Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm Sod mat-Tagħlim t’Alla

Żomm Sod mat-Tagħlim t’Alla

“[“Afda,” “NW”] fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”—PROVERBJI 3:​5, 6.

1. Aħna kif qegħdin f’sitwazzjoni fejn nistgħu niġu effettwati mill-​għarfien uman ferm iktar minn qatt qabel?

 FIL-​PREŻENT, madwar id-​dinja kollha hawn madwar 9,000 gazzetta li joħorġu kuljum. Kull sena, fl-​Istati Uniti biss jiġu pubblikati madwar 200,000 ktieb ġdid. Skond stħarriġ li sar, sa Marzu taʼ l-​1998, kien hawn madwar 275 miljun paġna tal-​Web fuq l-​Internet. Dan in-​numru jingħad li qed jiżdied b’rata taʼ 20 miljun paġna kull xahar. In-​nies lanqas qatt qabel ma kellhom l-​opportunità li jkollhom daqshekk informazzjoni fuq kwalunkwe suġġett li jridu daqskemm għandhom illum. Waqt li dan għandu l-​aspetti pożittivi tiegħu, abbundanza straordinarja bħal din taʼ informazzjoni tikkaġuna wkoll xi problemi.

2. Xi problemi jistaʼ jkun hemm minħabba li hu daqshekk faċli li wieħed jikseb informazzjoni fuq kwalunkwe ħaġa?

2 Xi individwi saru ffissati li jridu jiksbu kemm jifilħu informazzjoni, dejjem imlebilbin biex jaqtgħu x-​xewqa tagħhom li jkunu aġġornati waqt li jittraskuraw affarijiet iktar importanti. Oħrajn jiksbu informazzjoni mhux kompluta dwar xi suġġetti komplikati u mbagħad mingħalihom li jkunu saru esperti. Għandhom mnejn jagħmlu xi deċiżjonijiet serji bbażati biss fuq il-​fehma limitata li jkollhom, u dawn jistgħu jikkaġunaw ħsara sew lilhom infushom u sew lil oħrajn. U hemm dejjem il-​periklu li jiġu wiċċ imbwiċċ maʼ informazzjoni falza jew mhux eżatta u jiġu effettwati minnha. Taʼ spiss ma jkun hemm ebda mod taʼ min jorbot fuqu kif wieħed jistaʼ jiċċekkja jekk din l-​abbundanza taʼ informazzjoni hijiex eżatta u jekk tippreżentax il-​fatti b’mod raġunevoli.

3. Liema twissijiet hemm fil-​Bibbja f’konnessjoni maʼ li wieħed ifittex għerf uman?

3 Il-bniedem minnu jbati daqsxejn bil-​kurżità. Il-​fatt li huwa perikoluż li wieħed jaħli ħafna żmien ifittex informazzjoni bla bżonn, jew saħansitra informazzjoni taʼ ħsara, ġie rikonoxxut sa minn żmien is-​Sultan Salamun. Hu qal: “[“Iftaħ għajnejk,” Saydon] għax il-​kotba joktru bla heda, u l-​istudju żejjed jgħajji l-​ġisem.” (Koħèlet 12:12) Sekli wara, l-​appostlu Pawlu kiteb lil Timotju: “Ħares sewwa dak li kien fdat f’idejk. Aħrab il-​kliem profan u fieragħ u l-​kontradizzjonijiet taʼ l-​għerf falz, li xi wħud ħaddnuh u tbiegħdu mill-​fidi.” (1 Timotju 6:​20, 21) Iva, il-​Kristjani llum jeħtieġ li kemm jistaʼ jkun jevitaw sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jiġu effettwati minn ideat li jagħmlulhom il-​ħsara.

4. Liema hu mod wieħed kif aħna nistgħu nuru l-​fiduċja tagħna f’Jehovah u fit-​tagħlim tiegħu?

4 Flimkien maʼ dan, in-​nies taʼ Jehovah jagħmlu tajjeb jekk japplikaw il-​parir fi Proverbji 3:​5, 6: “[“Afda,” NW] fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Li nafdaw f’Jehovah jinkludi li niċħdu kwalunkwe idea li hija kontra dak li tgħid il-​Kelma t’Alla, sew jekk tkun opinjoni tagħna stess u sew jekk tkun opinjoni taʼ xi ħaddieħor. Biex nipproteġu l-​ispiritwalità tagħna, huwa vitali li nħarrġu s-​sens tagħna biex nagħżlu, ħalli b’hekk inkunu nistgħu nindunaw liema informazzjoni tistaʼ tkun taʼ ħsara u nwarrbuha. (Lhud 5:​14, Saydon) Ejja niddiskutu minn fejn tistaʼ tiġi din l-​informazzjoni.

Dinja Maħkuma minn Satana

5. Liema hu sors wieħed li qed jipproduċi ideat li jagħmlu l-​ħsara, u min hemm wara dan?

5 Id-dinja sekulari tipproduċi ħafna u ħafna ideat li jagħmlu l-​ħsara. (1 Korintin 3:19) Meta kien qed jitlob lil Alla għad-​dixxipli tiegħu, Ġesù Kristu qal: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-​dinja, imma li tħarishom mill-​Ħażin.” (Ġwann 17:15) It-​talba taʼ Ġesù biex id-​dixxipli tiegħu jiġu protetti mill-​“Ħażin” uriet li Satana tassew jinfluwenza dak li jiġri fid-​dinja. Mela l-​fatt li aħna Kristjani ma jfissirx li aħna protetti mill-​influwenzi ħżiena taʼ din id-​dinja. Ġwanni kiteb: “Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Mela għandna nistennew li Satana u d-​demonji tiegħu se jimlew fuq li jimlew id-​dinja b’informazzjoni li tagħmel il-​ħsara, speċjalment matul din il-​parti finali taʼ l-​aħħar jiem.

6. Id-​divertiment kif jistaʼ jġagħlek tidra kollox u tibda tħoss li xejn m’hu xejn?

6 Għandna nistennew ukoll li ftit minn din l-​informazzjoni perikoluża għandha mnejn tidher li ma tagħmel ebda ħsara. (2 Korintin 11:14) Per eżempju, ikkunsidra ftit il-​qasam tad-​divertiment, li jinkludi l-​programmi televiżivi, il-​films, il-​mużika, u l-​istampa. Ħafna jaqblu li ċerti forom taʼ divertiment qegħdin jinkuraġġixxu dejjem iktar dawk il-​prattiċi li jbaxxu d-​dinjità tal-​bniedem, bħalma huma l-​immoralità, il-​vjolenza, u l-​abbuż tad-​drogi. L-​ewwel darba li ssib ruħek f’xi sitwazzjoni fejn il-​livell morali taʼ xi forma taʼ divertiment ikun baxx iktar minn qatt qabel, għandek mnejn tibqaʼ xxokkjat. Imma meta tibqaʼ tara jew tismaʼ l-​istess ħaġa darba wara l-​oħra, tibda tidraha u tibda tħoss li xejn m’hu xejn. Divertiment li jinkuraġġixxi ideat li jagħmlu l-​ħsara qatt m’għandna nqisuh bħala aċċettabbli jew li ma jagħmel ebda ħsara.—Salm 119:37.

7. Liema xorta t’għerf uman jista jeqred ftit ftit il-​fiduċja tagħna fil-​Bibbja?

7 Ikkunsidra sors ieħor taʼ informazzjoni li tistaʼ tkun ferm taʼ ħsara—ir-​ruxxmata ideat pubblikati minn xi xjenzati u studjużi li jqajmu dubji dwar jekk il-​Bibbja tgħidx il-​verità. (Qabbel Ġakbu 3:15.) Materjal bħal dan taʼ spiss tistaʼ ssibu fuq ir-​rivisti u l-​kotba l-​iktar popolari, u dan bil-​ftit il-​ftit jistaʼ jeqred il-​fiduċja tagħna fil-​Bibbja. Xi individwi, l-​għaxqa tagħhom hi li jdgħajfu l-​awtorità tal-​Kelma t’Alla bil-​ħafna ideat taʼ moħħhom. Fi żmien l-​appostli kien jeżisti periklu simili, u dan jidher ċar mill-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-​bnedmin; skond il-​prinċipji tad-​dinja u mhux taʼ Kristu.”—Kolossin 2:8.

L-​Għedewwa tal-​Verità

8, 9. L-​apostasija kif qed tidher illum?

8 L-apostati wkoll jistgħu jkunu taʼ theddida għall-​ispiritwalità tagħna. L-​appostlu Pawlu bassar li kellha tqum l-​apostasija fost l-​hekk imsejħa Kristjani. (Atti 20:​29, 30; 2 Tessalonikin 2:3) Bi twettiq taʼ dan il-​kliem, wara l-​mewt taʼ l-​appostli, qamet apostasija kbira li wasslet biex minnha joħroġ il-​Kristjaneżmu. Illum m’hemm ebda apostasija kbira li qed isseħħ fost il-​poplu t’Alla. Xorta waħda, kien hemm xi individwi li telqu minn fostna, u xi wħud minnhom huma determinati li jinfamaw lix-​Xhieda taʼ Jehovah bil-​gideb u bl-​informazzjoni mhux korretta li qed ixerrdu. Xi ftit minnhom jingħaqdu maʼ gruppi oħrajn biex jorganizzaw oppożizzjoni lejn il-​qima pura. Meta jagħmlu dan, huma jkunu qegħdin ipoġġu lilhom infushom fuq in-​naħa taʼ dak l-​ewwel apostat, Satana.

9 Xi apostati qegħdin jużaw dejjem iktar id-​diversi mezzi taʼ komunikazzjoni, inkluż l-​Internet, biex ixerrdu informazzjoni falza dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah. B’hekk, meta individwi sinċieri jfittxu dwar it-​twemmin tagħna, huma għandhom mnejn b’kumbinazzjoni jiġu f’kuntatt maʼ propaganda apostata. Anki xi Xhieda, bla ma kienu jafu sabu ruħhom f’sitwazzjoni fejn setgħu ġew effettwati minn dan il-​materjal li tant jagħmel ħsara. Barra minn hekk, l-​apostati xi kultant jieħdu sehem fi programmi televiżivi jew fuq ir-​radju. X’inhi l-​korsa għaqlija li rridu nsegwu meta nqisu dan kollu?

10. X’inhi l-​iktar ħaġa għaqlija li nistgħu nagħmlu rigward il-​propaganda apostata?

10 L-appostlu Ġwanni qal lill-​Kristjani biex ma jaċċettawx lill-​apostati ġewwa djarhom. Hu kiteb: “Jekk jiġikom xi ħadd u ma jġibilkomx dan it-​tagħlim, la tilqgħuhx għandkom u la ssellmulux, għax min isellimlu jkun qiegħed jissieħeb miegħu fl-​għemejjel ħżiena tiegħu.” (2 Ġwann 10, 11) Jekk nevitaw kull kuntatt maʼ dawn l-​avversarji, dan se jipproteġina mill-​ideat korrotti tagħhom. Jekk inħallu lilna nfusna niġu f’kuntatt mat-​tagħlim taʼ l-​apostati permezz tad-​diversi mezzi moderni taʼ komunikazzjoni, dan se jkun taʼ ħsara daqs li kieku qed nilqgħu lil dawn l-​apostati nfushom ġewwa djarna. Qatt m’għandna nħallu l-​kurżità tegħlibna u b’hekk naqbdu korsa daqshekk diżastruża!—Proverbji 22:3.

Ġewwa l-​Kongregazzjoni

11, 12. (a) Liema sors taʼ ideat li jikkaġunaw ħsara kien hemm fil-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu? (b) Xi Kristjani kif naqsu li jkunu sodi f’li jżommu mat-​tagħlim t’Alla?

11 Ikkunsidra jerġaʼ sors ieħor minfejn jistgħu jiġu ideat li jagħmlu l-​ħsara. Għalkemm Kristjan dedikat ma jkollux l-​intenzjoni li jgħallem il-​gideb, hu jistaʼ jiżviluppa l-​vizzju li jitkellem bla ma jaħsibha. (Proverbji 12:​18, Saydon) Billi aħna imperfetti, ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra ngħidu xi ħaġa li biha nonqsu. (Proverbji 10:19; Ġakbu 3:8) Milli jidher, fi żmien l-​appostlu Pawlu, kien hemm xi wħud fil-​kongregazzjoni li ma rnexxilhomx jikkontrollaw ilsienhom u kellhom dibattiti jaħarqu dwar xi kliem. (1 Timotju 2:8) Kien hemm oħrajn li kienu jaħsbu li huma dejjem kellhom raġun u waslu biex saħansitra sfidaw l-​awtorità taʼ Pawlu. (2 Korintin 10:​10-12) Dan l-​ispirtu wassal għal tilwim bla bżonn.

12 Xi kultant dan in-​nuqqas taʼ qbil kien iwassal għal “tħaqqiq vjolenti dwar ħmerijiet,” li kien iħarbat il-​paċi fil-​kongregazzjoni. (1 Timotju 6:​5, NW; Galatin 5:15) Pawlu kiteb hekk dwar dawk li kienu jqajmu dawn l-​argumenti: “Jekk xi ħadd jgħallem xort’oħra, u ma jaqbilx mal-​kliem taʼ saħħa, il-​kliem taʼ Sidna Ġesù Kristu, u mat-​tagħlim li hu skond it-​tjieba; hu mimli bih innifsu, ma jaf xejn, iżda mitluf wara kwistjonijiet u ġlied fuq kliem, li minnhom tiġi l-​għira, il-​ġlied, it-​tagħjir, is-​suspetti ħżiena.”—1 Timotju 6:​3, 4, .

13. Liema kondotta kellhom il-​biċċa l-​kbira tal-​Kristjani fl-​ewwel seklu?

13 B’ferħ ngħidu li fi żmien l-​appostli, il-​maġġuranza tal-​Kristjani kienu leali u baqgħu ffokati fuq ix-​xogħol tax-​xandir taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Kienu medhijin jieħdu ħsieb “l-​iltiema u r-​romol fl-​hemm tagħhom” u żammew lilhom infushom “bla tinġis ’il bogħod mid-​dinja,” u għalhekk, ma ħlewx il-​ħin f’dibattiti bla sugu dwar xi kliem. (Ġakbu 1:27) Huma evitaw ‘ħbiberiji ħżiena’ saħansitra ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana sabiex jipproteġu l-​ispiritwalità tagħhom.—1 Korintin 15:33; 2 Timotju 2:​20, 21.

14. Jekk ma noqogħdux attenti, kif tistaʼ xi ħaġa żgħira bħal li nuru l-​ideat tagħna tiżviluppa f’argument li jikkaġuna ħsara?

14 B’mod simili, is-​sitwazzjonijiet deskritti f’paragrafu 11 m’humiex affarijiet li ssibhom f’kull kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah llum. Però, nagħmlu tajjeb jekk nammettu li huwa possibbli li jkun hemm dibattiti bla sugu. M’għandniex xi ngħidu, hu normali li niddiskutu xi rakkonti Bibliċi jew naħsbu dwar xi aspetti tad-​dinja l-​ġdida mwegħda li għad ma nafu xejn dwarhom. U m’hemm xejn ħażin li nagħtu l-​idea tagħna dwar kwistjonijiet persunali, bħal ngħidu aħna, l-​ilbies u d-​dehra tagħna, jew l-​għażla taʼ divertiment. Madankollu, jekk nippretendu li l-​ideat tagħna huma l-​aħjar, u nieħdu għalina meta oħrajn ma jaqblux magħna, dan jistaʼ jwassal biex fil-​kongregazzjoni jkun hemm firdiet minħabba kwistjonijiet taʼ ftit importanza. U dak li fil-​bidu kien kliem li ntqal bla fini taʼ xejn jistaʼ jsir kliem li jagħmel ħafna ħsara.

Inħarsu l-​Prokura Tagħna

15. It-​“tagħlim tax-​xjaten” sa liema punt jistaʼ jagħmlilna ħsara spiritwalment, u liema parir insibu fl-​Iskrittura?

15 L-appostlu Pawlu jwissina: “L-​Ispirtu jgħidha ċar li fl-​aħħar taż-​żminijiet xi wħud jitbiegħdu mill-​fidi u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-​xjaten.” (1 Timotju 4:1) Iva, ideat li jikkaġunaw il-​ħsara huma taʼ theddida kbira. Mhux taʼ b’xejn li Pawlu talab bil-​ħrara lill-​għażiż ħabib tiegħu, Timotju: “Ħares sewwa dak li kien fdat f’idejk. Aħrab il-​kliem profan u fieragħ u l-​kontradizzjonijiet taʼ l-​għerf falz, li xi wħud ħaddnuh u tbiegħdu mill-​fidi.”—1 Timotju 6:​20, 21.

16, 17. Alla liema ħaġa fdalna, u kif għandna nħarsuha?

16 Aħna llum kif nistgħu nibbenefikaw minn din it-​twissija kollha mħabba? Timotju ngħatatlu prokura—xi ħaġa taʼ valur li kellu jieħu ħsiebha u jipproteġiha. X’kienet? Pawlu jispjega: “Żomm quddiem għajnejk l-​eżempju . . . [“tal-​kliem mimli saħħa,” NW] li smajt mingħandi, fil-​fidi u fl-​imħabba li huma fi Kristu Ġesù. Ħares bl-​għajnuna taʼ l-​Ispirtu s-​Santu li jgħammar fina t-​teżor sabiħ li kien fdat f’idejk.” (2 Timotju 1:​13, 14) Iva, il-​prokura fdata lil Timotju kienet tinkludi l-​“kliem mimli saħħa,” it-​tagħlim li jaqbel mad-​devozzjoni lejn Alla. (1 Timotju 6:3) Fi qbil maʼ dan il-​kliem, il-​Kristjani llum huma determinati li jipproteġu l-​fidi tagħhom u l-​għarfien eżatt tal-​verità li ġie fdat lilhom.

17 Biex nieħdu ħsieb tal-​prokura hemm bżonn ukoll li nikkultivaw ċerti affarijiet bħalma huma drawwiet tajbin taʼ studju tal-​Bibbja u perseveranza fit-​talb, waqt li nagħmlu “l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabatna fil-​fidi.” (Galatin 6:10; Rumani 12:​11-17) Pawlu jkompli jwissi: “Fittex li jkollok il-​ġustizzja, it-​tjieba, il-​fidi, l-​imħabba, is-​sabar, il-​ħlewwa. Tqabad it-​taqbida t-​tajba tal-​fidi; . . . [“ikseb qabda soda fuq,” NW] il-​ħajja taʼ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-​istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.” (1 Timotju 6:​11, 12) Il-​fatt li Pawlu uża l-​frażijiet “tqabad it-​taqbida t-​tajba” u “ikseb qabda soda” juri ċar li rridu nirreżistu b’mod attiv u determinat kull influwenza li tikkaġuna ħsara spiritwali.

Jeħtieġ id-​Dehen

18. Kif nistgħu nuru l-​bilanċ Kristjan fil-​mod kif aħna nqisu l-​informazzjoni sekulari?

18 M’għandniex xi ngħidu, neħtieġu d-​dehen biex nitqabdu t-​taqbida tajba tal-​fidi. (Proverbji 2:11; Filippin 1:9) Per eżempju, ma jkunx raġunevoli li ma tafda ebda informazzjoni sekulari. (Filippin 4:5; Ġakbu 3:​17, NW) Mhux l-​ideat tal-​bniedem kollha jmorru kontra dak li tgħid il-​Kelma t’Alla. Ġesù rrefera għall-​fatt li l-​morda jkollhom bżonn jikkonsultaw tabib kwalifikat—professjoni sekulari. (Luqa 5:31) Minkejja li fi żmien Ġesù l-​kura medika kienet għadha pjuttost lura, hu rrikonoxxa li kien hemm benefiċċji li setgħu jinkisbu mill-​għajnuna taʼ tabib. Il-​Kristjani llum juru l-​bilanċ fil-​kwistjoni taʼ informazzjoni sekulari, imma huma jirreżistu li jevitaw sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jiġu effettwati minn kwalunkwe informazzjoni li tistaʼ tkun taʼ ħsara għalihom spiritwalment.

19, 20. (a) L-​anzjani kif jaġixxu bid-​dehen meta jkunu qed jgħinu lil dawk li jitkellmu bla għaqal? (b) Il-​kongregazzjoni kif tittratta maʼ dawk li jinsistu li jxandru tagħlim falz?

19 Huwa vitali wkoll li l-​anzjani juru d-​dehen meta jiġu msejħin biex jgħinu lil dawk li jitkellmu bla għaqal. (2 Timotju 2:7) Xi drabi, xi membri tal-​kongregazzjoni għandhom mnejn isibu ruħhom qed iħaqquha fuq ħmerijiet u jargumentaw dwar spekulazzjonijiet. Biex jipproteġu l-​kongregazzjoni mill-​firdiet, l-​anzjani għandhom jittrattaw dawn il-​problemi malajr kemm jistaʼ jkun. Fl-​istess ħin, huma jevitaw li jaħsbu ħażin f’ħuthom u ma jagħmluhiex fatta u jibdew iqisuhom bħala apostati.

20 Pawlu ddeskriva l-​ispirtu li bih għandha tingħata din l-​għajnuna. Hu qal: “Ħuti, jekk xi ħadd jinqabad f’xi ħtija, intom li intom spiritwali, widdbuh bi spirtu taʼ ħlewwa.” (Galatin 6:1) Billi rrefera propju għal dawn il-​Kristjani li kienu qed jissieltu minħabba d-​dubji, Ġuda kiteb: “[Komplu] uru ħniena maʼ dawk li għadhom fid-​dubju; salvawhom u aħtfuhom min-​nar.” (Ġuda 22, 23) Naturalment, jekk wara li xi ħadd ikun ġie mwiddeb għal darba wara l-​oħra, hu jibqaʼ jinsisti li jrid ixandar tagħlim falz, l-​anzjani jeħtieġ li jieħdu azzjoni deċiżiva sabiex jipproteġu lill-​kongregazzjoni.​—1 Timotju 1:​20; Titu 3:​10, 11, NW.

Nimlew Moħħna b’Affarijiet li Jixirqilhom Tifħir

21, 22. Dwar liema ħaġa għandna nkunu selettivi, u b’liema affarijiet għandna nimlew moħħna?

21 Il-kongregazzjoni Kristjana twarrab kliem li jagħmel il-​ħsara u li “jinfirex bħal kankrena.” (2 Timotju 2:​16, 17; Titu 3:9) Dan hu minnu sew jekk kliem bħal dan jirrifletti “għerf” dinji li jqarraq, sew jekk propaganda taʼ l-​apostati, u sew jekk diskors bla ħsieb ġewwa l-​kongregazzjoni. Waqt li xewqa bnina li titgħallem affarijiet ġodda tistaʼ tkun taʼ benefiċċju, kurżità mhux kontrollata tistaʼ tpoġġina f’sitwazzjonijiet fejn nistgħu niġu effettwati minn ideat li jikkaġunaw il-​ħsara. M’aħniex fl-​għama dwar il-​pjanijiet taʼ Satana. (2 Korintin 2:11) Nafu li qed jagħmel sforzi kbar biex jaljenana ħalli nnaqqsu l-​pass fis-​servizz tagħna lejn Alla.

22 Bħala ministri mill-​aħjar, ejja nżommu qabda soda fuq it-​tagħlim t’Alla. (1 Timotju 4:6) Jalla nkunu għaqlin dwar kif nużaw il-​ħin tagħna billi nkunu selettivi dwar l-​informazzjoni li nagħżlu li niksbu. Imbagħad, il-​propaganda li hi mnebbħa mix-​Xitan ma tkunx tistaʼ ddgħajjifna faċilment. Iva, ejja nibqgħu naħsbu “f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-​imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-​ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-​tifħir.” Jekk nimlew moħħna u qalbna b’affarijiet bħal dawn, Alla tas-​sliem se jkun magħna.—Filippin 4:​8, 9.

X’Tgħallimna?

• L-​għerf dinji kif għandu mnejn ikun taʼ theddida għall-​ispiritwalità tagħna?

• X’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna minn informazzjoni apostata li tagħmel il-​ħsara?

• Liema xorta taʼ diskors għandu jiġi evitat ġewwa l-​kongregazzjoni?

• Il-​Kristjan kif juri l-​bilanċ fejn tidħol l-​abbundanza straordinarja taʼ informazzjoni li hawn illum?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Bosta rivisti u kotba popolari ma jaqblux mal-​valuri Kristjani tagħna

[Stampa f’paġna 10]

Il-​Kristjani jistgħu juru l-​ideat tagħhom mingħajr ma jippretendu li l-​ideat tagħhom huma l-​aħjar