‘Se Ndur Madwar l-Artal Tiegħek, Mulej’
‘SE NAĦSEL fis-safa idejja, u se ndur madwar l-artal tiegħek, Mulej.’ (Salm 26:6) B’dan il-kliem, is-Sultan David tal-qedem għamel magħruf id-devozzjoni li kellu lejn Jehovah. Iżda, għala kien se ‘jdur madwar’ l-artal taʼ Jehovah, u f’liema sens?
Għal David, iċ-ċentru tal-qima taʼ Jehovah kien it-tabernaklu bl-artal tas-sagrifiċċju miksi bir-ram, li matul ir-renju tiegħu kien jinsab f’Gibgħon, fit-tramuntana taʼ Ġerusalemm. (1 Slaten 3:4) L-artal kien fih biss madwar 2.2 metri kwadri, ferm iżgħar mill-artal grandjuż li kien se jinbena fil-bitħa tat-tempju taʼ Salamun. a Xorta waħda, David kien isib l-għaxqa tiegħu fit-tabernaklu bl-artal li kien hemm fih, li kien iċ-ċentru tal-qima pura f’Iżrael.—Salm 26:8.
Fuq l-artal kienu jsiru offerti maħruqa, sagrifiċċji tal-komunjoni, u offerti tal-ħtija, u kull sena f’Jum l-Espjazzjoni kienu jiġu offruti sagrifiċċji għan-nom tal-poplu kollu. L-artal u s-sagrifiċċji li kienu jsiru fuqu għandhom tifsir għall-Kristjani llum. L-appostlu Pawlu spjega li l-artal kien jirrappreżenta r-rieda t’Alla, u fi qbil maʼ din ir-rieda Hu aċċetta sagrifiċċju xieraq għall-fidwa taʼ l-umanità. Pawlu qal: “Bis-saħħa taʼ din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz taʼ l-offerta tal-ġisem taʼ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.”—Lhud 10:5-10.
Sabiex ikunu ndaf, qabel ma jagħmlu xi xogħol f’konnessjoni maʼ l-artal, il-qassisin kellhom id-drawwa li jaħslu idejhom bl-ilma. Għalhekk, kien xieraq li s-Sultan David jaħsel idejh “fis-safa” qabel ma ‘jdur madwar l-artal.’ Hu aġixxa b’integrità tal-qalb, u kien rett. (1 Slaten 9:4) Kieku ma ħasilx idejh b’dan il-mod, il-qima tiegħu—li ‘jdur madwar l-artal’— ma kinitx tkun aċċettabbli. M’għandniex xi ngħidu, David ma kienx Levita u ma kellux il-privileġġ li jwettaq is-servizz taʼ qassis fuq l-artal. Għalkemm kien sultan, lanqas saħansitra fil-bitħa tat-tabernaklu ma setaʼ jidħol. Xorta waħda, bħala Iżraeli leali, hu kien jobdi l-Liġi taʼ Mosè u kien iġib regolarment l-offerti tiegħu biex jippreżentahom fuq l-artal. Hu kien idur madwar l-artal fis-sens li l-qima pura għamilha l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu.
Nistgħu aħna llum nimxu fuq l-eżempju taʼ David? Iva. Aħna wkoll nistgħu naħslu idejna fis-safa u nduru madwar l-artal t’Alla jekk neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù u, ‘b’idejna ndaf u b’qalbna safja,’ naqdu lil Jehovah b’qalb sħiħa.—Salm 24:4.
[Nota taʼ taħt]
a Id-daqs taʼ dak l-artal kien madwar 9 metri kwadri.
[Stampa f’paġna 23]
L-artal kien jagħti stampa tar-rieda taʼ Jehovah, u fi qbil maʼ din ir-rieda hu jaċċetta sagrifiċċju xieraq għall-fidwa taʼ l-umanità