Nuru Gratitudni Lejn Jehovah—Permezz tas-Servizz Full-time!
Bijografija
KIF RAKKONTAT MINN STANLEY E. REYNOLDS
Twelidt Londra, l-Ingilterra, fl-1910. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-ġenituri tiegħi marru joqogħdu fir-raħal ċkejken taʼ Westbury Leigh, ġewwa Wiltshire. Meta kont daqsxejn taʼ ġuvnott, taʼ spiss kont naħseb bejni u bejn ruħi, ‘Min hu Alla?’ Ħadd qatt ma setaʼ jagħtini tweġiba. U qatt ma stajt nifhem għala f’komunità żgħira bħal tagħna kien hemm bżonn taʼ żewġ kappelli u knisja biex in-nies iqimu lil Alla.
FL-1935, erbaʼ snin qabel ma bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija, jien u ħija Dick, li kien iżgħar minni, morna bir-rota sa Weymouth, post li jinsab fuq il-kosta tan-nofsinhar taʼ l-Ingilterra, biex inqattgħu l-btala tagħna nikkampjaw. Waqt li konna fil-kamp tagħna nisimgħu x-xita nieżla, intellgħu u nniżżlu x’se nagħmlu, ġie raġel imdaħħal fiż-żmien u offrieli tliet kotba bħala għajnuna biex nistudja l-Bibbja—The Harp of God, Light I, u Light II. Ħadthom kollha, u tgħidx kemm fraħt li kelli xi ħaġa biex naqtaʼ dik il-monotonija. Dak li kont qed naqra mill-ewwel beda jaffaxxinani, u lanqas biss kont noħlom li kien se jbiddilli l-ħajja tiegħi kompletament—u dik taʼ ħija wkoll.
Meta mort lura d-dar, ommi qaltli li Kate Parsons, li kienet toqgħod fir-raħal tagħna, kienet tqassam l-istess tip taʼ letteratura Biblika. Lil din il-mara kulħadd kien jafha għax, minkejja li kienet imdaħħla fiż-żmien kienet issuq mutur żgħir biex iżżur lin-nies imxerrdin ’l hawn u ’l hemm fil-komunità tagħna. Jien mort għandha, u hi bil-qalb kollha tatni l-kotba Creation u Riches kif ukoll letteratura oħra tal-Watch Tower Society. Qaltli wkoll li kienet waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Wara li qrajt il-kotba u qabbilthom mal-Bibbja tiegħi, indunajt li Jehovah hu l-veru Alla u ridt inqimu. Għalhekk bgħatt ittra lill-knisja fejn kont immur qabel biex naqtaʼ kull irbit magħha u bdejt nattendi
għal laqgħat biex nistudjaw il-Bibbja fid-dar taʼ John u Alice Moody. Dawn kienu joqogħdu f’Westbury, l-iktar belt qrib taʼ fejn konna noqogħdu aħna. F’dawk il-laqgħat konna nkunu biss sebaʼ min-nies. Qabel u wara l-laqgħat, Kate Parsons kienet iddoqq l-armonju waqt li aħna konna nkantaw l-għanjiet tas-Saltna lkoll flimkien b’entużjażmu kbir!Is-Snin tal-Bidu
Stajt nara li konna qed ngħixu fi żmien tassew importanti, u kelli xewqa kbira li nieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar li kien profetizzat f’Mattew 24:14. Għalhekk, qtajt is-sigaretti, xtrajt briefcase, u għamilt id-dedikazzjoni tiegħi lill-Kbir Alla, Jehovah.
F’Awissu taʼ l-1936, Joseph F. Rutherford, il-president tal-Watch Tower Society, kien qed iżur Glasgow, fl-Iskozja, biex jagħti taħdita dwar is-suġġett “Armageddon.” Avolja ridt nivvjaġġa xi 600 kilometru biex nasal Glasgow, kont determinat li mmur u nitgħammed f’dik il-konvenzjoni. Flus ma tantx kelli, u għalhekk ħadt ir-rota miegħi fuq il-ferrovija li qbadt biex wasalt Carlisle, belt li tinsab fuq il-fruntiera taʼ l-Iskozja. Minn hemmhekk komplejt tielaʼ bir-rota xi 160 kilometru lejn it-tramuntana. Il-biċċa l-kbira tal-vjaġġ lura wkoll għamiltu bir-rota, u għalhekk wasalt id-dar għajjien mejjet, imma spiritwalment kont b’saħħti iktar minn qabel.
Minn dakinhar ’il quddiem, dejjem kont nuża r-rota biex immur naqsam it-twemmin tiegħi man-nies fl-irħula li kienu fil-qrib. Dak iż-żmien, kull Xhud taʼ Jehovah kellu biljett tat-testimonjanza li fuqu kien hemm messaġġ skritturali biex jinqara mill-inkwilini. Konna nużaw ukoll fonografu li jistaʼ jinġarr, biex insemmgħu t-taħditiet Bibliċi rekordjati li kienu ngħataw mill-president tas-Soċjetà. U, m’għandniex xi ngħidu, konna dejjem inġorru basket bir-rivisti, a li minħabba fih mill-ewwel kienu jagħrfuna bħala Xhieda taʼ Jehovah.
Ix-Xogħol taʼ Pijunier fi Żmien il-Gwerra
Ħija tgħammed fl-1940. It-tieni gwerra dinjija kienet bdiet fl-1939, u t-tnejn li aħna rajna li kien hemm bżonn urġenti għal predikaturi full-time. Għaldaqstant, tfajna l-applikazzjoni għax-xogħol taʼ pijunier. Fraħna ħafna li ġejna assenjati flimkien fid-dar tal-pijunieri taʼ Bristol. Hemmhekk ngħaqadna maʼ Edith Poole, Bert Farmer, Tom u Dorothy Bridges, Bernard Houghton, u pijunieri oħrajn li konna nammirawhom ħafna għall-fidi soda li kellhom.
Ftit wara dan ġie għalina vann żgħir, li fuq il-ġnub tiegħu kellu miktub b’ittri kbar “XHIEDA TAʼ JEHOVAH.” Ix-xufier kien Stanley Jones, li iktar tard mar jaqdi bħala missjunarju fiċ-Ċina u li minħabba l-attività taʼ l-ippridkar tiegħu weħel sebaʼ snin ħabs maqful f’ċella għalih waħdu.
Hekk kif il-gwerra kompliet tiħrax, rari konna norqdu lejl sħiħ. Fl-inħawi fejn kien hemm id-dar tagħna tal-pijunieri bdew jitwaddbu ħafna bombi, u kellna noqogħdu b’sebaʼ għajnejn il-ħin kollu li ma mmorrux nirfsu xi mekkaniżmu li jisplodi. Lejla waħda, tlaqna miċ-ċentru taʼ Bristol wara assemblea mill-isbaħ li għaliha attendew 200 Xhud, u biex wasalna d-dar u konna naqra iktar fis-sigurtà kellna ngħaddu minn xita taʼ xrapnel tal-bombi tal-kanuni.
L-għada jien u Dick morna lura l-belt biex niġbru xi affarijiet li konna ħallejna warajna. Ma stajniex nemmnu lil għajnejna. Bristol kienet diżastru. Fiċ-ċentru tal-belt kollox kien imfarrak u maħruq. F’Park Street, fejn kellna s-Sala tas-Saltna, ma kienx hemm ħlief gozz terrapien bid-duħħan ħiereġ minnu. Madankollu, l-ebda Xhud ma kien ġie maqtul jew ferut. Imnalla konna neħħejna l-letteratura Biblika mis-Sala tas-Saltna u qassamnieha fid-djar taʼ xi membri tal-kongregazzjoni. Tgħidx kemm irringrazzjajna lil Jehovah għal dan kollu.
Libertà mhux Mistennija
Fil-Kongregazzjoni taʼ Bristol, fejn kont naqdi bħala indokratur li jippresiedi, l-għadd taʼ pubblikaturi Kristjani kien telaʼ għal 64 sakemm jien irċivejt id-dokumenti biex nidħol fis-servizz militari. Ħafna Xhieda oħrajn kienu ntbagħtu l-ħabs minħabba l-waqfa newtrali tagħhom, u għalhekk stennejt li anki lili kienet se tonqosli l-libertà li nippriedka, bħalma kien ġralhom huma. Il-każ tiegħi nstemaʼ fi Tribunal lokali fi Bristol, u deher għalija Ħuna Anthony Buck, li qabel kien jaqdi bħala uffiċjal tal-ħabs. Dan il-ħu kien raġel kuraġġuż, ma jaqtax qalbu, u kien jieqaf sod għall-verità tal-Bibbja, u minħabba li tkellem tant tajjeb għan-nom tiegħi, oħroġ il-għaġeb, ġejt meħlus għalkollox mis-servizz militari, bil-kundizzjoni li nkompli fil-ministeru full-time!
Lanqas stajt nemmen li kelli din il-libertà, u kont determinat li nużaha biex nippriedka kemm niflaħ. Meta rċivejt telefonata biex immur fl-uffiċċju tal-fergħa taʼ Londra biex ikellimni l-indokratur tal-fergħa, Albert D. Schroeder, naturalment jien bdejt nhewden x’kien se jiġri. Immaġina x’sorpriża kienet għalija meta ġejt mistieden biex immur Yorkshire ħalli naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa, u nżur kongregazzjoni differenti kull ġimgħa biex ngħin u ninkuraġġixxi lill-aħwa. Veru ħassejt li ma kontx kapaċi biżżejjed għal dan l-inkarigu, imma ladarba jien kont ġejt meħlus għalkollox mis-servizz militari ma kien hemm xejn x’iżommni. Għalhekk, aċċettajt id-direzzjoni li tani Jehovah u mort b’qalbi kollha.
Albert Schroeder introduċieni maʼ l-aħwa f’assemblea li saret f’Huddersfield, u f’April taʼ l-1941, bdejt fl-inkarigu l-ġdid tiegħi. Kemm kienet esperjenza taʼ ferħ għalija li nsir naf lil dawn l-aħwa għeżież! L-imħabba u l-qalb tajba tagħhom ġagħluni napprezza jerġaʼ iktar li Jehovah għandu nies devoti għalkollox lejh, u li dawn tant iħobbu lil xulxin.—Ġwann 13:35.
Iktar Privileġġi taʼ Servizz
Qatt ma ninsa l-konvenzjoni nazzjonali taʼ ħamest ijiem li saret fl-1941 fid-De Montfort Hall
ġewwa Leicester. Minkejja li l-ikel kien bir-razzjon u t-trasport nazzjonali kien limitat, l-attendenza baqgħet dejjem tiżdied sakemm il-Ħadd kien hemm quċċata taʼ 12,000 ruħ—għalkemm f’dak iż-żmien kien hemm biss ftit iktar minn 11,000 Xhud taʼ Jehovah fil-pajjiż. Smajna xi taħditiet rekordjati li kienu ngħataw mill-president tas-Soċjetà, u ħareġ ktieb ġdid intitolat Children. Dik il-konvenzjoni ċertament li kienet ġrajja memorabbli fl-istorja teokratika tan-nies taʼ Jehovah fil-Britannja, peress li saret fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija.Ftit wara din il-konvenzjoni, irċivejt stedina biex immur naqdi flimkien mal-familja taʼ Betel f’Londra. Hemmhekk kont naħdem fid-dipartiment fejn jippakkjaw u fid-dipartiment minfejn jibagħtu l-letteratura, u iktar tard ħdimt ukoll fl-uffiċċju, fejn kont inkarigat mill-affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-kongregazzjonijiet.
Il-membri tal-familja Betel kellhom iħabbtu wiċċhom m’attakki mill-ajru fuq Londra lejl u nhar, kif ukoll maʼ spezzjonijiet spissi mill-awtoritajiet fuq aħwa responsabbli li kienu jaħdmu hemmhekk. Pryce Hughes, Ewart Chitty, u Frank Platt ilkoll ġew mitfugħin il-ħabs minħabba l-waqfa newtrali tagħhom, u wara xi żmien Albert Schroeder ġie deportat lejn l-Istati Uniti. Minkejja dawn il-pressjonijiet, xorta baqaʼ jkun hemm min jieħu ħsieb il-kongregazzjonijiet u x-xogħol tas-Saltna.
Privileġġ Ieħor—Gilgħad!
Meta spiċċat il-gwerra fl-1945, applikajt biex nieħu taħriġ missjunarju fil-Watchtower Bible School of Gilead, u ġejt aċċettat biex nattendi t-tmien klassi fl-1946. Is-Soċjetà għamlet arranġamenti biex ftit minna, inkluż Tony Attwood, Stanley Jones, Harold King, Don Rendell, u Stanley Woodburn, jaqbdu l-vapur minn Fowey, port għas-sajjieda f’Cornwall. Wieħed mill-aħwa tal-lokal kien qatgħalna l-passaġġ biex nivvjaġġaw fuq vapur żgħir tal-merkanzija li kien qed iġorr it-tafal abjad fin. Il-post li tawna kien żgħir ħafna, u l-gverta tal-vapur kienet kważi dejjem miksija bl-ilma. Tgħidx kemm ħadna r-ruħ x’ħin fl-aħħar wasalna fil-port fejn kellna ninżlu, dak taʼ Filadelfja!
Il-post fejn kienet issir l-iskola taʼ Gilgħad kien jinsab f’ambjent mill-isbaħ f’South Lansing, fin-naħa taʼ fuq taʼ l-istat taʼ New York, u t-taħriġ li rċivejt hemmhekk swieli mitqlu deheb. L-istudenti tal-klassi tagħna kienu minn 18-il pajjiż differenti—l-ewwel darba li s-Soċjetà rnexxielha ddaħħal daqshekk studenti minn pajjiżi differenti fi klassi waħda—u lkoll sirna ħbieb sewwa. Veru kont nieħu gost bil-kumpanija taʼ Kalle Salavaara, il-ħu mill-Finlandja li kien fl-istess kamra miegħi.
Iż-żmien tar, u fl-aħħar tal-ħames xhur, il-president tas-Soċjetà, Nathan H. Knorr, wasal mill-kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn biex jagħtina d-diplomi tagħna u jgħidilna fejn kellna naqdu. Dak iż-żmien, l-istudenti ma kinux ikunu jafu fejn se jintbagħtu sakemm tasal iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni. Lili bagħtuni lura fil-Betel taʼ Londra biex inkompli x-xogħol tiegħi hemmhekk.
Lura Londra
Is-snin taʼ wara l-gwerra kienu ibsin fil-Britannja. L-ikel u ħafna bżonnijiet oħrajn, inkluż il-karta, baqgħu bir-razzjon. Imma dejjem għaddejna, u l-interessi tas-Saltna taʼ Jehovah komplew javanzaw ’il quddiem. Barra milli kont naħdem f’Betel, kont naqdi wkoll fl-assembleat distrettwali u tas-circuit u kont inżur il-kongregazzjonijiet, inkluż xi kongregazzjonijiet fl-Irlanda. Kelli wkoll il-privileġġ li niltaqaʼ maʼ Erich Frost u aħwa oħrajn irġiel u nisa mill-Ewropa, li mingħandhom sirt naf xi ħaġa dwar l-integrità taʼ Xhieda sħabna li kienu ffaċċjaw is-sofferenzi ħorox fil-kampijiet tal-konċentrament Nazisti. Il-privileġġ taʼ servizz f’Betel kien tassew barka.
Lil Joan Webb kont ili nafha għaxar snin—hi kienet taqdi bħala pijuniera speċjali f’Watford, belt ftit ’il bogħod minn Londra. Aħna żżewwiġna fl-1952. It-tnejn li aħna ridna nkomplu fis-servizz full-time u għalhekk, tgħidx kemm ħadna gost meta, wara li kont ħallejt Betel, ġejt maħtur bħala indokratur tas-circuit. L-ewwel circuit li kellna kien jinkludi kongregazzjonijiet fuq il-kosta tan-nofsinhar taʼ l-Ingilterra, f’Sussex u Hampshire. Ix-xogħol tas-circuit xejn ma kien faċli dak iż-żmien. Fil-biċċa l-kbira konna nivvjaġġaw bil-karozza tal-linja, bir-rota, jew bil-mixi. Ħafna kongregazzjonijiet kellhom territorji rurali kbar immens, li taʼ spiss kienu diffiċli biex jintlaħqu, imma n-numru taʼ Xhieda xorta waħda kompla jiżdied dejjem iktar.
Fil-Belt taʼ New York fl-1958
Fl-1957 irċivejt stedina oħra minn Betel: ‘Fl-1958 se ssir assemblea internazzjonali fil-belt taʼ New York, fil-Yankee Stadium u l-Polo Grounds. Tixtieq Atti 2:41.
tiġi fl-uffiċċju ħalli tgħin biex isiru l-arranġamenti għall-ivvjaġġar?’ Jien u Joan malajr sibna ruħna nieħdu ħsieb l-applikazzjonijiet taʼ l-aħwa biex jivvjaġġaw bl-ajruplani u l-vapuri mikrijin mis-Soċjetà. Din kienet il-famuża Assemblea Internazzjonali Rieda Divina, li għaliha attendiet udjenza enormi taʼ 253,922 ruħ. F’din il-konvenzjoni kien hemm 7,136 li ssimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah permezz tat-tgħaddis fl-ilma—ħafna iktar mid-doppju tan-numru li tgħammdu f’dik l-okkażjoni storika taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K., kif imniżżel fil-Bibbja.—Jien u Joan qatt ma ninsew il-qalb tajba li wera magħna Ħuna Knorr meta stidinna personalment biex nattendu l-assemblea ħalli ngħinu biex nieħdu ħsieb id-delegati li kienu se jaslu fil-belt taʼ New York minn 123 pajjiż. Din kienet esperjenza taʼ ferħ u sodisfazzjon għalina t-tnejn.
Il-Barkiet li Ġabilna s-Servizz Full-time
Meta rġajna lura, komplejna fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar sakemm inqalgħulna xi problemi taʼ saħħa. Joan kellha tidħol l-isptar, u jien tatni puplesija ħafifa. Għalhekk, minflok fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar bdejna naqdu bħala pijunieri speċjali, imma iktar tard kellna l-privileġġ li nerġgħu naqdu għal ftit żmien fix-xogħol tas-circuit. Maż-żmien, erġajna lura fi Bristol fejn bqajna naqdu fis-servizz full-time. Ħija Dick jgħix ftit ’il bogħod minna mal-familja tiegħu, u spiss noqogħdu nirrakkontaw minn xiex għaddejna.
Fl-1971 il-vista tiegħi marret lura minħabba li f’għajnejja żviluppat kundizzjoni (retina distakkata) li l-ħsara li għamlitli ma titfejjaqx. Minn dakinhar ’l hawn bqajt insibha ferm diffiċli biex naqra, u minħabba f’hekk, għalija l-cassettes tal-letteratura Biblika huma provvediment taʼ l-għaġeb mingħand Jehovah. Jien u Joan għadna nikkonduċu xi studji tal-Bibbja, u tul is-snin kellna l-privileġġ li ngħinu madwar 40 persuna ssir taf il-verità, inkluż familja taʼ sebgħa.
Meta ddedikajna ħajjitna lil Jehovah iktar minn 60 sena ilu, ix-xewqa tagħna kienet li nidħlu fis-servizz full-time u nkomplu fih għal dejjem. Kemm aħna grati li għad għandna s-saħħa biex naqdu lill-Kbir Alla Jehovah, għaliex dan hu l-uniku mod li bih nistgħu nirringrazzjawh għal dak kollu li għamel magħna u għas-snin taʼ hena li gawdejna!
[Nota taʼ taħt]
a Basket taċ-ċarruta li setaʼ jiddendel maʼ l-ispalla u li kien magħmul apposta biex jinġarru kopji taʼ The Watchtower (It-Torri taʼ l-Għassa) u Consolation (iktar tard, Stenbaħ!).
[Stampa f’paġna 25]
Quddiem id-dar tal-pijunieri fi Bristol maʼ ħija Dick (bil-wieqfa fit-tarf, fuq in-naħa tax-xellug) u xi pijunieri oħrajn
[Stampa f’paġna 25]
Id-dar tal-pijunieri fi Bristol fl-1940
[Stampi on page 26]
Stanley u Joan Reynolds f’jum it-tieġ tagħhom, fit-12 taʼ Jannar, 1952, u llum