Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ikseb il-Faraġ mill-Qawwa taʼ Jehovah

Ikseb il-Faraġ mill-Qawwa taʼ Jehovah

“Meta joktor l-​hemm ġo qalbi, il-​faraġ tiegħek hennieli ruħi.”​—SALM 94:19.

GĦAL dawk kollha li jixxennqu għall-​konsolazzjoni, il-​Bibbja għandha kliem taʼ faraġ. Mhux taʼ b’xejn, mela, li The World Book Encyclopedia tgħid li “għadd kbir taʼ nies daru lejn il-​Bibbja għall-​faraġ, tama, u gwida matul żminijiet taʼ inkwiet u inċertezzi.” Għala?

Għax il-​Bibbja hija mnebbħa mill-​Ħallieq tagħna kollu mħabba, “Alla taʼ kull faraġ,” il-​Wieħed li “jfarraġna fl-​hemm kollu tagħna.” (2 Korintin 1:​3, 4) Hu “Alla, li minnu ġej kull . . . faraġ.” (Rumani 15:5) Jehovah ta l-​eżempju billi pprovda mezz taʼ serħan għalina lkoll. Hu bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu, Kristu Ġesù, fuq l-​art sabiex jagħtina tama u konsolazzjoni. Ġesù għallem: “Għax Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Il-​Bibbja tiddeskrivi lil Jehovah bħala dak “li kuljum iġorr it-​tagħbija għalina, dak Alla veru tas-​salvazzjoni tagħna.” (Salm 68:​19, NW) Il-​bnedmin li jibżgħu minn Alla jistgħu jgħidu b’fiduċja: “[I]nżomm il-​Mulej dejjem quddiemi, għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.”—Salm 16:8.

Dawn il-​passaġġi Bibliċi juru l-​imħabba profonda li Alla Jehovah għandu għalina l-​bnedmin. Jidher ċar li hu għandu x-​xewqa mill-​qalb—kif ukoll l-​abbiltà—li jipprovdi ħafna faraġ u li jtaffi l-​uġigħ li jkollna fiż-​żminijiet taʼ hemm. “Hu li jagħti l-​qawwa lill-​għajjien, u jkattar il-​qawwa lil min hu bla saħħa.” (Isaija 40:29) Kif, allura, nistgħu niksbu l-​faraġ mill-​qawwa taʼ Jehovah?

Il-​Mod kif Jehovah Jieħu Ħsiebna Jserraħna

Is-​salmista kiteb: “Ħalli xortik f’idejn il-​Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.” (Salm 55:23 [55:​22, NW]) Iva, Alla Jehovah għandu interess fil-​familja umana. L-​appostlu Pietru assigura lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu: “Hu [Alla] jaħseb fikom.” (1 Pietru 5:7) Ġesù Kristu enfasizza l-​valur li Alla jpoġġi fuq il-​bnedmin billi jgħid: “Ħames għasafar tal-​bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla. U intom, sa x-​xagħar taʼ raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-​bejt tiswew.” (Luqa 12:​6, 7) Tant aħna taʼ valur għal Alla li hu jinnota saħansitra l-​iċken dettall dwarna. Jaf affarijiet li aħna stess ma nafuhomx għax hu interessat profondament f’kull wieħed u waħda minna.

Il-fatt li ħasset dan l-​interess persunali taʼ Jehovah kien taʼ faraġ kbir għal Svetlana, il-​prostituta żagħżugħa msemmija fl-​artiklu taʼ qabel. Din kienet waslet biex tikkommetti suwiċidju meta ġiet f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Jehovah. Imbagħad, hi aċċettat studju tal-​Bibbja, li għenha ssir taf lil Jehovah bħala persuna vera li hu interessat fil-​benesseri tagħha. Dan messilha qalbha, u qanqalha biex tbiddel il-​mod taʼ ħajja tagħha u tiddedika lilha nfisha lil Alla. Għen ukoll lil Svetlana jkollha biżżejjed stima tagħha nfisha biex tippersevera minkejja l-​problemi tagħha, u biex ikollha ħarsa pożittiva lejn il-​ħajja. “Jien konvinta,” tgħid hi issa, “li Jehovah qatt ma se jitlaqni. Sibt li dak li hemm miktub fl-​1 Pietru 5:7 huwa minnu. Dan jgħid: ‘Ixħtu fuqu l-​ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.’”

It-​Tama Bbażata fuq il-​Bibbja Ġġib il-​Faraġ

Mod partikulari li bih Alla jipprovdi l-​faraġ hu permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu, li fiha nsibu tama meraviljuża għall-​futur. L-​appostlu Pawlu  kiteb:  “Kull  ma  nkiteb fl-​Iskrittura fl-imgħoddi, nkiteb għat-​tagħlim tagħna, biex bis-​sabar u bil-faraġ li tagħtina l-​Iskrittura, aħna jkollna t-​tama.” (Rumani 15:4) Pawlu ħariġha b’mod ċar ir-​rabta li teżisti bejn it-​tama vera u l-​faraġ meta kiteb: “Sidna Ġesù Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-​kuraġġ taʼ dejjem u t-​tama sħiħa bil-​grazzja, jqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba.” (2 Tessalonikin 2:​16, 17) Din it-​“tama sħiħa” tinkludi l-​prospett taʼ ħajja perfetta, ferħana, u bla tmiem fuq art magħmula ġenna.—2 Pietru 3:13.

Tama żgura u ferriħija bħal din inkuraġġiet lil Laimonis, il-​paralitiku alkoħoliku li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel. Meta qara l-​letteratura bbażata fuq il-​Bibbja tax-​Xhieda taʼ Jehovah, hu feraħ għax sar jaf li fid-​dinja l-​ġdida taħt is-​Saltna t’Alla, hu jistaʼ jerġaʼ jieħu saħħtu kompletament. Fil-​Bibbja, hu qara din il-​wegħda sabiħa dwar fejqan mirakoluż: “Mbagħad jinfetħu għajnejn l-​għomja, jinfetħu widnejn it-​torox. Mbagħad iz-​zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-​imbikkma jinħall bil-​ferħ.” (Isaija 35:​5, 6) Sabiex jikkwalifika għall-​ħajja f’dik il-​Ġenna taʼ l-​art, Laimonis għamel bidliet kbar. Hu ma baqax jixrob, u t-​trasformazzjoni tiegħu ma setgħetx ma tiġix notata mill-​ġirien tiegħu u minn dawk li jafuh. Issa qed jikkonduċi diversi studji tal-​Bibbja, billi jaqsam m’oħrajn il-​faraġ li tagħti t-​tama bbażata fuq il-​Bibbja.

L-​Irwol tat-​Talb

Meta għal xi raġuni jew oħra qalbna tkun muġugħa, aħna nistgħu nsibu l-​faraġ billi nitolbu lil Jehovah. Dan jistaʼ jserraħna. Fis-​supplikazzjonijiet tagħna, nistgħu nitfarrġu billi niftakru f’affarijiet imniżżlin fil-​Kelma t’Alla. L-​itwal salm fil-​Bibbja huwa bħal talba sabiħa. Il-​kompożitur tiegħu għanna: “Niftakar fid-​digrieti tiegħek taʼ dari; fihom, Mulej, jiena nsib il-​faraġ tiegħi.” (Salm 119:52) F’sitwazzjonijiet estremament diffiċli, speċjalment dawk li jinvolvu xi kriżi taʼ saħħa, taʼ spiss ma jkun hemm l-​ebda tweġiba kompleta. Min-​naħa tagħna, għandna mnejn ma nkunux nafu eżatt lejn min se nduru. Ħafna sabu li meta jsir dak kollu possibbli min-​naħa tal-​bniedem, li jduru lejn Alla bit-​talb ġabilhom faraġ kbir u, xi drabi, soluzzjonijiet mhux mistennijin.—1 Korintin 10:13.

Pat, li ttieħdet malajr malajr l-​emerġenza fl-​isptar, esperjenzat dan l-​effett li jfarraġ li għandu t-​talb. Wara li ħadet saħħitha lura, hi qalet: “Jien tlabt lil Jehovah u tgħallimt tassew li kelli nħalli ħajti f’idejh, billi nafda fih biex isseħħ ir-​rieda tiegħu. Matul dak iż-​żmien kollu, ħassejtni kalma; kont qed nesperjenza l-​paċi t’Alla msemmija ġewwa Filippin 4:​6, 7.” Kemm jistgħu jkunu taʼ faraġ dawn il-​versi għalina lkoll! Hemmhekk Pawlu jwissina: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.”

L-​Ispirtu Qaddis Bħala l-​Farrâġ

Fil-​lejla qabel ma miet, Ġesù għamilha ċara lill-​appostli tiegħu li dalwaqt kien se jitlaqhom. Dan inkwetahom u nikkithom. (Ġwann 13:​33, 36; 14:​27-31) Billi rrikonoxxa l-​bżonn tagħhom għal faraġ kontinwu, Ġesù wegħedhom: “U jiena nitlob lill-​Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor [jew, farrâġ, skond in-​nota taʼ taħt fin-​NW] biex jibqaʼ magħkom għal dejjem.” (Ġwann 14:16) Ġesù hawnhekk kien qed jirreferi għall-​ispirtu qaddis t’Alla. Fost affarijiet oħra, l-​ispirtu t’Alla farraġ lill-​appostli matul il-​provi tagħhom u saħħaħhom biex jibqgħu jagħmlu r-​rieda t’Alla.—Atti 4:31.

Angie, li żewġha kien f’ħalq il-​mewt wara inċident serju, kienet kapaċi tkampa b’suċċess maʼ l-​hemm u l-​uġigħ kollu fis-​sitwazzjoni tagħha. X’kien li għenha? Hi tgħid: “Mingħajr l-​appoġġ taʼ l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah, ma konniex ngħaddu minn dak li esperjenzajna u nibqgħu sodi. Il-​qawwa taʼ Jehovah tabilħaqq dehret matul id-​dgħjufijiet tagħna, u hu ta prova li hu fortizza fi żmien l-​hemm tagħna.”

Fratellanza li Tfarraġ

Hi x’inhi s-​sitwazzjoni taʼ individwu fil-​ħajja, u minkejja ċ-​ċirkustanzi taʼ wġigħ li jistgħu jiżviluppaw, hu għandu jkun kapaċi jsib faraġ fil-​fratellanza li teżisti ġewwa l-​kongregazzjoni taʼ Jehovah. Din il-​fratellanza tipprovdi appoġġ u għajnuna spiritwali għal dawk li jassoċjaw magħha. Fiha, wieħed jistaʼ jsib grupp taʼ ħbieb kollhom imħabba, interess, u faraġ, li huma lesti u disposti biex jgħinu u jikkonslaw lil oħrajn fi żminijiet taʼ hemm.—2 Korintin 7:​5-7.

Membri tal-​kongregazzjoni Kristjana jiġu mgħallmin biex ‘jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabathom fil-​fidi.’ (Galatin 6:10) L-​edukazzjoni li jirċievu, li hija bbażata fuq il-​Bibbja, tqanqalhom biex juru mħabba taʼ l-​aħwa u affezzjoni tenera lejn xulxin. (Rumani 12:10; 1 Pietru 3:8) Aħwa spiritwali fil-​kongregazzjoni huma mqanqlin biex ikunu qalbhom tajba, jagħtu faraġ, u juru mogħdrija tenera.—Efesin 4:32.

Joe u Rebecca, li tilfu traġikament lil binhom fil-​mewt, esperjenzaw appoġġ kollu faraġ bħal dan minn membri tal-​kongregazzjoni Kristjana. Huma jgħidu: “Jehovah u l-​kongregazzjoni kollha mħabba tiegħu għenuna fiż-​żmien diffiċli li għaddejna minnu. Irċivejna mijiet taʼ kartolini, ittri, u telefonati. Dan iġagħalna napprezzaw kemm hija prezzjuża l-​fratellanza taʼ l-​aħwa. Waqt li konna għadna xxokkjati bit-​traġedja, ħafna wħud mill-​kongregazzjonijiet lokali kienu jiġu jgħinuna, jipprovdulna l-​ikel u jnaddfulna d-​dar.”

Ikseb il-​Faraġ!

Meta jonfħu l-​irwiefen t’avversità, u n-​niket jibqaʼ ġej bla ma jaqtaʼ xejn, Alla hu lest biex jipprovdi l-​protezzjoni li tfarraġ. Dan hu kif wieħed mis-​salmi jiddeskrivi lil Jehovah bħala wieħed li jipprovdi kenn taʼ faraġ: “Bir-​rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn.” (Salm 91:4) It-​tixbieha hawnhekk tistaʼ tkun dik t’ajkla. Tagħti l-​istampa taʼ tajra li x’ħin tħoss il-​periklu malajr tiftaħ ġwenħajha fuq iż-​żgħar tagħha biex tipproteġihom. F’sens ferm akbar, Jehovah jsir il-​Protettur veru għal dawk kollha li jfittxu l-​kenn fih.—Salm 7:2 [7:​1, NW].

Jekk tixtieq titgħallem iktar dwar Alla, il-​personalità tiegħu, l-​iskopijiet tiegħu, u l-​abbiltà tiegħu f’li jipprovdi l-​faraġ, int mistieden biex tistudja l-​Kelma tiegħu. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma ferħanin li jgħinuk tipprova tagħmel dan. Iva, int ukoll tistaʼ tikseb il-​faraġ mill-​qawwa taʼ Jehovah!

[Stampi f’paġna 7]

It-​tama bbażata fuq il-​Bibbja għall-​futur tistaʼ tipprovdi l-​faraġ