Għala Għandna Negħlbu l-Perfezzjoniżmu?
Int dejjem tistinka biex tagħmel mill-aħjar li tistaʼ? M’hemmx dubju, meta tagħmel dan jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalik u għal taʼ madwarek f’ħafna modi. Mill-banda l-oħra, xi wħud marru fl-estrem u saru perfezzjonisti. Dan x’jimplika?
SEWWA, tifsira waħda tal-kelma “perfezzjoniżmu” hi “tendenza li twarrab kwalunkwe ħaġa li m’hijiex perfetta.” Int x’aktarx li ltqajt maʼ nies li għandhom din it-tendenza. Tistaʼ tara li huma tant jistennew iżżejjed minn oħrajn li dan jistaʼ joħloq ħafna problemi, u jwassal għal nuqqas taʼ sodisfazzjon u skuraġġiment. Il-biċċa l-kbira tan-nies b’moħħhom f’loku jirrikonoxxu li l-perfezzjoniżmu, fis-sens taʼ li jistennew iżżejjed u b’mod mhux raġunevoli minn kull aspett fil-ħajja, m’huwiex taʼ min jixtiequ. Hija xi ħaġa li trid tingħeleb. Madankollu, il-problema tinqalaʼ meta niġu għall-attitudni jew it-tendenza tagħna stess. Forsi nsibuha diffiċli biex nirrikonoxxu li għandna t-tendenza li nistennew dan it-tip taʼ perfezzjoni, u għalhekk hija taʼ sfida għalina biex negħlbuha.
Nelson għandu responsabbiltà kbira kif ukoll ħafna problemi x’isolvi. Hu janalizza regolarment l-istatistiċi, u għalih, l-iktar ħaġa importanti hi kemm itellaʼ xogħol. Taʼ spiss il-perfezzjoniżmu jkun jidher neċessarju biex negozju jkollu suċċess f’suq kompetittiv. Għalkemm xi wħud għandhom mnejn japprezzaw l-effiċjenza taʼ Nelson, il-perfezzjoniżmu tiegħu joħloqlu problemi fiżiċi, bħal uġigħ taʼ ras u tensjoni. Taħseb li għandek l-istess karatteristiċi bħal taʼ Nelson?
Iż-żgħażagħ ukoll jiġu effettwati mill-perfezzjoniżmu. Meta kienet għadha żgħira Rita, minn Rio de Janeiro, kienet tieħu pjaċir tmur l-iskola. Hi kienet tipprova ma tidhirx ambizzjuża, iżda meta ma kinitx iġġib l-ogħla marki kienet tħossha diżappuntata għall-aħħar. Rita tgħid: “Sa minn tfuliti, kont inqabbel lili nnifsi m’oħrajn li kellhom ħafna ħin, waqt li jien dejjem kont inħossni taħt pressjoni u nagħmel kollox bil-ġenn. Qatt ma ħassejt li kelli ħin għall-mistrieħ għax dejjem kien ikolli xi ħaġa x’nagħmel.”
Meta kienet għadha daqsxejn taʼ tifla, Maria kienet tirrabja meta ma kienx jirnexxilha tpinġi tajjeb bħall-oħrajn. Iżjed minn hekk, meta kienet qed timmira l-perfezzjoni artistika fil-mużika, taʼ spiss kienet taqbadha tensjoni u toqgħod tinkwieta minflok ma kienet tieħu pjaċir iddoqq u tkanta. Tânia, tifla Brażiljana oħra, ipprovat tkun għaqlija u tevita l-kompetizzjoni. Madankollu, hi tammetti li xorta waħda kienet tpoġġi ċerti livelli għoljin iżżejjed għaliha nfisha, kemm fl-iskola kif ukoll fid-dar. Hi kienet tħoss li sakemm xogħolha ma kienx ikun pinna, ma kinitx se tinġieb wisq man-nies. Iktar minn hekk, xi drabi Tânia kienet tistenna wisq minn oħrajn, u dan kien iġagħalha tħossha diżappuntata u mdejqa.
L-abbiltà, il-bżulija, u s-sens taʼ sodisfazzjon persunali huma importanti. Iżda jibqaʼ l-fatt li jekk wieħed jagħmel miri li ma jistax jilħaqhom dan jistaʼ jirriżulta f’sentimenti negattivi, bħall-biżaʼ li ma jirnexxix. Il-ġenituri jew xi persuni oħrajn għandhom mnejn jistabbilixxu ċertu livell taʼ perfezzjoni fix-xogħol taʼ l-iskola jew fl-isports li għaż-żgħażagħ jistaʼ jkun diffiċli biex jilħquh. Per eżempju, omm Ricardo kienet tistenna ħafna minnu, billi xtaqitu jsir tabib, idoqq il-pjanu, u jitkellem diversi lingwi. Tistaʼ tara kif b’din l-attitudni, meta tkun waħda estrema, tkun qed tistieden il-problemi jew id-diżappunti?
Għala Għandna Nevitaw il-Perfezzjoniżmu?
It-tip taʼ xogħol mitlub huwa dak taʼ kwalità superjuri, fejn wieħed jilħaq livelli għoljin taʼ preċiżjoni u li jibbrilla. Għalhekk, hemm kompetizzjoni kbira fil-kamp tax-xogħol. Fattur ieħor li jġiegħel lil ħafna jistinkaw ferm iktar iebes hu l-biżaʼ li jitilfu l-mezz t’għajxien tagħhom. Xi ħaddiema jsiru bħal dak l-atleta li jagħmel sagrifiċċji estremi biex jikser xi rekord. Imbagħad, meta l-kompetizzjoni tkun waħda ħarxa, jistaʼ jħossu sforzat biex ikompli jżid fit-taħriġ tiegħu, forsi billi jieħu xi drogi ħalli jtejjeb lilu nnifsu u—jittama—li jirbaħ. Il-perfezzjoniżmu jieħu post l-isforzi mill-aħjar biex jintlaħaq l-aħjar livell. Minflok, il-perfezzjoniżmu jġiegħel lin-nies ikunu “mqanqlin mill-biżaʼ li ma jirnexxux” jew “motivati biex ikunu taʼ l-ewwel.”—The Feeling Good Handbook.
Irridu nammettu li xi wħud iħossu li jagħmlu x’jagħmlu fis-snajjaʼ jew fl-isports dejjem jistgħu jtejbu l-livell. Madankollu, skond Dr. Robert S. Eliot, “il-perfezzjoniżmu huwa stennija li qatt ma tistaʼ ssir realtà.” Hu jżid li l-perfezzjoniżmu huwa magħmul minn sens taʼ ħtija, attitudni difensiva, u biżaʼ taʼ twaqqigħ għaċ-ċajt. Għaldaqstant, kemm hu minnu l-kliem tas-Sultan għaref Salamun: “Rajt ukoll li t-taħbit kollu u l-ħerqa għax-xogħol m’humiex ħlief għira taʼ wieħed għal ieħor. Dan ukoll frugħa u ġiri wara r-riħ.”—Koħèlet 4:4.
X’tistaʼ tagħmel jekk għandek it-tendenza li tistenna l-perfezzjoni? Huwa veru li iktar ma tistinka, iktar se tkun diżappuntat? Tixtieq li tistenna inqas minnek innifsek u tkun iktar kalm? X’ifisser li tkun perfett? Tixxennaq biex tagħmel użu sħiħ mill-abbiltajiet kollha tiegħek filwaqt li tevita l-perfezzjoniżmu? Jekk il-bnedmin imperfetti jistgħu jużaw il-kapaċitajiet tagħhom mogħtijin minn Alla sabiex jiskopru affarijiet għall-benefiċċju t’oħrajn, immaġina x’tistaʼ twettaq l-umanità taħt kundizzjonijiet perfetti u gwida divina!
[Stampa f’paġna 4]
Il-ġenituri jew persuni oħrajn jistgħu jistennew il-perfezzjoni li ż-żgħażagħ ma jistgħux jiksbuha