Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah Hu Akbar Minn Qlubna

Jehovah Hu Akbar Minn Qlubna

“JITGĦAXXAQ il-​Mulej b’min għandu l-​biżaʼ tiegħu,” kiteb is-​salmista. Il-​Ħallieq tabilħaqq jifraħ meta josserva lil kull wieħed u waħda mill-​qaddejja umani tiegħu jistinkaw biex iżommu mal-​livelli tiegħu taʼ tjieba. Alla jbierek lil dawk li huma leali, jinkuraġġihom, u jfarraġhom meta jħossuhom iddisprati. Hu jaf li l-​adoraturi tiegħu huma imperfetti, u għalhekk hu realistiku f’dak li jistenna minnhom.—Salm 147:11.

Forsi ma nsibuhiex diffiċli biex nemmnu li Jehovah għandu mħabba kbira għall-​qaddejja tiegħu in ġenerali. Madankollu, mid-​dehra xi wħud tant jinkwetaw minħabba n-​nuqqasijiet tagħhom stess li huma konvinti li Jehovah qatt ma jistaʼ jħobbhom. “Jien imperfett wisq biex Jehovah jħobbni,” għandhom mnejn jikkonkludu. M’għandniex xi ngħidu, kultant kulħadd jistaʼ jħossu negattiv. Imma xi wħud jidhru li qed ikollhom battalja kontinwa għax iħossu li ma jiswew għal xejn.

Iħossuhom Qalbhom Maqtugħa

Fi żminijiet Bibliċi kien hemm diversi persuni leali li kienu jħossuhom qalbhom maqtugħa. Ġob kien xabaʼ minn ħajtu u ħass li Alla kien abbandunah. Anna, li iktar tard kellha lil Samwel, għamlet żmien tgħidx kemm kienet dipressa għax ma setax ikollha tfal u kienet tibki l-​ħin kollu. David kien ‘jinsab mifni għall-​aħħar,’ u Epafroditu kien inkwetat għax ħutu tnikktu minħabba fih meta semgħu li kien marad.​—Salm 38:7 [38:​6, NW]; 1 Samwel 1:​7, 10; Ġob 29:​2, 4, 5; Filippin 2:​25, 26.

Xi ngħidu dwar il-​Kristjani llum? Forsi xi wħud, minħabba mard, xjuħija, jew xi ċirkustanzi persunali oħrajn ma jistgħux jagħmlu kemm jixtiequ fis-​servizz sagru. Għandhom mnejn jaslu biex jaħsbu li qed jonqsu lil Jehovah u lil adoraturi sħabhom. Jew inkella xi wħud forsi jibqgħu jħossuhom ħatjin minħabba xi żbalji li għamlu fil-​passat, u jiddubitaw jekk Jehovah ħafrilhomx. Forsi oħrajn li trabbew f’ambjent diffiċli tal-​familja huma konvinti li ma jistħoqqilhomx li xi ħadd iħobbhom. Għala jiġri dan?

Xi wħud jitrabbew ġo familji fejn minflok ma tirrenja l-​imħabba, fihom ikun hemm atmosfera taʼ egoiżmu, sarkażmu, u biżaʼ. Huma għandhom mnejn qatt ma jsiru jafu x’jiġifieri li jkollhom missier li jkun iħobbhom profondament, li dejjem ifittex biex jara kif se jfaħħarhom u jinkuraġġihom, li jagħlaq għajn waħda għan-​nuqqasijiet tagħhom, li jkun lest li jaħfrilhom saħansitra żbalji iktar serji, u li minħabba li jgħożż lill-​familja tiegħu kulħadd iħossu maħbub u protett. Ladarba huma qatt ma daqu l-​imħabba taʼ missier fil-​familja tagħhom, għandhom mnejn isibuha diffiċli biex jifhmu x’ifisser li jkollhom Missier tas-​sema li tant iħobbhom.

Per eżempju, Fritz jikteb: “It-​tfulija u ż-​żgħożija tiegħi ġew influwenzati ħafna mill-​fatt li missieri qatt ma wrieni li jħobbni. a Hu qatt ma faħħarni, u jien qatt ma ħassejtni qrib tiegħu. Fil-​fatt, kważi dejjem kont nibżaʼ minnu.” Minħabba f’hekk, Fritz, li llum għandu fuq il-​ħamsin sena, għadu s’issa jħoss li m’hu kapaċi għal xejn. U Margarette tispjega: “Il-​ġenituri tiegħi lanqas qatt ma wrewni li kien jimpurtahom minni jew li jħobbuni. Meta bdejt nistudja l-​Bibbja, lanqas stajt nimmaġina x’jiġifieri jkollok missier li jħobb.”

Hi x’inhi r-​raġuni, dawn is-​sentimenti jistgħu jwasslu biex il-​motiv ewlieni għas-​servizz tagħna lejn Alla kultant ma jkunx l-​imħabba imma pjuttost, sens taʼ ħtija u biżaʼ. Anki jekk nagħmlu l-​aħjar tagħna, nibqgħu nħossu li dan m’huwiex biżżejjed. Ix-​xewqa li nogħġbu lil Jehovah u lil adoraturi sħabna għandha mnejn iġġagħalna nħossuna li ma nistgħu qatt nagħmlu kemm nixtiequ. B’hekk, nistgħu ma nilħqux il-​miri li nkunu għamilna, nibdew inħossuna ħatjin u naqtgħu qalbna.

X’jistaʼ jsir? Forsi jkollna bżonn infakkru lilna nfusna li Jehovah għandu qalb kbira. Xi ħadd li fehem sew dan l-​aspett tal-​personalita t’Alla, li juri kemm tassew iħobbna kien l-​appostlu Ġwanni.

“Alla Hu Akbar minn Qlubna”

Fi tmiem l-​ewwel seklu E.K., Ġwanni kitbilhom hekk lill-​adoraturi sħabu: “B’dan se nsiru nafu li noriġinaw mill-​verità, u se nassiguraw lil qlubna quddiemu rigward dak kollu li qlubna jistgħu jikkundannawna fih, għaliex Alla hu akbar minn qlubna u jaf l-​affarijiet kollha.” Ġwanni għala kitbu dan il-​kliem?—1 Ġwann 3:​19, 20, NW.

Ġwanni kien jaf tajjeb li kien possibbli li qaddej taʼ Jehovah jħoss qalbu tikkundannah. Forsi Ġwanni nnifsu ġieli ħassu hekk. Minħabba li Ġwanni kien żagħżugħ li jitbaqbaq ħafna, xi kultant Ġesù Kristu kien jikkoreġih minħabba li kien jittratta lil oħrajn b’mod iebes iżżejjed. Fil-​fatt, lil Ġwanni u lil ħuh Ġakbu, Ġesù tahom “l-​isem taʼ Boanerges, jiġifieri wlied ir-​ragħad.”​—Mark 3:​17; Luqa 9:​49-​56.

Matul is-​60 sena taʼ wara, Ġwanni nbidel għall-​aħjar u sar Kristjan li jaħsibha b’mod iktar bilanċjat, raġel mimli mħabba u ħniena. Sakemm hu, l-​aħħar appostlu li baqaʼ ħaj, kiteb l-​ewwel ittra ispirata tiegħu, kien tgħallem kemm Jehovah ma kienx joqgħod ifittex kull nuqqas li jagħmlu l-​qaddejja tiegħu. Minflok, hu Missier li għandu qalb kbira, għożża, mogħdrija, ġenerożità, u mħabba profonda għal dawk kollha li jħobbuh u jqimuh fil-​verità. Ġwanni kiteb: “Alla hu mħabba.”—1 Ġwann 4:8.

Jehovah Jithenna bis-​Servizz Tagħna Lejh

Alla jaf id-​dgħjufijiet u n-​nuqqasijiet li twelidna bihom, u jqisna taʼ li aħna. “Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab,” kiteb David. Jehovah jirrealizza kemm l-​ambjent li trabbejna fih għandu effett f’li jagħmilna dak li aħna. Fil-​fatt, hu jafna iktar milli aħna nafu lilna nfusna.—Salm 103:14.

Hu jaf li ħafna minna nixtiequ li nkunu differenti, imma ma nistgħux negħlbu l-​imperfezzjonijiet tagħna. Is-​sitwazzjoni tagħna tistaʼ tiġi mqabbla maʼ dik taʼ l-​appostlu Pawlu, li kiteb: “M’iniex nagħmel it-​tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-​ħażen li ma rridx.” Ilkoll kemm aħna qegħdin nitqabdu l-​istess taqbida. F’ċerti każi dan jistaʼ jwassal biex ikollna qalb li ġġagħalna nikkundannaw lilna nfusna.—Rumani 7:19.

Dan irridu dejjem niftakru: L-​iktar importanti m’huwiex kif aħna nqisu lilna nfusna imma kif iqisna Jehovah. Kulmeta jarana qed nipprovaw nogħġbuh, hu mhux sempliċement iħoss ftit tas-​sodisfazzjon, imma jithenna minħabba fina. (Proverbji 27:11) Għalkemm dak li jirnexxilna nwettqu jistaʼ jidher pjuttost ftit f’għajnejna, hu jitgħaxxaq meta jara li aħna rridu nagħmlu l-​isforz u li għandna motiv tajjeb. Hu ma jarax biss dak li nwettqu, imma jinduna b’dak li rridu nagħmlu; hu konxju taʼ dak li nixtiequ u nixxenqu għalih. Jehovah jistaʼ jaqralna qalbna.​—Ġeremija 12:3; 17:10.

Per eżempju, ħafna mix-​Xhieda taʼ Jehovah huma mistħijin u riżervati, nies li ma jħobbux jidhru. Għal dawn, ix-​xandir taʼ l-​aħbar tajba minn dar għal dar jistaʼ jkun sfida iebsa. Madankollu, minħabba x-​xewqa li tqanqalhom biex jaqdu lil Alla u jgħinu lill-​proxxmu tagħhom, saħansitra dawn l-​uħud mistħijin jitgħallmu kif javviċinaw lill-​ġirien tagħhom u jkellmuhom dwar il-​Bibbja. Għandhom mnejn iħossu li ma tantx qed ikollhom suċċess, u dan jistaʼ jisirqilhom il-​ferħ. Qalbhom forsi tgħidilhom li l-​ministeru tagħhom ma qed jagħmel ebda ġid. Imma Jehovah żgur li jithenna bl-​isforz kbir li qed jagħmlu dawn l-​uħud fis-​servizz tagħhom. Iktar minn hekk, huma ma jistgħux ikunu ċerti meta u fejn se tinbet, tikber, u tagħti l-​frott dik iż-​żerriegħa tal-​verità li jkunu żergħu.​—Koħèlet 11:6; Mark 12:​41-​44; 2 Korintin 8:​12.

Xhieda oħrajn ibatu minn mard fit-​tul jew inkella qegħdin jikbru fl-​età. Għalihom, li jattendu għal-​laqgħat regolarment fis-​Sala tas-​Saltna hija esperjenza taʼ wġigħ u ansjetà. Meta jisimgħu xi taħdita dwar ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar għandhom mnejn jiftakru f’dak li kienu jagħmlu qabel u f’dak li għadhom jixtiequ jagħmlu, għalkemm is-​saħħa ma tagħtihomx. Uħud bħal dawn jistgħu jħossuhom ħatjin għax ma jkunux jistgħu jimxu mal-​pariri li jingħataw daqskemm jixtiequ huma. Però, Jehovah żgur li jgħożż il-​lealtà u s-​sabar li juru. Sakemm jibqgħu leali, hu qatt m’hu se jinsa dak kollu li għamlu bil-​fedeltà kollha.​—Salm 18:​25, NW; 37:​28, NW.

“Nassiguraw lil Qlubna”

Sakemm Ġwanni xjaħ, hu bil-​fors li kien fehem tajjeb x’ifisser li Alla għandu qalb kbira. Ftakar li hu kiteb: “Alla hu akbar minn qlubna u jaf l-​affarijiet kollha.” Barra minn hekk, Ġwanni inkuraġġiena biex “nassiguraw lil qlubna.” Ġwanni x’ried ifisser b’dan il-​kliem?

Skond il-​Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words, il-​verb Grieg tradott “nassiguraw” ifisser “li tapplika l-​persważjoni, li tikkonvinċi jew iddawwar il-​fehma, li tipperswadi.” Fi kliem ieħor, biex nassiguraw lil qalbna, jeħtieġ li nikkonvinċu lil qalbna, li nipperswaduha biex temmen li Jehovah jħobbna. Kif?

Fritz, li ssemma qabel f’dan l-​artiklu, ilu jaqdi bħala anzjan f’waħda mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah għal iktar minn 25 sena u sab li permezz taʼ l-​istudju persunali jistaʼ jaċċerta lil qalbu dwar l-​imħabba taʼ Jehovah. “Jien nistudja l-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna regolarment u bir-​reqqa. Dan jgħinni biex ma nibqax naħseb fuq il-​passat imma f’moħħi nżomm stampa ċara tal-​futur meraviljuż tagħna. Xi kultant, insib ruħi ninkwieta żżejjed dwar il-​passat u nibda naħseb li Alla ma jistaʼ qatt iħobbni. Imma ġeneralment insib li l-​istudju regulari jsaħħaħli qalbi, ikabbarli l-​fidi, u jgħinni nibqaʼ ferħan u naħseb b’mod bilanċjat.

Huwa minnu li l-​qari tal-​Bibbja u l-​meditazzjoni m’humiex se jbiddlu s-​sitwazzjoni tagħna. Però, dan jistaʼ jbiddel il-​mod kif aħna nqisu s-​sitwazzjoni li nkunu fiha. Jekk indaħħlu l-​ħsibijiet li hemm fil-​Kelma t’Alla f’qalbna, dan se jgħinna naħsbu bil-​mod li jaħseb hu. Iktar minn hekk, l-​istudju jgħinna nifhmu dejjem iktar xi tfisser għalina l-​qalb kbira t’Alla. Bil-​mod il-​mod nistgħu nibdew naċċettaw li Jehovah ma jwaħħalx fina għall-​ambjent li trabbejna fih, u ma jagħtiniex tort għad-​dgħjufijiet li jistaʼ jkollna. Hu jaf li t-​tagħbijiet li ħafna minna qed inġorru—sew jekk emozzjonali u sew jekk fiżiċi—ħafna drabi ma nkunux ġibniehom b’idejna stess, u hu bl-​imħabba kollha jqisna taʼ li aħna.

Xi ngħidu għal Margarette, li ssemmiet qabel? Meta din saret taf lil Jehovah, anki hi bbenefikat ferm billi studjat il-​Bibbja. Bħal Fritz, hi kellha tibdel l-​opinjoni tagħha dwar dak li missier ifisser għaliha. It-​talb għen lil Margarette biex issaħħaħ dak li tgħallmet permezz taʼ l-​istudju. “Għall-​ewwel, lil Jehovah kont inqisu bħala ħabib intimu, għax iktar kont naf x’jiġifieri ħabib intimu milli missier li jħobb. Bil-​mod il-​mod, bdejt niftaħ qalbi maʼ Jehovah dwar is-​sentimenti, id-​dubji, l-​ansjetajiet, u l-​inkwiet tiegħi. Kont il-​ħin kollu nitkellem miegħu permezz tat-​talb, u fl-​istess ħin, l-​affarijiet ġodda kollha li kont qed nitgħallem dwaru bdejt ngħaqqadhom flimkien, bħal biċċa mużajk. Wara ftit taż-​żmien, tant kibru s-​sentimenti tiegħi lejn Jehovah li issa rari jkolli diffikultà biex inqisu bħala l-​għażiż Missieri,” tgħid Margarette.

Ħelsien mill-​Ansjetajiet Kollha

Sakemm iddum teżisti din is-​sistema qadima u mill-​agħar, ħadd ma jistaʼ jittama li mhux se jkollu ansjetajiet. Għal xi Kristjani, dan ifisser li kultant jistgħu jerġgħu jiġuhom sentimenti t’ansjetà jew dubji li jġagħluhom jitnikktu. Imma nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah jaf li l-​motivi tagħna huma tajbin u li qed naħdmu iebes fis-​servizz tiegħu. Hu qatt ma se jinsa l-​imħabba li nuru għal ismu.—Lhud 6:10.

Fl-art ġdida li dalwaqt se jkun hawn taħt is-​Saltna Messjanika, il-​bnedmin leali kollha jistgħu jistennew li jiġu meħlusin mit-​toqol tas-​sistema taʼ Satana. Kemm se jkun taʼ serħan dan! Imbagħad se naraw jerġaʼ iktar evidenza taʼ kemm Jehovah għandu qalb kbira. Sadattant, ilkoll kemm aħna nistgħu nibqgħu ċerti li “Alla hu akbar minn qlubna u jaf l-​affarijiet kollha.”—1 Ġwann 3:​20, NW.

[Nota taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

[Kumment f’paġna 30]

Jehovah m’huwiex xi mexxej aħrax li jabbuża mill-​poter, imma Missier li għandu qalb kbira, għożża, u mogħdrija

[Stampa f’paġna 31]

Li nistudjaw il-​Kelma t’Alla jgħinna biex naħsbu kif jaħseb hu