ passatempi jew għamliet eċċitanti taʼ rikreazzjoni. Madankollu, ma jafux x’ġej fil-futur, u għalhekk ħajjithom forsi ma fihiex sinjifikat, ordni, jew tifsir veru. Issa qabbel dan mal-ħarsa tiegħek, meta tqis dak li kkunsidrajna flimkien. Int taf li fis-smewwiet ġodda u l-art ġdida mwegħdin minn Jehovah se nkunu nistgħu nħarsu madwarna u ngħidu minn qiegħ qalbna, ‘Verament, Alla għamel kollox ġdid!’ Kemm se nieħdu gost b’dan!
21. Liema element komuni nsibu f’Isaija 65:25 u Isaija 11:9?
21 M’hijiex prużunzjoni li timmaġina l-ħajja fid-dinja l-ġdida t’Alla. Hu jistidinna, saħansitra jħeġġiġna, biex inqimuh bil-verità issa u biex nikkwalifikaw ħalli ngħixu meta ‘ma jagħmlux deni u lanqas ħsara fuq l-għolja mqaddsa tiegħu kollha.’ (Isaija 65:25) Iżda, kont taf li iktar kmieni Isaija għamel kumment simili u li inkluda fattur li huwa kruċjali għalina biex verament ingawdu d-dinja l-ġdida? Isaija 11:9 jgħid: “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”
22. Il-fatt li kkunsidrajna erbaʼ profeziji mill-Bibbja għandu jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nagħmlu liema ħaġa?
22 L-“għarfien tal-Mulej.” Meta Alla jagħmel kollox ġdid, l-abitanti taʼ l-art se jkollhom għarfien eżatt dwaru u dwar ir-rieda tiegħu. Dan se jinvolvi ferm iktar milli nitgħallmu mill-annimali. Hemm involuta l-Kelma mnebbħa tiegħu. Per eżempju, irrifletti ftit dwar kemm tgħallimna billi eżaminajna biss erbaʼ profeziji li jsemmu “smewwiet ġodda u art ġdida.” (Isaija 65:17; 66:22; 2 Pietru 3:13; Apokalissi 21:1) Għandek raġuni tajba għalxiex taqra l-Bibbja kuljum. Huwa dan parti mir-rutina tiegħek? Jekk le, x’aġġustamenti tistaʼ tagħmel sabiex kuljum taqra ftit minn dak li Alla għandu x’jgħidilna? Se ssib li, minbarra li tħares ’il quddiem biex tgawdi d-dinja l-ġdida, se tirċievi iktar tgawdija issa stess, bħalma rċieva s-salmista.—Salm 1:1, 2.
[Nota taʼ taħt]
a Ara Insight on the Scriptures, l-1 Volum, paġna 906, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Int kif Twieġeb?
• Għala nistgħu nikkonkludu li Isaija 66:22-24 ibassar dak li għadu ġej fil-futur?
• B’mod speċjali lejn liema ħaġa tħares ’il quddiem fost l-affarijiet li ssemmew fil-profeziji f’Isaija 66:22-24 u Isaija 65:20-25?
• Liema raġunijiet għandek biex tkun fiduċjuż dwar il-futur?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 15]
Isaija, Pietru, u Ġwanni bassru xi fatturi dwar is-“smewwiet ġodda u art ġdida”