Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Teżisti Din il-Korruzzjoni Kollha?

Għala Teżisti Din il-Korruzzjoni Kollha?

“La teħux rigali [tixħim], għax ir-​rigali jagħmu n-​nies b’għajnejhom miftuħa, u jgħawwġu l-​kawża tan-​nies sewwa.”​—Eżodu 23:8.

TLETT elef u ħames mitt sena ilu, il-​Liġi taʼ Mosè kkundannat it-​tixħim. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, il-​liġijiet kontra l-​korruzzjoni żdiedu sewwa matul is-​sekli. Minkejja dan, il-​liġi ma rnexxilhiex trażżanha l-​korruzzjoni. Kuljum, miljuni taʼ nies ixaħħmu jew jixxaħħmu, u biljuni taʼ nies ibatu l-​konsegwenzi.

Il-korruzzjoni tant infirxet maʼ kullimkien u saret xi ħaġa sofistikata li hemm it-​theddida li ftit ftit iddgħajjef saħansitra l-​istruttura bażika tas-​soċjetà. F’xi pajjiżi tistaʼ tgħid ma tagħmel xejn jekk ma żżerżaqx xi ħaġa f’id xi ħadd. Li tkun taf lil min għandek tkellem jistaʼ jfisser li tgħaddi minn xi eżami, li ġġib il-​liċenzja tas-​sewqan, li tieħu xi kuntratt, jew li tirbaħ xi kawża. “Il-​korruzzjoni hi bħal sħaba enormi taʼ tniġġis li ġġiegħel lin-​nies ikollhom ħarsa pessimista,” jilmenta Arnaud Montebourg, avukat minn Pariġi.

It-tixħim hu xi ħaġa komunissima speċjalment fil-​qasam tal-​kummerċ. Xi kumpaniji jwarrbu terz mill-​profitt kollu tagħhom biex iżerżqu xi ħaġa tal-​flus f’idejn uffiċjali għoljin tal-​gvern li jkunu korrotti. Skond ir-​rivista Ingliża The Economist, daqs 10 fil-​mija tal-​$25 elf miljun [Lm10 elef miljun] li jintefqu kull sena fit-​traffikar internazzjonali taʼ l-​armi jintużaw biex ixaħħmu lil dawk li jistgħu jixtru dawn l-​armi. Hekk kif l-​iskala taʼ din il-​korruzzjoni kompliet tikber, il-​konsegwenzi saru katastrofiċi. Matul dawn l-​aħħar għaxar snin, jingħad li ġew rovinati l-​ekonomiji taʼ pajjiżi sħaħ minħabba prattiċi korrotti tan-​negozju li jiffavorixxu lil dawk il-​ftit privileġġati li jkunu jafu lil min għandhom ikellmu.

Huwa inevitabbli li l-​iktar li jbatu minħabba l-​korruzzjoni u d-​diżastru ekonomiku li din iġġib magħha huma l-​foqra—dawk li rari jkunu f’pożizzjoni li jxaħħmu lil xi ħadd. Bħalma poġġietha b’mod tassew preċiż ir-​rivista The Economist, “il-​korruzzjoni hija biss forma waħda taʼ oppressjoni.” Huwa possibbli li din ix-​xorta taʼ oppressjoni tiġi megħluba, jew hija l-​korruzzjoni xi ħaġa li ma nistgħu qatt neħilsu minnha? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, l-​ewwel irridu nidentifikaw xi wħud mill-​kaġuni ewlenin tal-​korruzzjoni.

X’Inhu li Jikkaġuna l-​Korruzzjoni?

Xi nies għala jagħżlu li jkunu korrotti minflok onesti? Għal xi wħud, li jkunu korrotti hu l-​eħfef mod—jew l-​uniku mod, fil-​veru sens tal-​kelma—biex jiksbu dak li jridu. Xi drabi, it-​tixħim jistaʼ jkun mezz konvenjenti biex wieħed jevita l-​kastig. Ħafna nies li josservaw li l-​politikanti, il-​pulizija, u l-​imħallfin mid-​dehra jinjoraw il-​korruzzjoni jew saħansitra jipprattikawha huma stess, sempliċement jimxu fuq l-​eżempju tagħhom.

Hekk kif il-​korruzzjoni tikber dejjem iżjed, din issir iktar aċċettabbli sakemm fl-​aħħar issir parti mill-​ħajja. Nies li għandhom paga verament miżera jibdew iħossu li m’għandhom ebda għażla oħra. Ikollhom ibillu subgħajhom jekk iridu li jkollhom biżżejjed biex jgħixu. U meta dawk li jixxaħħmu jew inkella jxaħħmu lil ħaddieħor biex jiksbu vantaġġ inġust ma jiġux kastigati, ftit ikunu lesti li jaqdfu kontra l-​kurrent. “Għax l-​għemejjel tal-​ħżiena ma jeħdux minnufih il-​kundanna li jkun jistħoqqilhom; għalhekk qalb il-​ħżiena titħajjar ħafna biex tagħmel id-​deni,” osserva s-​Sultan Salamun.—Koħèlet 8:11.

Hemm żewġ forzi qawwijin li jrewħu minn taħt biex il-​korruzzjoni tibqaʼ tiffjorixxi: l-​egoiżmu u r-​regħba. Minħabba l-​egoiżmu tagħhom, nies korrotti jagħlqu għajnejhom għat-​tbatija li jsofru oħrajn tort tal-​korruzzjoni tagħhom, u jiġġustifikaw it-​tixħim sempliċement għax huma stess jibbenefikaw minnu. Iktar ma jakkumulaw benefiċċji materjali, iktar tkompli tikber ir-​regħba taʼ dawk li jipprattikaw il-​korruzzjoni. “Min iħobb il-​flus ma jixbax bil-​flus,” osserva Salamun, “u min iħobb l-​għana ma jixbax bil-​qligħ.” (Koħèlet 5:9 [5:​10, NW]) Veru, ir-​regħba hija tajba biex int takkwista l-​flus, imma din dejjem tagħlaq għajnejha għall-​korruzzjoni u l-​ksur tal-​liġi.

Fattur ieħor li m’għandux jiġi injorat hu l-​irwol li għandu l-​ħakkiem inviżibbli taʼ din id-​dinja, li l-​Bibbja tidentifikah bħala Satana x-​Xitan. (1 Ġwann 5:19; Apokalissi 12:9) Satana jinkuraġġixxi l-​korruzzjoni b’mod attiv. L-​akbar każ taʼ tixħim fl-​istorja kien dak meta Satana pprova jxaħħam lil Kristu. ‘Dawn is-​saltniet tad-​dinja kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.’—Mattew 4:​8, 9.

Madankollu, lil Ġesù ħadd ma setaʼ jirnexxilu jikkorrompih, u hu għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jaġixxu b’mod simili. Jistaʼ t-​tagħlim taʼ Kristu jkun għodda effettiva biex nikkumbattu l-​korruzzjoni llum? L-​artiklu li jmiss se janalizza din il-​mistoqsija.