Ħajja tal-Familja Ferħana Tressaq lil Oħrajn Lejn Alla
Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
JEHOVAH bierek lil Ġużeppi b’ħafna għerf u dixxerniment. (Atti 7:10) B’riżultat taʼ dan, id-dehen li wera Ġużeppi tgħidx kemm “għoġbu lill-Fargħun u l-qaddejja tiegħu.”—Ġenesi 41:37.
L-istess illum, Jehovah jagħti lin-nies tiegħu dehen u dixxerniment hekk kif huma jistudjaw il-Bibbja. (2 Timotju 3:16, 17) L-għerf u d-dixxerniment jipproduċu frott tajjeb meta huma japplikaw il-pariri tal-Bibbja. Il-kondotta tajba tagħhom taʼ spiss ‘għoġbot lil dawk li josservawha,’ kif juru dawn l-esperjenzi li ġejjin miż-Żimbabwe.
• Kien hemm waħda mara li l-ġirien tagħha kienu Xhieda taʼ Jehovah. Għalkemm din il-mara ma kellhiex grazzja max-Xhieda, hi kienet tammira l-kondotta tagħhom, speċjalment il-ħajja tal-familja tagħhom. Hi osservat li dan ir-raġel u martu kellhom relazzjoni tajba ferm bejniethom, u li t-tfal tagħhom tgħidx kemm kienu jobduhom. L-iktar ħaġa li laqtitha kienet kemm ir-raġel kien iħobb lil martu.
Twemmin komuni f’xi kulturi taʼ l-Afrika hu li jekk raġel ikun iħobb lil martu, il-mara bilfors li tkun użat xi maġija biex “timmansah.” Għalhekk, din il-mara avviċinat lix-Xhud u staqsietha: “Jekk jogħġbok tistaʼ tagħtini r-riċetta tal-maġija li wżajt mar-raġel tiegħek ħalli anki żewġi jsir iħobbni daqskemm żewġek iħobb lilek?” Ix-Xhud wieġbet: “Mela le, għada wara nofsinhar inġibhielek.”
L-għada, l-oħt marret iżżur lill-ġâra tagħha bir-riċetta tagħha tal-“maġija.” Din x’kienet? Kienet il-Bibbja, flimkien mal-pubblikazzjoni Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Wara li kkunsidraw flimkien xi informazzjoni mill-ktieb Għarfien fuq is-suġġett “Nibnu Familja li Tonora lil Alla,” l-oħt qalet lill-ġâra tagħha: “Din hi l-‘maġija’ li jien u żewġi nużaw biex ‘nimmansaw’ lil xulxin, u hu għalhekk li nħobbu ħafna lil xulxin.” Inbeda studju tal-Bibbja, u dik il-mara malajr għamlet progress u waslet sal-punt li ssimbolizzat id-dedikazzjoni tagħha lil Jehovah permezz tal-magħmudija billi ġiet mgħaddsa kompletament fl-ilma.
• Żewġ pijunieri speċjali, li ntbagħtu jaqdu f’kongregazzjoni żgħira qrib il-fruntiera tal-grigal bejn iż-Żimbabwe u l-Możambik, kienu ilhom ma jmorru fil-ministeru tagħhom minn dar għal dar għal ġimagħtejn sħaħ. Għala? Għaliex in-nies bdew ġejjin għandhom biex jisimgħu x’kellhom x’jgħidu. Wieħed mill-pijunieri jirrakkonta dan kif ġara: “Konna qed nivvjaġġaw 15-il kilometru kull ġimgħa biex nikkonduċu studju tal-Bibbja maʼ persuna interessata. Ma kienx faċli għalina li mmorru f’dawn l-inħawi. Kien ikollna ngħaddu mit-tajn, u naqsmu xmajjar li kienu qed ifuru u li kienu jlaħħqulna sa għonqna. Dan kien jinvolvi li nżommu ħwejjiġna u ż-żraben tagħna bilanċjati sew fuq rasna waqt li naqsmu x-xmara, u mbagħad meta naslu n-naħa l-oħra konna nerġgħu nilbsuhom.
“Il-ġirien tal-persuna li konna qed nistudjaw magħha baqgħu impressjonati ferm biż-żelu tagħna. Fost dawk li osservaw dan kien hemm il-mexxej taʼ organizzazzjoni reliġjuża lokali. Hu qal lis-segwaċi tiegħu: ‘Ma tixtiqux tkunu żelużi bħal dawn iż-żewġt irġiel żgħażagħ li huma Xhieda taʼ Jehovah?’ L-għada, ħafna mis-segwaċi tiegħu ġew id-dar tagħna biex isiru jafu għala konna tant persistenti. Barra minn hekk, fil-ġimagħtejn taʼ wara, tant ġew nies iżuruna li lanqas biss kellna ħin nippreparaw x’nieklu!”
Wieħed mill-individwi li mar id-dar tal-pijunieri matul dan il-perijodu taʼ ġimagħtejn kien dak il-mexxej reliġjuż. Immaġina kemm ferħu dawn il-pijunieri meta hu aċċetta studju tal-Bibbja!