Nikkumbattu l-Korruzzjoni bix-Xabla taʼ l-Ispirtu
‘Ilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.’—Efesin 4:24.
META kien fl-aqwa tiegħu, l-Imperu Ruman kien l-akbar amministrazzjoni umana li qatt kienet rat id-dinja. Il-liġi Rumana tant kienet effettiva li għadha sal-lum isservi bħala l-bażi għall-kodiċi legali taʼ ħafna pajjiżi. Madankollu, minkejja dak kollu li rnexxielu jwettaq l-Imperu Ruman, il-leġjuni tiegħu ma kellhomx il-ħila jegħlbu għadu perikoluż wieħed: il-korruzzjoni. Fl-aħħar, il-korruzzjoni spiċċat biex ġabet tmiem bikri għall-Imperu Ruman.
L-appostlu Pawlu kien wieħed li sofra taħt uffiċjali Rumani korrotti. Feliċ, il-gvernatur Ruman li interrogah, mid-dehra induna li Pawlu kien innoċenti. Imma Feliċ, wieħed mill-iktar gvernaturi korrotti taʼ żmienu, ippospona l-ġuri taʼ Pawlu, billi kien qed jittama li Pawlu jagħtih xi flus biex ikun ċert li jiġi liberat.—Atti 24:22-26.
Minflok ma xtrah bil-flus, Pawlu kellem lil Feliċ b’wiċċu minn quddiem ‘fuq il-ġustizzja u fuq it-trażżin.’ Feliċ ma nbidilx, u Pawlu baqaʼ l-ħabs minflok ma pprova jevita l-proċess legali billi jipprova jxaħħmu. Hu kien jippriedka messaġġ taʼ verità u onestà, u kien jgħix fi qbil maʼ dak li kien jippriedka. “Aħna nemmnu li għandna kuxjenza tajba,” kiteb lill-Kristjani Lhud, “billi rridu ngħixu onestament f’kollox.”—Lhud 13:18, Karm Żammit.
Il-waqfa li ħa Pawlu kienet tispikka ferm meta mqabbla mal-morali taʼ dak iż-żmien. Pallas, ħu Feliċ, kien wieħed mill-iktar irġiel għonja tad-dinja tal-qedem, u ġidu—li hu kalkulat li kien jilħaq il-$45 miljun [Lm17.3 miljun]—akkumulah kważi kollu bit-tixħim u billi kien jisloħ il-flus mingħand in-nies. Madankollu, ġidu kollu m’huwa xejn meta tqabblu mal-biljuni taʼ dollari li xi ħakkiema korrotti tas-seklu 20 kellhom f’kontijiet tal-bank sigrieti. Veru trid tkun mazzun biex temmen li l-gvernijiet tal-lum rebħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Ladarba l-korruzzjoni ilha stabbilita fis-sod dan iż-żmien kollu, għandna aħna nassumu li hija sempliċement parti min-natura tal-bniedem? Jew hemm xi ħaġa li tistaʼ ssir biex il-korruzzjoni tiġi mrażżna?
Kif Tistaʼ Titrażżan il-Korruzzjoni?
Ovvjament, l-ewwel pass biex titrażżan il-korruzzjoni hu li nirrikonoxxu li l-korruzzjoni ġġib il-qerda u hija ħażina, għaliex nies korrotti bla kuxjenza l-aqwa li jmorru tajjeb huma, u ma jimpurtahomx minn dawk li jbatu minħabba fihom. Bla dubju, sar xi ftit tal-progress f’dak ir-rigward. James Foley, id-deputat segretarju taʼ l-Istati Uniti, qal: “Aħna lkoll nirrikonoxxu li t-tixħim għandu konsegwenzi koroh ferm. It-tixħim idgħajjef ftit ftit sistema tajba taʼ ggvernar, hu taʼ ħsara għall-effiċjenza ekonomika u għall-iżvilupp, joħloq it-taħwid fil-kummerċ, u jġib inġustizzji kbar għaċ-ċittadini madwar id-dinja.” Ħafna nies huma taʼ l-istess opinjoni. Fis-17 taʼ Diċembru, 1997, 34 mill-pajjiżi ewlenin iffirmaw “ftehim f’konnessjoni mat-tixħim” li hu maħsub li “jkollu impatt kbir fuq il-ġlieda globali kontra l-korruzzjoni.” Il-ftehim “jiddikjarah offiża gravi li wieħed joffri, iwiegħed jew jagħti t-tixħim lil uffiċjal pubbliku barrani sabiex jirnexxilu jakkwista jew jibqaʼ jżomm xi ftehim dwar negozju internazzjonali.”
Madankollu, it-tixħim biex jiġu akkwistati kuntratti tan-negozju f’pajjiżi oħrajn huwa sempliċement ħajta waħda mill-kobba mħabbla tal-korruzzjoni. Biex il-korruzzjoni tiġi eliminata għalkollox hemm bżonn li jittieħed it-tieni pass, li hu ferm iktar diffiċli: bidla fl-attitudnijiet. In-nies kullimkien iridu jitgħallmu jobogħdu t-tixħim u l-korruzzjoni. B’hekk biss jistaʼ xi darba jispiċċa l-qligħ diżonest. Biex dan isir, ir-rivista Newsweek qalet li xi wħud jaħsbu li l-gvernijiet għandhom “jinkuraġġixxu sens taʼ virtù fost iċ-ċittadini.” Transparency International, grupp li jipprova jinfluwenza l-imħuħ b’ideat kontra l-korruzzjoni, b’mod simili jirrikkmanda li dawk li jappoġġawh “idaħħlu ‘żerriegħa taʼ integrità’” fuq il-post tax-xogħol.
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija waħda morali u ma tistax tintrebaħ permezz tal-liġi biss jew billi tintuża x-“xabla” tal-pieni legali. (Rumani 13:4, 5) Jeħtieġ li jinżergħu l-virtù u l-integrità fil-qlub tan-nies. Dan jistaʼ jitwettaq bl-aħjar mod permezz taʼ dik li l-appostlu Pawlu ddeskrivieha bħala ‘x-xabla taʼ l-ispirtu,’ il-Kelma t’Alla, il-Bibbja.—Efesin 6:17.
Il-Bibbja Tikkundannaha l-Korruzzjoni
Pawlu għala rrifjuta li jkun kompliċi fi prattiċi korrotti? Għaliex hu ried jagħmel ir-rieda taʼ dak Alla “li ma jħarisx lejn l-uċuħ u ma jiħux rigali.” (Dewteronomju 10:17) Iktar minn hekk, Pawlu bla dubju ftakar l-istruzzjoni speċifika fil-Liġi taʼ Mosè: “Tħarisx lejn l-uċuħ, u taċċettax rigali, għax ir-rigali jagħmu għajnejn l-għorrief u jgħawwġu kliem in-nies sewwa.” (Dewteronomju 16:19) B’mod simili, is-Sultan David fehem li Jehovah jobgħodha l-korruzzjoni, u hu talab lil Alla biex ma jgħoddux mal-midinbin, li ‘f’leminthom għandhom rigali qarrieqa.’—Salm 26:10.
Dawk li jqimu lil Alla b’qalb sinċiera għandhom iktar raġunijiet biex jirrifjutaw li jaċċettaw il-korruzzjoni. “Bil-ġustizzja sultan iġib l-istabbiltà fil-pajjiż,” kiteb Salamun, “imma wieħed li hu rgħib għat-tixħim iġarrfu.” (Proverbji 29:4, New International Version) Il-ġustizzja—speċjalment meta tkun prattikata sa mill-ogħla awtorità—iġġib l-istabbiltà, mentri l-korruzzjoni tfaqqar il-pajjiż. Taʼ interess, ir-rivista Newsweek qalet: “F’sistema fejn kulħadd irid ibill sebgħu u jaf x’għandu jagħmel biex jikseb dak li jrid permezz tal-korruzzjoni, nistgħu nistennew biss falliment ekonomiku.”
Saħansitra meta ma jkunx hemm falliment Salm 73:3, 13) Il-Ħallieq tagħna, dak li ħalaqna b’xewqa naturali għall-ġustizzja, ukoll jiġi offiż. Fil-passat, Jehovah ħa azzjoni biex jeqred il-korruzzjoni sfaċċata. Per eżempju, mingħajr ma qagħad idur mal-lewża, hu qal lill-abitanti taʼ Ġerusalemm għala kien se jerħihom f’idejn l-għedewwa tagħhom.
ekonomiku totali, dawk li jħobbu l-ġustizzja jħossuhom frustrati meta l-korruzzjoni toktor bla rażan. (Permezz tal-profeta tiegħu Mikea, Alla qal: “Isimgħu dan, mela, kbarat tad-dar taʼ Ġakobb, u mexxejja tad-dar taʼ Iżrael, li għandkom mibegħda għall-ġustizzja, u tħassru kull ma hu sewwa. Il-kapijiet tagħha jinxtraw biex jagħmlu l-ġustizzja, il-qassisin tagħha jridu l-ħlas biex jgħallmu, il-profeti tagħha jridu l-flus biex jeħbru. . . . Għalhekk, minħabba fikom, Sijon għad tinħarat bħal għalqa, borġ ġebel għad issir Ġerusalemm, u l-muntanja tat-tempju għolja kollha siġar.” Il-korruzzjoni kienet irrovinat lis-soċjetà ġewwa Iżrael, l-istess bħalma dgħajfet ftit ftit lill-Imperu Ruman sekli wara. Preċiż bħalma kien wissa Alla, xi seklu wara li Mikea kiteb dan il-kliem, Ġerusalemm ġiet meqruda u abbandunata.—Mikea 3:9, 11, 12.
Madankollu, ebda bniedem jew ġens m’għandu għalfejn ikun korrott. Alla jinkuraġġixxi lill-ħżiena biex jabbandunaw il-mod kif jgħixu u jibdlu l-mod taʼ ħsieb tagħhom. (Isaija 55:7) Hu jixtieq li kull wieħed u waħda minna juri nuqqas taʼ egoiżmu minflok ma jkun rgħib, u jipprattika t-tjieba minflok ma jkun korrott. “Min jgħakkes il-fqir imaqdar lil min ħalqu, imma min iħenn għall-imsejken iweġġħu.”—Proverbji 14:31.
Nikkumbattu l-Korruzzjoni b’Suċċess Permezz tal-Verità tal-Bibbja
X’jistaʼ jqanqal lil xi ħadd biex jagħmel bidla bħal din? L-istess forza li qanqlet lil Pawlu biex iħalli l-ħajja taʼ Fariżew u jsir segwaċi żeluż taʼ Ġesù Kristu. “Il-kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija,” kiteb hu. (Lhud 4:12) Illum, il-verità Skritturali għadha tinkuraġġixxi l-onestà, saħansitra fost dawk li kienu mdeffsin sew fil-korruzzjoni. Ikkunsidra dan l-eżempju.
Ftit wara li spiċċa s-servizz militari tiegħu, Alexander, raġel mill-Ewropa tal-Lvant, ngħaqad maʼ klikka li tispeċjalizza fil-qligħ diżonest, f’li tisloħ il-flus mingħand in-nies, u fit-tixħim. a “Xogħli kien li nisloħ il-flus mingħand negozjanti sinjuri billi ngħidilhom li jekk iħallsu dawn il-flus ma ssirilhom ebda ħsara,” jispjega hu. “Meta nkun irbaħt il-fiduċja taʼ xi negozjant, membri oħrajn tal-klikka tagħna kienu jhedduh bil-vjolenza. Imbagħad kont noffrilu li nsolvi l-kwistjoni jien—imma jrid iħallas somma żul minn hemm. Il-‘klijenti’ tiegħi tgħidx kemm kienu jirringrazzjawni talli nkun għenthom isolvu l-problemi tagħhom, meta fil-fatt kont inkun jien il-kaġun tagħhom. Għalkemm tidher xi ħaġa stramba, din kienet xi ħaġa li tant kienet togħġobni f’dan ix-xogħol.
“Kont nieħu gost ukoll bil-flus u bl-eċċitament li kien joffrili dan l-istil taʼ ħajja. Kelli karozza lussuża, kont noqgħod f’appartament sabiħ, u kelli flus biex nixtri dak kollu li ridt. In-nies kienu jibżgħu minni, u dan kien jagħtini sens taʼ poter. Għal xi raġuni kont inħoss li ħadd ma kien jistaʼ għalija u li ebda liġi ma kienet torbotni. Meta kont inxellef difrejja mal-pulizija, il-kwistjoni kienet tiġi solvuta jew minn xi avukat espert, li kien jaf kif għandu jiskappa mill-intoppi tas-sistema tal-ġustizzja, jew għax kont inkun naf lil min għandi nkellem.
“Madankollu, il-lealtà rari ssibha fost dawk li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq il-korruzzjoni. Wieħed mill-klikka tagħna qabad qabda sew miegħi, u spiċċajt biex kulħadd beda jħarisli bl-ikrah. F’daqqa waħda, tlift il-karozza sabiħa tiegħi, flusi, u l-għarusa kapriċċuża li kelli. Spiċċajt saħansitra biex qlajt xebgħa sew. Din il-bidla mil-lejl għan-nhar ġagħlitni naħseb bis-serjetà dwar l-iskop tal-ħajja.
“Xi ftit xhur qabel, ommi kienet saret Xhud taʼ Jehovah, u jien bdejt naqra l-letteratura tagħhom. Dak li hemm miktub fi Proverbji 4:14, 15 ġagħalni naħseb fil-fond: ‘Taqbadx il-mogħdija tal-ħżiena, timxix fit-triq taʼ min jagħmel id-deni. Aħrabha, tgħaddix minnha; mur fuq naħa oħra, u ibqaʼ sejjer.’ Siltiet bħal din ikkonvinċewni li dawk li jridu jgħixu ħajja taʼ kriminal m’għandhomx futur veru. Bdejt nitlob lil Jehovah u ngħidlu biex jiggwidani fit-triq it-tajba. Studjajt il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, u fl-aħħar, iddedikajt ħajti lil Alla. Minn dak iż-żmien ’l hawn bqajt ngħix ħajja onesta.
“M’għandniex xi ngħidu, li ngħix fi qbil maʼ prinċipji onesti għalija jfisser li naqlaʼ ħafna inqas flus. Imma issa nħoss li għandi futur, li ħajti għandha tifsir veru. Issa naf li l-istil taʼ ħajja li kelli qabel bil-vantaġġi u l-lussu kollu li kien iġib miegħu, kien bħal dar tal-karti tal-logħob, se taqaʼ l-aħħar. Qabel, il-kuxjenza tiegħi ma kinitx taħdem. Issa, grazzi għall-istudju tal-Bibbja li nagħmel, il-kuxjenza tniggiżni kulmeta jkolli t-tentazzjoni li nkun diżonest—saħansitra f’affarijiet żgħar. Qed nagħmel ħilti biex ngħix fi qbil maʼ Salm 37:3, li jgħid: ‘Afda fil-Mulej u agħmel it-tajjeb; għammar fl-art, u . . . [“imxi bil-fedeltà,” KŻ].’”
‘Min Jobgħod it-Tixħim Se Jgħix’
Bħalma skopra Alexander, il-verità tal-Bibbja tistaʼ tqanqal lil persuna biex tegħleb il-korruzzjoni. Hu għamel bidliet fi qbil maʼ dak li jgħid l-appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lill-Efesin: “Għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom taʼ qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, mħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, . . . għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew. Warrbu minnkom il-gideb u għidu l-verità wieħed lill-ieħor, għax aħna membri taʼ xulxin. Iqis il-ħalliel li ma jisraqx aktar; imma jaħdem bl-onestà b’idejh biex ikun jistaʼ jgħin lil min ikun fil-bżonn.” (Efesin 4:22-25, 28) Il-futur taʼ l-umanità jiddependi fuq bidliet bħal dawn.
Jekk ma jiġux kontrollati, ir-regħba u l-korruzzjoni jistgħu jirrovinaw l-art, l-istess bħalma wasslu għar-rovina taʼ l-Imperu Ruman. Iżda, nistgħu nkunu ferħanin li l-Ħallieq taʼ l-umanità mhux bi ħsiebu jħalli kollox għaddej bla ma jagħti kas. Hu ddeċieda li jġib rovina fuq dawk li qegħdin jirrovinaw l-art. (Apokalissi 11:18) U lil dawk li jixxennqu biex jgħixu f’dinja ħielsa mill-korruzzjoni, Jehovah jwegħedhom li dalwaqt se jkun hawn “smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.
Veru, illum jistaʼ ma jkunx faċli li tgħix fi qbil maʼ prinċipji onesti. Minkejja dan, Jehovah jaċċertana li fl-aħħar mill-aħħar, ‘ir-rgħib għall-qligħ inkwiet f’daru jġib, imma min jobgħod it-tixħim se jgħix.’ b (Proverbji 15:27) Billi ngħidu le għall-korruzzjoni issa, se nuru li aħna verament nitolbu lil Alla b’qalb sinċiera meta ngħidu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.”—Mattew 6:10.
Waqt li nistennew biex din is-Saltna taġixxi, kull wieħed minna jistaʼ ‘jiżraʼ għalih il-ġustizzja’ billi jirrifjuta li jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni jew li jipprattikaha. (Hosegħa 10:12) Jekk nagħmlu hekk, ħajjitna wkoll se tixhed kemm għandha qawwa l-Kelma ispirata t’Alla. Ix-xabla taʼ l-ispirtu tistaʼ tegħleb il-korruzzjoni.
[Noti taʼ taħt]
a Ismu ġie mibdul.
b M’għandniex xi ngħidu, hemm differenza bejn li xxaħħam lil xi ħadd u li tagħti t-tips. Filwaqt li t-tixħim jingħata biex l-affarijiet ma jsirux bil-ġustizzja jew għal skopijiet diżonesti oħrajn, it-tips huma espressjoni t’apprezzament għas-servizz li jkun ngħata. Dan hu spjegat fl-artiklu “Questions From Readers” fil-ħarġa taʼ The Watchtower taʼ l-1 t’Ottubru, 1986.
[Stampa f’paġna 7]
Bl-għajnuna tal-Bibbja, nistgħu nilbsu “l-bniedem il-ġdid” u naħarbu l-korruzzjoni