Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tiġijiet Ferriħin li Jġibu Unur lil Jehovah

Tiġijiet Ferriħin li Jġibu Unur lil Jehovah

Welsh u Elthea żżewġu f’Soweto, l-​Afrika t’isfel, fl-​1985. xi kultant joqogħdu jaraw l-​album tat-​tieġ tagħhom maʼ binthom, Zinzi, u jerġgħu jġeddu l-​memorji taʼ dak il-​jum mimli ferħ. Zinzi l-​hena tagħha tipprova tagħraf min huma l-​mistidnin u l-​iktar li jogħġbuha huma r-​ritratti t’ommha liebsa dik il-​libsa sabiħa.

It-​tieġ beda b’taħdita taż-​żwieġ li saret ġewwa sala tal-​komunità f’Soweto. Imbagħad kor taʼ żgħażagħ Kristjani kanta għanjiet taʼ tifħir lil Alla f’armonija b’erbaʼ vuċijiet. Wara dan, kien hemm ikla għall-​mistidnin, waqt li fl-​isfond indaqqu b’volum baxx diversi melodiji tas-​Saltna rrekordjati. Ma ġie servut ebda xorb alkoħoliku, u ma kienx hemm mużika tgħajjat jew żfin. Minflok, il-​mistidnin ħadu gost jassoċjaw flimkien u jifirħu lill-​għarajjes. B’kollox, l-​okkażjoni damet sejra madwar tliet sigħat. “Kien tieġ li dejjem se jibqaʼ jġibli memorji sbieħ,” jiftakar Raymond, anzjan Kristjan.

Meta żżewġu, Welsh u Elthea kienu qed jagħmlu xogħol volontarju fil-​fergħa tal-​Watchtower Bible and Tract Society fl-​Afrika t’Isfel. Setgħu jaffordjaw biss tieġ żgħir. Xi Kristjani għażlu li ma jkomplux fil-​ministeru full-time u jsibu impjieg sekulari sabiex ilaħħqu maʼ l-​ispejjeż taʼ tieġ elaborat. Madankollu, Welsh u Elthea xejn ma jiddispjaċihom li għażlu li jagħmlu tieġ żgħir, għaliex dan ippermettielhom li jkomplu jaqdu lil Alla bħala ministri full-time sakemm twieldet Zinzi.

Iżda, xi ngħidu kieku l-​għarajjes kellhom jagħżlu li tindaqq mużika oħra minflok il-​melodiji tas-​saltna, kif ukoll li jkun hemm iż-​żfin fit-​tieġ tagħhom? Jew kieku kellhom jiddeċiedu li jservu l-​inbid jew xorb alkoħoliku ieħor? Xi ngħidu jekk ikunu jaffordjaw li jagħmlu tieġ kbir u elaborat? Kif jistgħu jkunu ċerti li t-​tieġ tagħhom ikun wieħed taʼ ferħ u li jkun xieraq għal dawk li jgħidu li jaduraw lil Alla? Mistoqsijiet bħal dawn jeħtieġ li jiġu kunsidrati bir-​reqqa, għax il-​Bibbja tikkmanda: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-​glorja taʼ Alla.”—1 Korintin 10:31.

Nevitaw it-​Tbahrid

Huwa diffiċli li timmaġina tieġ mingħajr ferħ. Iżda, hemm periklu ferm akbar li l-​affarijiet imorru fl-​estrem l-​ieħor u jkun hemm ħafna tbahrid bla kontroll. F’ħafna tiġijiet li ma jkunux tax-​Xhieda taʼ Jehovah jsiru affarijiet li jġibu diżunur lil Alla. Per eżempju, hija ħaġa komuni ħafna li n-​nies jibqgħu jixorbu l-​alkoħol sakemm jiskru. B’sogħba, dan ġara saħansitra f’xi tiġijiet Kristjani.

Il-Bibbja twissi li “x-​xorb qawwi [huwa] storbjuż.” (Proverbji 20:1) Il-​kelma Ebrajka tradotta “storbjuż” tfisser li “tagħmel ħsejjes kbar.” Jekk l-​alkoħol jistaʼ jġiegħel lil persuna waħda tkun storbjuża, immaġina x’jistaʼ jiġri jekk għadd kbir taʼ nies miġburin flimkien jixorbu żżejjed! Ovvjament, okkażjonijiet bħal dawn malajr jistgħu jinbidlu f’“sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn,” li fil-​Bibbja huma msemmijin bħala “għemejjel tal-​ġisem.” Kulmin jipprattika affarijiet bħal dawn mingħajr ma jindem ma jistax jiret il-​ħajja taʼ dejjem taħt il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla.​—Galatin 5:​19-21.

Il-kelma Griega għal “tbahrid” kienet tintuża biex tiddeskrivi ċorma żgħażagħ storbjużi nofshom fis-​sakra li jgħaddu mit-​triq ikantaw, jiżfnu, u jdoqqu. Jekk f’tieġ kulħadd jibda jixrob alkoħol kemm irid, u jekk ikun hemm mużika tgħajjat u żfin bla kontroll, dan joħloq periklu serju li dik l-​okkażjoni tinbidel f’waħda taʼ tbahrid. F’atmosfera bħal din, dawk li jkunu dgħajfin malajr jistgħu jaqgħu fit-​tentazzjoni u jikkommettu għemejjel oħrajn tal-​ġisem, bħal “żína, faħx, nuqqas taʼ rażan, . . . [jew iċedu għall-​] korla.” X’jistaʼ jsir biex jiġi evitat li għemejjel tal-​ġisem bħal dawn itellfu l-​gost kollu waqt tieġ Kristjan? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, ejja nikkunsidraw dak li tgħid il-​Bibbja dwar tieġ partikulari.

Tieġ li Attenda Ġesù

Ġesù u d-​dixxipli tiegħu ġew mistidnin għal tieġ f’Kana tal-​Galilija. Huma aċċettaw l-​istedina, u Ġesù saħansitra għamel xi ħaġa biex jikkontribwixxi għall-​ferħ taʼ l-​okkażjoni. Meta naqas l-​inbid, hu mirakolożament ipproduċa iktar inbid, li kien taʼ l-​ifjen kwalità. L-​għarus kien ferm grat għal dak li għamel Ġesù. Wara t-​tieġ, l-​inbid li kien fadal bla dubju wżawh hu u l-​familja tiegħu għal xi żmien wara.—Ġwann 2:​3-11.

Hemm diversi lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mit-​tieġ li attenda Ġesù. L-​ewwelnett, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu ma qabdux u marru t-​tieġ mingħajr ma kienu mistidnin. Il-​Bibbja tgħid speċifikament li huma kienu ġew mistidnin. (Ġwann 2:​1, 2) Fi qbil maʼ dan, f’żewġ tixbihat li uża dwar festi tat-​tieġ, Ġesù tkellem ripetutament dwar il-​mistidnin bħala li huma kienu preżenti għax kienu ġew mistidnin formalment.—Mattew 22:​2-4, 8, 9; Luqa 14:8-10.

F’xi pajjiżi hemm id-​drawwa li kulmin irid jistaʼ jattendi għal festa tat-​tieġ, sew jekk ikun mistieden u sew jekk le. Madankollu, dan jistaʼ jwassal għal piż finanzjarju kbir. L-​għarajjes li ma jkollhomx ħafna flus għandhom mnejn jiddejnu sabiex ikunu ċerti li jkun hemm biżżejjed ikel u xorb għal numru taʼ nies bla limitu. Għalhekk, jekk l-​għarajjes Kristjani jiddeċiedu li jagħmlu tieġ żgħir b’numru speċifiku taʼ mistidnin, Kristjani sħabhom li ma jkunux mistidnin għandhom jifhmu u jirrispettaw id-​deċiżjoni tagħhom. Raġel li żżewweġ f’Cape Town, l-​Afrika t’Isfel, stieden 200 ruħ għat-​tieġ tiegħu. Madankollu, spiċċa biex marru xi 600 ruħ, u ma damx ma nħela l-​ikel kollu li kien hemm. Fost dawk li marru mingħajr ma kienu mistidnin kien hemm xarabank mimlija turisti li kienu qed iżuru Cape Town fl-​istess ġurnata meta sar it-​tieġ. Il-​gwida taʼ dan il-​grupp kien jiġi mill-​għarusa mill-​bogħod u ħaseb li kellu d-​dritt jieħu lill-​grupp kollu mingħajr lanqas biss javża lill-​għarus jew lill-​għarusa!

Jekk ma jkunx intqal minn qabel li kulħadd jistaʼ jattendi għar-​riċeviment tat-​tieġ, wieħed li hu segwaċi veru taʼ Kristu mhux se jaqbad u jmur għar-​riċeviment tat-​tieġ mingħajr ma jkun mistieden u jieħu mill-​ikel u x-​xorb li jiġu servuti lill-​mistidnin. Dawk li tiġihom it-​tentazzjoni li jaqbdu u jmorru mingħajr ma jkunu mistidnin għandhom jistaqsu lilhom infushom, ‘Ma nkunx qed nuri nuqqas taʼ mħabba għall-​miżżewġin friski jekk naqbad u mmur għal din il-​festa tat-​tieġ? Ma nkunx qed noħloq inkonvenjenza u ntellef mill-​ferħ taʼ l-​okkażjoni?’ Minflok ma jieħu għalih talli ma jkunx ġie mistieden, Kristjan matur jistaʼ b’imħabba jibgħat messaġġ biex jifraħ lill-​koppja u jixtiqilhom il-​barka taʼ Jehovah. Jistaʼ wkoll jaħseb jekk jistax jgħin lill-​koppja billi jibagħtilhom xi rigal biex iżid mal-​ferħ tal-​jum tat-​tieġ tagħhom.—Koħèlet 7:9; Efesin 4:28.

Min Hu Responsabbli?

F’xi partijiet taʼ l-​Afrika, hemm id-​drawwa li l-​arranġamenti tat-​tieġ jieħdu ħsiebhom qraba li huma akbar fl-​età. Xi koppji jistgħu jħossuhom grati għal dan, peress li b’hekk huma jinħelsu mill-​piż finanzjarju. Għandhom mnejn iħossu li dan jeħlishom ukoll mir-​responsabbiltà taʼ dak li jistaʼ jiġri. Madankollu, qabel ma jaċċettaw kwalunkwe tip t’għajnuna mingħand qraba li jkollhom intenzjoni tajba, l-​għarajjes għandhom ikunu ċerti li x-​xewqat persunali tagħhom se jiġu rispettati.

Għalkemm Ġesù kien l-​Iben t’Alla li “niżel mis-​sema,” m’hemm ebda indikazzjoni li ħa kollox f’idejh u qagħad jikkmanda hu kif kellhom isiru ħafna mill-​affarijiet fit-​tieġ taʼ Kana. (Ġwann 6:41) Minflok, ir-​rakkont Bibliku jgħidilna li kien hemm xi ħadd ieħor li kien ġie mqabbad biex ikun il-​“kap tal-​festa.” (Ġwann 2:​8, ) Min-​naħa tiegħu, dan ir-​raġel ried jagħti kont lill-​kap tal-​familja ġdid, jiġifieri lill-​għarus, għal dak kollu li jsir.—Ġwann 2:​9, 10.

Qraba li huma Kristjani għandhom jirrispettaw lill-​kap tal-​familja l-​ġdida, li hu maħtur minn Alla. (Kolossin 3:​18-20) Hu l-​wieħed li għandu jerfaʼ r-​responsabbiltà taʼ dak li jiġri waqt it-​tieġ tiegħu. Naturalment, l-​għarus għandu jkun raġunevoli u, jekk inhu possibbli, jagħmel dak li jixtiequ l-​għarusa, il-​ġenituri, u l-​kunjati tiegħu. Xorta waħda, jekk il-​qraba jinsistu li jagħmlu arranġamenti li jmorru kontra dak li jixtiequ l-​għarajjes, allura l-​għarajjes għandu mnejn ikollhom bl-​edukazzjoni kollha jirrifjutaw l-​għajnuna tagħhom u jħallsu huma għat-​tieġ żgħir tagħhom. B’dan il-​mod, ma jiġri xejn li minħabba fih l-​għarajjes jibqgħalhom memorji xejn sbieħ tat-​tieġ tagħhom. Per eżempju, f’tieġ Kristjan li sar fl-​Afrika, qarib li ma kienx taʼ l-​istess twemmin u li kien il-​best man fit-​tieġ ippropona li jixorbu grokk f’ġieħ l-​antenati mejtin!

Xi drabi, il-​miżżewġin friski jitilqu għall-​qamar il-​għasel tagħhom qabel ma jispiċċa t-​tieġ. F’dan il-​każ, l-​għarus għandu jagħmel arranġamenti biex uħud responsabbli jagħmlu ċert li jibqgħu jinżammu l-​livelli tal-​Bibbja u li t-​tieġ jispiċċa f’ħin raġunevoli.

Ippjanar bir-​Reqqa u Bilanċ

Mid-​dehra, kien hemm ħafna ikel tajjeb fit-​tieġ li attenda Ġesù, għax il-​Bibbja tiddeskrivih bħala festa tat-​tieġ. Bħalma diġà rajna, kien hemm ukoll ħafna nbid. Bla dubju, kien hemm mużika addattata u żfin dinjituż għaliex dan kien aspett komuni fil-​ħajja soċjali Lhudija. Ġesù wera dan fit-​tixbieha famuża tiegħu dwar l-​iben il-​ħali. Il-​missier għani f’din l-​istorja tant kien ferħan li ibnu nidem u reġaʼ lura li qal: “Ħa nieklu u nagħmlu festa.” Skond Ġesù, din iċ-​ċelebrazzjoni kienet tinkludi “daqq u żfin.”—Luqa 15:​23, 25.

Madankollu, punt interessanti hu li l-​Bibbja ma tirreferix b’mod speċifiku għall-​mużika u ż-​żfin fit-​tieġ taʼ Kana. Fil-​fatt, ma ssir ebda referenza għaż-​żfin f’xi wieħed mir-​rakkonti Bibliċi dwar tiġijiet. Jidher li fost il-​qaddejja leali t’Alla fi żminijiet Bibliċi, iż-​żfin ma kienx l-​iktar ħaġa importanti fit-​tieġ tagħhom. Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa minn dan?

F’xi tiġijiet Kristjani fl-​Afrika jintużaw sistemi elettroniċi tas-​sawnd li jkunu qawwijin ħafna. Il-​mużika jistaʼ jkollha volum tant għoli li l-​mistidnin ma jkunux jistgħu jkellmu lil xulxin bil-​kumdità. Xi drabi l-​ikel li jkun hemm ma jkunx biżżejjed, però ż-​żfin li faċilment isir bla kontroll żgur li ma jonqosx. Minflok ma tkun festa taʼ tieġ, okkażjoni bħal din għandha mnejn sempliċement isservi taʼ skuża biex isir party taż-​żfin. Barra minn hekk, il-​mużika tgħajjat taʼ spiss tiġbed nies li jħobbu jqajmu l-​inkwiet, nies barranin li sempliċement jaqbdu u jiġu mingħajr ma jkunu mistidnin.

Ladarba r-​rakkonti li hemm fil-​Bibbja dwar it-​tiġijiet ma jenfasizzawx il-​mużika u ż-​żfin, m’għandux dan ikun taʼ gwida għal koppja li qed tippjana tieġ li jġib unur lil Jehovah? Minkejja dan, bi tħejjija għal diversi tiġijiet reċenti li saru fl-​Afrika t’isfel, xi żgħażagħ Kristjani li ntgħażlu biex jakkumpanjaw lill-​għarusa qattgħu sigħat twal jipprattikaw passi taż-​żfin komplikati. Għal xhur sħaħ kienu jqattgħu ammont eċċessiv mill-​ħin tagħhom jagħmlu dan. Imma l-​Kristjani jridu ‘jirbħu l-​ħin’ għall-​affarijiet iktar importanti, bħax-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar, l-​istudju persunali, u l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani.—Efesin 5:​16, Saydon; Filippin 1:​10.

L-ammont taʼ nbid li pprovda Ġesù jindika li t-​tieġ li sar f’Kana kien wieħed kbir u elaborat. Madankollu, nistgħu nibqgħu ċerti li din l-​okkażjoni ma kinitx waħda storbjuża u li l-​mistidnin m’abbużawx mill-​alkoħol bħalma ġieli ġara f’ċerti tiġijiet Lhud. (Ġwann 2:10) Kif nistgħu nkunu ċerti minn dan? Għaliex kien hemm il-​Mulej Ġesù Kristu preżenti. Min-​nies kollha preżenti, Ġesù kien ikun l-​iktar wieħed li joqgħod attent biex jobdi l-​kmand t’Alla rigward sħubija ħażina: “Tagħmilhiex maʼ dawk li jlegilgu l-​inbid.”—Proverbji 23:20.

Għalhekk, jekk l-​għarajjes jiddeċiedu li fit-​tieġ tagħhom jiġi servut l-​inbid jew xorb alkoħoliku ieħor, għandhom jagħmlu arranġamenti biex dan ikun taħt kontroll strett minn persuni responsabbli. U jekk jiddeċiedu li jkun hemm il-​mużika, għandhom jagħżlu melodiji addattati u jqabbdu persuna responsabbli biex tikkontrolla l-​volum. Il-​mistidnin m’għandhomx jitħallew jieħdu l-​kontroll f’idejhom u jdoqqu xi mużika li jkun hemm dubju jekk hijiex addattata għall-​Kristjani, jew inkella jgħollu l-​volum f’livell li ma jkunx raġunevoli. Jekk se jkun hemm iż-​żfin, dan għandu jsir b’mod li ma jġibx tmaqdir u li jkun kontrollat. Jekk xi qraba li m’humiex taʼ l-​istess twemmin jew xi Kristjani immaturi jiżfnu b’mod vulgari jew senswali, l-​għarus għandu mnejn ikollu jibdel it-​tip taʼ mużika jew bit-​tattika jitlob biex iż-​żfin jieqaf. Inkella t-​tieġ jistaʼ jispiċċa fi frattarija sħiħa u jikkaġuna tfixkil.—Rumani 14:21.

Minħabba l-​perikli li jġibu magħhom ċerti tipi taʼ żfin modern, il-​mużika tgħajjat, u abbundanza t’alkoħol, kien hemm każi fejn għarus Kristjan iddeċieda li ma jinkludix dawn l-​affarijiet fit-​tieġ tiegħu. Xi wħud ġew kritikati għal dan, imma minflok, dawn jixirqilhom li jiġu mfaħħrin għax-​xewqa tagħhom biex jevitaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ġġib tmaqdir fuq l-​isem imqaddes t’Alla. Min-​naħa l-​oħra, f’xi każi, l-​għarus jagħmel arranġamenti biex ikun hemm mużika addattata, ħin għaż-​żfin, u alkoħol servut f’ammont limitat. Ikun x’ikun il-​każ, l-​għarus hu responsabbli għal dak li jippermetti li jsir fit-​tieġ tiegħu.

Fl-Afrika, xi wħud li xejn m’huma maturi jmaqdru tiġijiet Kristjani li jsiru b’mod dinjituż billi jgħidu li ħassewhom qishom marru xi funeral. Madankollu, din m’hijiex ħarsa bilanċjata. Għemejjel midinba tal-​ġisem għandhom mnejn iġibu eċċitament temporanju, imma dawn jibqgħu fuq il-​kuxjenza taʼ min hu Kristjan u jġibu tmaqdir fuq l-​isem t’Alla. (Rumani 2:24) Mill-​banda l-​oħra, l-​ispirtu qaddis t’Alla jipproduċi ferħ ġenwin. (Galatin 5:22) Ħafna koppji Kristjani jħossuhom kburin meta jiftakru fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħhom, għaliex jafu li din kienet okkażjoni taʼ ferħ u mhux waħda “taʼ tfixkil.”—2 Korintin 6:3.

Welsh u Elthea għadhom jiftakru sal-​lum il-​ħafna kummenti favorevoli tal-​qraba li m’humiex taʼ l-​istess twemmin tagħhom li kienu marru t-​tieġ tagħhom. Wieħed minnhom qal: “Aħna xbajna mit-​tiġijiet storbjużi li jagħmlu l-​lum. Veru ħadna gost li għal darba, morna tieġ suret in-​nies.”

L-iktar ħaġa importanti hi li tiġijiet Kristjani li jkunu ferriħin u li jsiru b’mod dinjituż iġibu unur lill-​Oriġinatur taż-​żwieġ, Alla Jehovah.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]

TFAKKIRIET IMPORTANTI GĦAR-​RIĊEVIMENT TAT-​TIEĠ TIEGĦEK

• Jekk tqabbad lil xi qarib li m’huwiex taʼ l-​istess twemmin biex jagħmel erbaʼ kelmiet, ċert int li mhux se jinkludi xi tradizzjoni li m’hijiex Kristjana?

• Jekk se tindaqq xi mużika, għażilt biss diski addattati għall-​Kristjani?

• Il-​mużika se tindaqq b’volum raġunevoli?

• Jekk se tippermetti li jsir iż-​żfin, se jsir dan b’mod li ma jġibx tmaqdir?

• L-​alkoħol se jiġi servut biss f’ammont limitat?

• Se jkun hemm uħud responsabbli biex jikkontrollaw kif dan jiġi mqassam?

• Iffissajt int ħin raġunevoli li fih għandu jispiċċa t-​tieġ?

• Se jkun hemm uħud responsabbli preżenti biex ikunu ċerti li jżommu l-​ordni sa l-​aħħar?