Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-108 Klassi taʼ Gilgħad Imħeġġa Biex Tagħti Servizz Sagru

Il-108 Klassi taʼ Gilgħad Imħeġġa Biex Tagħti Servizz Sagru

FIL-​BIBBJA, taʼ sikwit issir referenza għall-​qima t’Alla bl-​espressjoni “servizz sagru.” Din ġejja minn terminu Grieg li jfisser li tagħti servizz lil Alla. (Rumani 9:4, NW) Għall-​programm taʼ gradwazzjoni tal-​108 klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) kien hemm preżenti 5,562 ruħ. Dawn semgħu b’attenzjoni kbira hekk kif il-​kelliema taw lil dawk li kienu se jiggradwaw pariri prattiċi li jistgħu jgħinuhom jagħtu servizz sagru b’mod aċċettabbli lil Alla Jehovah. a

Iċ-​chairman kien Theodore Jaracz, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​programm ngħata bidu b’għanja numru 52 intitolata “Isem Missierna.” It-​tieni strofa taʼ din l-​għanja tiddikjara: “Modi nfittxu dejjem aħna biex inqaddsu ’l ismek kbir.” Dan esprima tabilħaqq ix-​xewqa mill-​qalb taʼ l-​istudenti tal-​klassi li kienet se tiggradwa (li ġew minn 10 pajjiżi) li jużaw it-​taħriġ li rċivew fl-​inkarigi missjunarji tagħhom, li kienu se jkunu fi 17-il pajjiż differenti.

Fir-rimarki tal-​ftuħ, Ħuna Jaracz ġibed l-​attenzjoni lejn l-​istudju tal-​Bibbja li sar bir-​reqqa mill-​istudenti f’dawn il-​ħames xhur u li ppreparahom għas-​servizz f’għalqa barranija. Dan għenhom ukoll biex ikunu żguri mill-​affarijiet kollha, jiġifieri, jeżaminaw fid-​dettall u fid-​dawl tal-​Kelma t’Alla dak li kienu tgħallmu qabel, u jżommu sod maʼ dak li hu tajjeb. (1 Tessalonikin 5:21) Hu inkuraġġiehom biex iżommu fedelment maʼ Jehovah, mal-​Kelma tiegħu, u maʼ l-​inkarigi li ġew imħarrġin għalihom. X’se jgħinhom f’dan kollu?

Pariri Prattiċi biex Jagħtu Servizz Sagru

Imbagħad tkellem Lon Schilling, membru tal-​Bethel Operations Committee (il-kumitat li jieħu ħsieb l-​iffunzjonar tad-​djar Betel, il-​faċilitajiet taʼ l-​istampar u affarijiet oħra li tippossiedi l-​fergħa taʼ l-​Istati Uniti). It-​tema tiegħu kienet “Se Tgħaddi mit-​Test tar-​Raġunevolezza?” Hu enfasizza l-​valur taʼ li wieħed ikun raġunevoli, li jirrifletti l-​għerf divin. (Ġakbu 3:17) Li tkun raġunevoli jfisser li ċċedi, kif ukoll li tkun imparzjali, bilanċjat, turi konsiderazzjoni, u tissaporti. “Nies raġunevoli jittrattaw m’oħrajn b’mod bilanċjat. Huma ma jmorrux fl-​estrem,” qal Ħuna Schilling. X’jistaʼ jgħin missjunarju jkun raġunevoli? Li jkollu ħarsa modesta tiegħu nnifsu, jieħu vantaġġ mill-​opportunitajiet biex jismaʼ lil oħrajn u jitgħallem mingħandhom, u jkun lest li jikkunsidra l-​opinjonijiet t’oħrajn mingħajr ma jikkomprometti l-​prinċipji divini.—1 Korintin 9:19-23.

Il-parti li kien imiss fil-​programm kellha titlu li jqajjem il-​kurżità, “Tinsewx Tieklu!” Din ngħatat minn Samuel Herd, membru ieħor tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Hu enfasizza l-​valur taʼ li wieħed ikollu dieta spiritwali tajba ħalli jibqaʼ f’saħħtu biex jagħti servizz sagru. “L-​attività spiritwali tagħkom,” qal Ħuna Herd, “dalwaqt se tiżdied hekk kif tidħlu b’ruħkom u b’ġisimkom għall-​inkarigu tagħkom taʼ li tippridkaw u tgħallmu. Għalhekk, se jkollkom bżonn li żżidu l-​ammont taʼ ikel spiritwali li tieħdu biex iżżommu l-​forzi tagħkom f’bilanċ.” Dieta tajba u regulari taʼ ikel spiritwali tistaʼ tgħin lill-​missjunarji jevitaw id-​dipressjoni spiritwali u d-​dwejjaq li kultant jistgħu jaħkmuhom għax ikunu ’l bogħod minn pajjiżhom. Tgħinhom ukoll isibu l-​kuntentizza u jkunu determinati li jibqgħu fl-​inkarigu tagħhom taʼ servizz sagru.—Filippin 4:13.

Wieħed mill-​għalliema taʼ Gilgħad, Lawrence Bowen, inkuraġġixxa lill-​istudenti li kienu se jiggradwaw biex ‘Imorru Lura għall-​Bidu.’ X’ried ifisser? Hu stieden lil dawk kollha fl-​udjenza biex isibu Proverbji 1:7, li jgħid: “Il-​biżaʼ tal-​Mulej hu l-​bidu taʼ l-​għerf.” Il-​kelliemi spjega: “Kull ħaġa li twarrab il-​fatt ewlieni li Jehovah jeżisti qatt ma tistaʼ tkun għarfien ġenwin tassew jew tirriżulta f’fehma xierqa.” Ħuna Bowen xebbah dettalji mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, mal-​biċċiet taʼ jigsaw puzzle. Meta tgħaqqad il-​biċċiet flimkien, dawn jifformaw stampa. Iktar ma jkollok biċċiet, iktar se tikber u tiċċara l-​istampa u iktar se jikber l-​apprezzament taʼ l-​individwu. Dan jistaʼ jgħin lil kulħadd biex jagħti servizz sagru lil Alla.

Wallace Liverance, ir-​reġistratur taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad, ikkonkluda s-​serje taʼ taħditiet. It-​tema tiegħu kienet “Agħtu ’l Alla Sagrifiċċju taʼ Radd il-​Ħajr.” Hu ġibed l-​attenzjoni lejn ir-​rakkont taʼ meta Ġesù fejjaq lill-​għaxar imġiddmin. (Luqa 17:11-19) Wieħed biss mar lura jfaħħar ’l Alla u jirringrazzja lil Ġesù. “M’hemmx dubju, l-​oħrajn kienu fis-​sebaʼ sema għax tnaddfu. Huma kienu kuntenti bil-​kundizzjoni nadifa tagħhom, iżda milli jidher, kulma riedu kien li jiġu timbrati nodfa mill-​qassis,” ikkummenta Ħuna Liverance. It-​tindif spiritwali li jiġi milli titgħallem il-​verità, flimkien mar-​radd il-​ħajr, għandu jimmotiva lil dak li jkun biex jirringrazzja lil Alla għall-​qalb tajba tiegħu. L-​istudenti tal-​108 klassi taʼ Gilgħad ġew imħeġġin biex jimmeditaw fuq l-​għemejjel kollha t’Alla u l-​qalb tajba tiegħu sabiex is-​servizz u s-​sagrifiċċji tagħhom ikunu jirriflettu l-​gratitudni lejn Jehovah.—Salm 50:14, 23; 116:12, 17.

Esperjenzi u Intervisti Kif Tagħmel Dan

Mark Noumair, għalliem ieħor f’Gilgħad, ħa ħsieb il-​parti li kien imiss fil-​programm. Din kienet tittratta dwar l-​esperjenzi li l-​klassi kellha fis-​servizz taʼ l-​għalqa matul il-​perijodu taʼ taħriġ. Bħala medja, l-​istudenti kienu qattgħu madwar 12-il sena fis-​servizz full-time qabel ma ġew Gilgħad. Waqt li kienu l-​iskola, huma bdew numru sabiħ taʼ studji tal-​Bibbja maʼ nies li għandhom sfondi differenti, u dan juri li l-​istudenti kienu jafu kif isiru “kollox maʼ kulħadd.”—1 Korintin 9:22.

Wara l-​esperjenzi taʼ l-​istudenti, Charles Molohan u William Samuelson intervistaw lil xi wħud mill-​membri tal-​familja Betel u indokraturi li jivvjaġġaw li kienu attendew Gilgħad. Wieħed ħu li ġie intervistat, Robert Pevy, qeda fil-​Filippini wara li ggradwa mill-​51 klassi taʼ Gilgħad. Hu fakkar lill-​klassi: “Meta tinqalaʼ xi problema, kulħadd jagħti s-​suġġerimenti tiegħu kif għandek issolviha. Dejjem issib li hemm xi ħadd li hu intelliġenti iżjed minnek, xi ħadd li joħroġ b’idea aħjar. Imma jekk tfittex fil-​Bibbja u tipprova tara x’inhi l-​ħarsa t’Alla dwar l-​affarijiet, ħadd ma jkun jistaʼ jsib xi ħaġa aħjar. Din dejjem se tkun l-​aqwa soluzzjoni.”

Biex itemm il-​programm spiritwali mill-​aħjar, John Barr, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, tkellem fuq it-​tema “Agħtu Servizz Sagru lil Jehovah b’Mod Aċċettabbli.” Hu wera kif nistgħu nirriflettu s-​servizz sagru fil-​ministeru taʼ l-​għalqa biex ngħinu lil dawk taʼ qalb onesta jqimu lil Alla b’mod aċċettabbli. Wara li rrefera għall-​kliem taʼ Ġesù f’Mattew 4:10, Ħuna Barr qal, “Jekk irridu nqimu biss lil Jehovah, irridu nwarrbu kull forma sottili taʼ idolatrija, bħal li nixxennqu għal dak li għandu ħaddieħor, nixtiequ li jkollna l-​ġid materjali, u nfittxu l-​avvanz persunali. Kemm jagħmilna ferħanin il-​ħsieb, li matul is-​snin mill-​1940 ’l hawn il-​missjunarji tagħna waqqfu rekord eċċellenti f’dan ir-​rigward! U nħossuna ċerti li intom il-​gradwati tal-​108 klassi taʼ Gilgħad se timxu fuq l-​eżempju tagħhom. Intom se tagħtu servizz sagru lil Jehovah, li hu waħdu jistħoqqlu jirċievi.”

Din kienet quċċata pożittiva taʼ programm li kien ferm inkuraġġanti u li jibni. Issa kien sar il-​ħin biex jingħataw tislijiet taʼ ferħ minn madwar id-​dinja, jitqassmu d-​diplomi, u tinqara l-​ittra li kitbet il-​klassi biex turi l-​apprezzament tagħha għat-​taħriġ li ngħatat. L-​istudenti li ggradwaw ġew imħeġġin biex iżommu sod u jipperseveraw fl-​inkarigi tagħhom u f’li jaqdu lil Jehovah. Kulmin kien preżenti, inkluż il-​mistidnin minn 25 pajjiż, ngħaqdu flimkien biex itemmu l-​programm b’għanja u talba.

[Nota taʼ taħt]

a Il-programm li sar fil-​11 taʼ Marzu, 2000, inżamm fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower f’Patterson, New York.

[Kaxxa f’paġna 23]

STATISTIĊI TAL-​KLASSI

Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 10

Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 17

Numru taʼ studenti: 46

Età medja: 34

Medja taʼ snin fil-​verità: 16

Medja taʼ snin fil-​ministeru full-time: 12

[Stampa f’paġna 24]

Il-​108 Klassi li Ggradwat mill-​Iskola taʼ Gilgħad

Fil-​lista t’hawn taħt, ir-​ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-​ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-​xellug għal-​lemin.

(1) Amadori, E.; Cook, O.; Byrne, M.; Lee, A. (2) Newsome, D.; Pederzolli, A.; Bigras, H.; Kato, T.; Gatewood, D. (3) Eade, D.; Eade, J.; Wells, S.; Jamison, J.; Gonzales, M.; Gonzales, J. (4) Kato, T.; Lohn, D.; Niklaus, Y.; Preiss, S.; Foster, P.; Ibarra, J. (5) Amadori, M.; Manning, M.; James, M.; Boström, A.; Gatewood, B.; Newsome, D. (6) Foster, B.; Jamison, R.; Hifinger, A.; Koffel, C.; Koffel, T.; Byrne, G. (7) Hifinger, K.; Manning, C.; Cook, J.; Boström, J.; Lohn, E.; Pederzolli, A. (8) James, A.; Wells, L.; Preiss, D.; Niklaus, E.; Lee, M.; Ibarra, P.; Bigras, Y.