Nibqgħu Leali lejn Jehovah
GĦALKEMM il-lealtà hija xi ħaġa imprezzabbli li rari ssibha llum, din hija kwalità li jintgħarfu minnha l-qaddejja taʼ dak Alla veru, Jehovah. Xi ħadd leali jibqaʼ sod waqt li jkun għaddej mill-provi u ma jċedix avolja jgħaddu ħafna snin. Ikkunsidra lis-Sultan twajjeb Ħeżekija. “Warajh ma kien hemm ħadd bħalu fost is-slaten kollha taʼ Ġuda, la taʼ warajh u lanqas taʼ qablu,” tistqarr il-Bibbja. X’kien li għamlu daqshekk uniku lil Ħeżekija? Hu “kien miġbud lejn il-Mulej [“tqabbad mal-Mulej,” Saydon],” avolja kien imdawwar minn dawk li kienu jaduraw lill-alla falz Molek. Iva, Ħeżekija “ma warrab qatt minn warajh [minn wara Jehovah]; u kien iħares l-ordnijiet tiegħu.”—2 Slaten 18:1-6.
L-appostlu Pawlu kien xi ħadd ieħor li baqaʼ leali lejn Jehovah. Fl-Iskrittura Griega Kristjana nsibu rekord tal-ministeru tiegħu li jagħti xiehda ħajja dwar kemm Pawlu dejjem baqaʼ jaqdi lil Alla b’ruħu kollha. Meta kien wasal biex itemm il-korsa tiegħu fuq l-art, Pawlu setaʼ jgħid dan dwaru nnifsu: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.”—2 Timotju 4:7.
X’eżempji mill-aħjar taʼ lealtà huma għalina Ħeżekija u Pawlu! Jalla nimitaw il-fidi tagħhom billi nibqgħu leali lejn Jehovah, dak Alla Grandjuż tagħna.—Lhud 13:7.