“Intom Ilkoll Aħwa”
“Tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa.”—MATTEW 23:8.
1. Liema ħaġa għandna nikkunsidraw?
“MIN jixraqlu l-iktar ġieħ, missjunarju jew Betelit?” staqsiet innoċentement mara Kristjana f’pajjiż Orjentali lil waħda missjunarja mill-Awstralja. Hi riedet tkun taf min għandu jiġi rispettat l-iktar, jekk hux missjunarju minn pajjiż ieħor jew ministru lokali li jaqdi fil-fergħa tal-Watch Tower Society. Il-missjunarja nħasdet b’din il-mistoqsija innoċenti, li tirrifletti kultura li hi konxja dwar il-klassi jew il-pożizzjoni taʼ l-individwu. Madankollu, il-kwistjoni taʼ min hu l-akbar ġejja mix-xewqa li nkunu nafu x’pożizzjoni taʼ qawwa u influwenza jgawdu l-oħrajn.
2. Kif għandna nħarsu lejn l-adoraturi sħabna?
2 Din mhix xi ħaġa ġdida. Anki d-dixxipli taʼ Ġesù kienu dejjem jargumentaw bejniethom dwar min kien l-akbar. (Mattew 20:20-24; Mark 9:33-37; Luqa 22:24-27) Huma wkoll kienu ġejjin minn kultura li kienet konxja dwar il-klassi taʼ l-individwu, il-kultura tal-Ġudaiżmu fl-ewwel seklu. Peress li kellu f’moħħu dan it-tip taʼ soċjetà, Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Intom tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa.” (Mattew 23:8) Titlu reliġjuż bħal “Rabbi,” li jfisser “Għalliem,” “jistaʼ jnissel il-kburija u sens taʼ superjorità f’dawk li jiksbuh, u għira u sens taʼ inferjorità f’dawk li ma jiksbuhx; u dan l-ispirtu u din it-tendenza m’humiex fi qbil mas-‘sempliċità li hi fi Kristu,’” innota Albert Barnes, studjuż tal-Bibbja. Tabilħaqq, il-Kristjani ma jindirizzawx lill-indokraturi li hemm fosthom bil-kelma “anzjan” bħala titlu komplimentuż qabel isimhom. (Ġob 32:21, 22) Mill-banda l-oħra, anzjani li jgħixu fi qbil maʼ l-ispirtu tal-pariri taʼ Ġesù jagħtu ġieħ lill-membri l-oħrajn tal-kongregazzjoni, sewwa sew bħalma Jehovah jweġġaħ lill-adoraturi leali lejh, u Ġesù Kristu jweġġaħ lis-segwaċi leali tiegħu.
L-Eżempju taʼ Jehovah u Ġesù
3. Jehovah kif weġġaħ lill-ħlejjaq spirti tiegħu?
3 Għalkemm Jehovah hu ‘l-Iktar Għoli,’ mill-bidunett hu weġġaħ lill-ħlejjaq tiegħu billi stidinhom jieħdu sehem miegħu fix-xogħlijiet tiegħu. (Salm 83:19 [83:18, NW]) Meta ħalaq l-ewwel bniedem, Jehovah inkluda fil-proġett lill-Iben uniġenitu tiegħu bħala mgħallem. (Proverbji 8:27-30; Ġenesi 1:26) Jehovah saħansitra stieden lill-anġli tiegħu tas-sema jesprimu ruħhom dwar kif kellu jinqatel is-Sultan Aħab, li kien mill-agħar, meta Hu kien diġà qatagħha li jagħmel dan.—1 Slaten 22:19-23.
4, 5. Jehovah kif iweġġaħ lill-ħlejjaq umani tiegħu?
4 Jehovah jsaltan bħala s-Sovran Suprem taʼ l-univers. (Dewteronomju 3:24) M’għandux bżonn jieħu l-parir tal-bnedmin. Madankollu, hu jindenja ruħu, biex ngħidu hekk, li jagħti kas tagħhom. Wieħed salmista kanta: “Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed fl-għoli? Hu li [jindenja] jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art. Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken.”—Salm 113:5-8.
5 Qabel ma qered lil Sodoma u Gomorra, Jehovah qagħad jismaʼ l-mistoqsijiet taʼ Abraham u għenu jifhem li se ssir ġustizzja. (Ġenesi 18:23-33) Għalkemm Jehovah diġà kien jaf ir-riżultat taʼ dak li ried jaf dwaru Abraham, hu qagħad jisimgħu bil-paċenzja u aċċetta r-raġunar tiegħu.
6. X’kien ir-riżultat meta Jehovah weġġaħ lil Ħabakkuk billi wieġbu fid-diffikultà li kellu?
6 Jehovah qagħad jismaʼ wkoll lil Ħabakkuk, li qallu: “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax!” Ħares Jehovah lejn dan il-kliem bħala sfida għall-awtorità tiegħu? Le, hu kkumpatieh lil Ħabakkuk u wrieh l-iskop tiegħu li juża lill-Kaldin biex iwettqu ġudizzju. Żgura lill-profeta li dan il-ġudizzju mbassar kien se jitwettaq mingħajr ebda dubju. (Ħabakkuk 1:1, 2, 5, 6, 13, 14; 2:2, 3) Jehovah ħadu bis-serjetà t-tħassib taʼ Ħabakkuk u wieġbu. B’dan il-mod hu ta ġieħ lill-profeta, li bħala riżultat ħassu jikkalma u jithenna, b’fiduċja sħiħa f’Alla tas-salvazzjoni tiegħu. Dan jidher ċar fil-ktieb imnebbaħ taʼ Ħabakkuk li jsaħħaħ il-fiduċja tagħna f’Jehovah llum.—Ħabakkuk 3:18, 19.
7. L-irwol taʼ Pietru f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. għala huwa sinjifikanti?
7 Ġesù Kristu hu eżempju ieħor mill-aħjar f’li juri rispett lejn oħrajn. Hu kien qal lid-dixxipli tiegħu, “min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 10:32, 33) Madankollu, fil-lejl meta ġie tradut, id-dixxipli tiegħu kollha abbandunawh, u l-appostlu Pietru ċaħdu tliet darbiet. (Mattew 26:34, 35, 69-75) Ġesù ma ħarisx lejn id-dehra taʼ barra imma nnota s-sentimenti ġewwinin taʼ Pietru, l-indiema profonda tiegħu. (Luqa 22:61, 62) Wara biss 51 jum, Kristu onora lil dan l-appostlu niedem billi ħallih jirrappreżenta lill-120 dixxiplu Kristjan f’jum Pentekoste u juża l-ewwel wieħed mill-“imfietaħ tas-Saltna.” (Mattew 16:19; Atti 2:14-40) Pietru ngħata ċans ‘jerġaʼ lura u jwettaq lil ħutu.’—Luqa 22:31-33.
Inweġġħu lill-Membri tal-Familja
8, 9. F’li jweġġaħ lil martu, raġel miżżewweġ kif jistaʼ jimita lil Jehovah u lil Ġesù?
8 L-irġiel miżżewġin u l-ġenituri jagħmlu tajjeb jekk jimitaw lil Jehovah u ’l Ġesù Kristu meta jeżerċitaw l-awtorità li jagħtihom Alla. Pietru wissa: “Intom ukoll, rġiel, għammru bl-għaqal man-nisa tagħkom; agħtuhom il-ġieħ li ħaqqhom . . . għax huma aktar dgħajfa minnkom.” (1 Pietru 3:7) Aħseb dwar kemm toqgħod attent meta tiġi biex tmiss xi oġġett tal-kina peress li dan ikun iktar fraġli minn xi ħaġa magħmula mill-injam. Ir-raġel jistaʼ jaġixxi bl-istess mod u jimita lil Jehovah billi jismaʼ l-opinjonijiet taʼ martu meta jkun se jiddeċiedi xi ħaġa li tikkonċerna l-familja. Ftakar kif Jehovah qagħad bil-paċenzja jirraġuna maʼ Abraham. Peress li hu imperfett, raġel miżżewweġ jistaʼ faċilment jonqos li jikkunsidra l-istampa kollha. Għalhekk ikun għaqli li jweġġaħ lil martu billi jikkunsidra sinċerament l-opinjoni tagħha, mhux hekk?
9 F’pajjiżi fejn l-awtorità tar-raġel għandha għeruq fondi, ir-raġel miżżewweġ irid iżomm f’moħħu li martu għandha mnejn issibha diffiċli ferm biex tesprimi dak li tħoss fil-fond taʼ qalbha. Imita lil Ġesù Kristu fil-mod kif, meta kien fuq l-art, kien jittratta mad-dixxipli tiegħu, li kienu se jifformaw parti mill-klassi taʼ l-għarusa tiegħu fil-futur. Hu kien jgħożżhom u qies li kienu limitati fiżikament u spiritwalment saħansitra qabel ma kienu jgħidulu huma x’għandhom bżonn. (Mark 6:31; Ġwann 16:12, 13; Efesin 5:28-30) Barra minn hekk, aħseb dwar dak li martek tagħmel għalik u għall-familja, u uri l-apprezzament tiegħek bil-kliem u bl-għemil. Kemm Jehovah u kemm Ġesù apprezzaw, faħħru, u bierku lil min kien jixraqlu. (1 Slaten 3:10-14; Ġob 42:12-15; Mark 12:41-44; Ġwann 12:3-8) Wara li żewġha sar wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, mara Kristjana fl-Orjent qalet: “Żewġi kien jimxi xi tlieta jew erbaʼ passi quddiemi u lili jħallini nġorr kollox. Issa hu jġorr il-basktijiet u juri apprezzament għal dak li nagħmel fid-dar!” Kelma t’apprezzament mill-qalb tgħin ħafna biex lil martek iġġagħalha tħossha stmata.—Proverbji 31:28.
10, 11. Il-ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju eċċellenti taʼ Jehovah meta kien qed jittratta mal-ġens ribelluż taʼ Iżrael?
10 Meta jittrattaw maʼ wliedhom, u speċjalment meta jkollhom bżonn iwiddbuhom, il-ġenituri għandhom jimitaw l-eżempju t’Alla. “Il-Mulej kien iwiddeb lil Iżrael u lil Ġuda” biex jerġgħu lura mit-triqat ħżiena tagħhom, imma huma “webbsu rashom.” (2 Slaten 17:13-15) L-Iżraelin saħansitra pprovaw ‘iqarrqu bih bi kliemhom, u kienu jigdbulu bi lsienhom.’ Ħafna ġenituri forsi jħossu li wliedhom ukoll xi drabi jaġixxu hekk. L-Iżraelin “kienu jerġgħu jġarrbu lil Alla” u jnikktuh billi jweġġgħulu qalbu. Iżda Jehovah “kien iħenn u jaħfrilhom il-ħtija, ma kienx jasal biex jeqridhom.”—Salm 78:36-41.
11 Jehovah saħansitra talabhom bil-ħniena lill-Iżraelin: “Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien . . . [i]mqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ.” (Isaija 1:18) Għalkemm Jehovah ma kellux tort, hu stieden lill-ġens ribelluż biex jiġi ħa jirranġaw is-sitwazzjoni. X’attitudni eċċellenti din li l-ġenituri għandhom jimitaw meta jittrattaw maʼ wliedhom! Meta jkun possibbli, onorahom billi tismaʼ huma x’għandhom xi jgħidu, u rraġuna magħhom dwar għala għandhom jinbidlu.
12. (a) Għala għandna nevitaw li nonoraw lil uliedna iktar milli nonoraw lil Jehovah? (b) X’inhu meħtieġ jekk irridu nirrispettaw id-dinjità taʼ wliedna meta nwiddbuhom?
12 M’għandniex xi ngħidu, xi drabi t-tfal ikunu jeħtieġu pariri iebsa. Il-ġenituri ma jridux ikunu bħal Għeli li ‘baqaʼ jirrispetta lil uliedu iktar milli rrispetta lil Jehovah.’ (1 Samwel 2:29) Xorta waħda, iż-żgħar jeħtiġilhom jaraw li l-motiv wara l-korrezzjoni huwa l-imħabba. Għandhom ikunu jistgħu jaraw ċar li l-ġenituri tagħhom iħobbuhom. Il-parir taʼ Pawlu lill-missirijiet hu: “Iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Filwaqt li l-missier jingħata d-dritt li juża l-awtorità tiegħu, hawn joħroġ il-punt li dan jistma lil uliedu bid-dinjità billi ma jirrabjahomx minħabba l-ħruxija żejda tiegħu. Iva, li jqisu d-dinjità taʼ wliedhom jirrikjedi ħin u sforz min-naħa tal-ġenituri, imma l-frott li joħroġ minn dan jiswa kull sagrifiċċju li wieħed jistaʼ jagħmel.
13. X’inhi l-ħarsa tal-Bibbja dwar membri tal-familja li huma mdaħħlin fiż-żmien?
13 Mhux biżżejjed li nonoraw lin-nisa u lit-tfal tagħna biss jekk irridu nweġġħu lill-membri tal-familja. “Meta tixjieħ, obdi mit-tfal tiegħek,” jgħid qawl Ġappuniż. Il-punt taʼ dan il-qawl hu li ġenituri mdaħħlin fiż-żmien għandhom joqogħdu attenti li ma jaqbżux il-limitu taʼ l-awtorità tagħhom bħala ġenituri u li għandhom jagħtu kas taʼ dak li jgħidu uliedhom, li issa huma adulti. Filwaqt li huwa Skritturali li l-ġenituri jonoraw lil uliedhom billi jagħtu widen għal dak li jgħidulhom, it-tfal m’għandhomx juru attitudni taʼ bla rispett lejn membri tal-familja li huma mdaħħlin fiż-żmien. “Tmaqdarx ’l ommok meta tixjieħ,” jgħid Proverbji 23:22. Is-Sultan Salamun obda dan il-qawl u weġġaħ lil ommu meta avviċinatu biex titolbu xi ħaġa. Salamun ordna li jitħejja tron fuq il-lemin tat-tron tiegħu u qagħad jismaʼ dak li riedet tgħidlu ommu, Batseba, li issa kienet imdaħħla fiż-żmien.—1 Slaten 2:19, 20.
14. Kif nistgħu nweġġħu lill-membri tal-kongregazzjoni li huma mdaħħlin fiż-żmien?
14 Fil-familja mifruxa, spiritwali tagħna għandna ħafna opportunitajiet biex nieħdu l-inizjattiva f’li nweġġħu lill-membri tal-kongregazzjoni li huma mdaħħlin fiż-żmien. (Rumani 12:10) Huma forsi ma jistgħux jaħdmu daqs kemm kienu jagħmlu qabel, u minħabba f’hekk forsi jħossuhom imdejqin. (Koħèlet 12:1-7) Waħda Xhud mill-midlukin li kienet imdaħħla fiż-żmien u li kienet f’sodda fi sptar, darba esprimiet id-diqa tagħha b’dan il-mod: “Għandi ġenn biex immut ħa nerġaʼ nibda naħdem.” Nistgħu ngħinuhom ħafna lil uħud bħal dawn li huma mdaħħlin fiż-żmien meta nuru interess fihom u nweġġħuhom. L-Iżraelin kienu kmandati: “Qum quddiem ix-xiħ, b’xagħru abjad, u agħtih [ġieħ].” (Levitiku 19:32) Uri li taħseb f’dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien, u b’hekk iġġagħalhom iħossuhom bżonnjużi u apprezzati. ‘Li tqum’ kultant forsi jkun ifisser li tpoġġi bil-qegħda ħdejhom u toqgħod tismagħhom jirrakkontaw dwar dak li wettqu snin ilu. Dan jonorahom lil dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien u lilna jagħmlilna l-ħajja spiritwali tagħna iktar sabiħa.
Ħu l-Inizjattiva biex Tagħti Ġieħ lil Oħrajn
15. L-anzjani x’jistgħu jagħmlu biex jonoraw lill-membri tal-kongregazzjoni?
15 Il-membri tal-kongregazzjoni jissaħħu meta l-anzjani jagħtuhom l-eżempju. (1 Pietru 5:2, 3) Minkejja li għandhom ħafna x’jagħmlu, anzjani taʼ ħsieb jieħdu l-inizjattiva biex javviċinaw liż-żgħażagħ, il-kapijiet tal-familja, l-ommijiet bla raġel, in-nisa tad-dar, u lil dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien, kemm jekk dawn għandhom xi problemi u kemm jekk m’għandhomx. L-anzjani joqogħdu jisimgħu bil-paċenzja lill-membri tal-kongregazzjoni u jfaħħruhom tax-xogħol li kapaċi jagħmlu. Anzjan li joqgħod attent u juri bi kliemu apprezzament għal dak li qed iwettqu l-aħwa, ikun qed jimita lil Jehovah, li japprezza lill-ħlejjaq tiegħu taʼ fuq l-art.
16. Għala għandna nqisu lill-anzjani bħala li jixirqilhom ġieħ flimkien maʼ l-oħrajn fil-kongregazzjoni?
16 Meta jimitaw lil Jehovah, l-anzjani jagħtu l-eżempju f’li jwettqu l-parir taʼ Pawlu: “Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin [u “tqisu l-oħrajn ogħla fil-ġieħ,” Saydon].” (Rumani 12:10) Dan jistaʼ jkun iktar diffiċli għal dawk l-anzjani li jgħixu f’pajjiżi fejn tingħata importanza minn liema klassi jkun ġej l-individwu. Per eżempju, f’pajjiż Orjentali, hemm żewġ kelmiet għal “ħu,” waħda bħala titlu u l-oħra ordinarja. Sa ftit ilu, il-membri tal-kongregazzjoni kienu jużaw il-kelma “ħu” bħala titlu għall-anzjani u dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien, u dik ordinarja għall-oħrajn. Madankollu, ġew inkuraġġiti biex jużaw dejjem il-kelma ordinarja għax, bħalma Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu, “intom ilkoll aħwa.” (Mattew 23:8) Għalkemm f’pajjiżi oħra forsi ma tantx tidher din id-differenza, ilkoll kemm aħna rridu noqogħdu attenti mit-tendenza tal-bnedmin li jagħmlu distinzjoni bejn il-klassi.—Ġakbu 2:4.
17. (a) Għala għandu jkun faċli biex oħrajn jersqu jkellmu lill-anzjani? (b) L-anzjani b’liema modi jistgħu jimitaw lil Jehovah meta jittrattaw maʼ membri tal-kongregazzjoni?
17 Veru, Pawlu inkuraġġiena biex nistmaw lil ċerti anzjani bħala li “jistħoqqilhom ġieħ għal darbtejn,” imma xorta jibqgħu aħwa. (1 Timotju 5:17) Jekk aħna nistgħu “nersqu . . . b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja” tas-Sovran Universali, m’għandniex inkunu nistgħu nersqu lejn l-anzjani, li jridu jimitaw lil Jehovah? (Lhud 4:16; Efesin 5:1) L-indokraturi jistgħu jikkalkulaw jekk hux faċli għal oħrajn li jersqu jkellmuhom billi jinnotaw kemm oħrajn jiġu spiss għandhom għall-parir jew biex jagħmlu xi suġġeriment. Tgħallmu lezzjoni mill-mod kif Jehovah jsieħeb miegħu lil oħrajn fil-proġetti li jkollu. Hu jonora lil oħrajn billi jgħaddilhom xi responsabbiltajiet. Anki jekk xi suġġerimenti li jingħataw minn xi Xhud ieħor forsi jidhru li m’humiex prattiċi, l-anzjani għandhom japprezzaw li dan ikun ħa interess. Ftakar kif Jehovah ttratta l-mistoqsijiet li Abraham għamillu biex jitkixxef dwar is-sitwazzjoni, u l-mod kif wieġeb għall-għajat taʼ niket minn Ħabakkuk.
18. L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Jehovah meta jwiddbu lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna?
18 Huwa fatt li xi Kristjani sħabna għandhom bżonn jiġu mwiddba. (Galatin 6:1) Xorta waħda, huma taʼ valur f’għajnejn Jehovah, u jixirqilhom jiġu stmati bid-dinjità. “Meta min jagħtini parir jistmani bir-rispett, inħossni komdu nersaq inkellmu,” qal wieħed Xhud. Il-biċċa l-kbira tan-nies ikunu iktar lesti li jaċċettaw il-parir meta jiġu stmati bid-dinjità. Forsi jiħodlok iktar ħin, imma jekk int toqgħod tismaʼ lil dawk li ħadu xi pass falz, se tagħmilha eħfef biex huma jaċċettaw xi parir meħtieġ. Żomm f’moħħok kif Jehovah rraġuna maʼ l-Iżraelin darba wara l-oħra għax kien jagħdirhom. (2 Kronaki 36:15; Titu 3:2) Parir li jingħata b’mogħdrija u simpatija se jilħaq il-qalb taʼ dawk li jeħtieġu l-għajnuna.—Proverbji 17:17; Filippin 2:2, 3; 1 Pietru 3:8.
19. Kif għandna nħarsu lejn nies li ma jemmnux bħalma jemmnu l-Kristjani?
19 Li nweġġħu lil oħrajn japplika wkoll għal dawk li forsi għad ikunu ħutna spiritwali fil-futur. Dawn in-nies forsi bil-mod biex jaċċettaw il-messaġġ tagħna issa, imma xorta waħda rridu nieħdu paċenzja bihom u nuruhom dinjità bħala bnedmin. Jehovah “ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) M’għandux ikollna l-ħarsa taʼ Jehovah? Jekk dejjem nipprovaw inkunu qalbna tajba u nirrispettaw lil kulħadd, b’dan il-mod inħejju t-triq biex nagħtu xiehda. M’għandniex xi ngħidu, għandna nevitaw is-sħubija li tistaʼ tinvolvi perikli spiritwali. (1 Korintin 15:33) Madankollu, aħna nuru qalb tajba, u ma nistmerrux lil min ma jemminx bħalna.—Atti 27:3.
20. L-eżempju taʼ Jehovah u Ġesù Kristu x’għandu jqanqalna nagħmlu?
20 Iva, Jehovah u Ġesù Kristu jqisu lil kull wieħed minna bħala li jixraqlu rispett. Jalla dejjem niftakru kif huma jaġixxu u bl-istess mod nieħdu l-inizjattiva biex inweġġħu lil xulxin. U jalla dejjem inżommu f’moħħna kliem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu: “Intom ilkoll aħwa.”—Mattew 23:8.
Int Kif Twieġeb?
• Kif għandek tħares lejn adoraturi sħabek?
• L-eżempju taʼ Jehovah u Ġesù kif iqanqlek biex tweġġaħ lill-oħrajn?
• L-irġiel miżżewġin u l-ġenituri kif jistgħu jweġġħu lill-oħrajn?
• Il-fatt li jħarsu lejn Kristjani sħabhom bħala ħuthom iqanqal lill-anzjani biex jaġixxu b’liema modi?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 18]
Weġġaħ lil martek bi kliem t’apprezzament
[Stampa f’paġna 18]
Istma lil uliedek bid-dinjità billi toqgħod tismagħhom
[Stampa f’paġna 18]
Istma lill-membri tal-kongregazzjoni bid-dinjità