Temmnu Int Dak li Ma Tistax Tarah?
META xi ħadd jgħid, ‘Jien nemmen biss dak li nara b’għajnejja,’ dan ma jkunx qed jitkellem letteralment. Fil-fatt, aħna lkoll nemmnu f’affarijiet li ma nistgħux narawhom.
Per eżempju, fl-iskola għandu mnejn għamilt xi esperiment li juri li l-qawwa manjetika teżisti tassew. L-esperiment isir xi ħaġa hekk: Roxx ftit frak tal-ħadid fuq karta. Imbagħad poġġi l-karta fuq il-kalamita. Meta ċċaqlaq ftit il-karta, bħallikieku b’maġija l-frak tal-ħadid jinġemaʼ waħdu
fil-poli tal-kalamita u hekk jifforma d-disinn tal-qawwa manjetika. Jekk int fil-fatt għamiltu dan l-esperiment, stajt taraha tabilħaqq il-qawwa manjetika? Le, iżda rajt ċar l-effett li kellha fuq il-frak tal-ħadid, u b’dan il-mod kellek prova konvinċenti li l-kalamita għandha qawwa li tiġbed.Barra minn dan, aħna naċċettaw ukoll ħafna affarijiet oħra li ma narawhomx, u dan nagħmluh mingħajr argumenti. Meta nħarsu lejn xi pittura sabiħa jew nammiraw xi skultura maħduma b’sengħa kbira, ma jidħlilna l-ebda dubju dwar l-eżistenza tal-pittur jew taʼ l-iskultur. Għalhekk, meta noqogħdu naħsbu ftit fuq xi kaskata, inkella nħarsu mimlijin stagħġib lejn xi nżul ix-xemx, m’għandniex nitqanqlu sabiex għallinqas nikkunsidraw il-ħsieb li dawn jistgħu jkunu x-xogħol taʼ Pittur jew Skultur mill-Aqwa?
Għala xi Wħud Ma Jemmnux
Ħaġa taʼ l-iskantament, xi wħud ma baqgħux jemmnu f’Alla minħabba dak li tgħallmu fil-knisja. Dan kien il-każ taʼ wieħed Norveġiż li ntqallu li Alla jaħraq lin-nies il-ħżiena f’infern tan-nar. Ir-raġel b’xejn ma setaʼ jifhem liema tip taʼ Alla kien se jitturmenta lin-nies b’dan il-mod, u għalhekk sar ateu.
Madankollu, iktar tard ir-raġel aċċetta li jeżamina l-Bibbja bl-għajnuna taʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hu baqaʼ mbellah meta sar jaf li l-Bibbja ma tgħallimx li l-ħżiena jiġu torturati f’infern tan-nar. Il-Bibbja xxebbah il-mewt maʼ l-irqad. Fil-qabar ma nħossu l-ebda uġigħ, u m’aħna konxji taʼ xejn affattu. (Koħèlet 9:5, 10) Ir-raġel tgħallem ukoll li dawk il-bnedmin li Alla se jiġġudikahom bħala li huma ħżiena għall-aħħar u li ma jindmux, se jibqgħu fil-qabar għal dejjem. (Mattew 12:31, 32) Il-bqija tal-mejtin se jiġu rxoxtati fiż-żmien stabbilit t’Alla, bil-prospett li jgħixu għal dejjem f’kundizzjonijiet bħal taʼ Ġenna. (Ġwann 5:28, 29; 17:3) Din l-ispjegazzjoni dehret li tagħmel sens. Kienet fi qbil maʼ l-istqarrija tal-Bibbja li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Dan ir-raġel sinċier kompla jistudja l-Kelma t’Alla u, maż-żmien sar iħobb ’l Alla tal-Bibbja.
Oħrajn jiċħdu l-eżistenza taʼ Ħallieq kollu mħabba sforz it-tbatija u l-inġustizzji kollha li hawn madwarna. Dawn jaqblu maʼ ċertu raġel Svediż li darba waħda pponta subgħajh lejn is-smewwiet, u staqsa: “Kif jistaʼ jkun hemm Alla li jistaʼ kollox u taʼ qalbu f’idejh, meta fuq l-art għandna daqstant korruzzjoni u ħażen?” Meta ma sab lil ħadd li setaʼ jagħtih tweġiba, hu wkoll sar ateu. Iktar tard beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Hu tgħallem li a
l-Kelma t’Alla tagħti tweġiba sodisfaċenti għall-mistoqsija antika, Għaliex Alla jippermetti l-ħażen?Dan ir-raġel sinċier tgħallem li l-fatt li jeżisti l-ħażen ma jfissirx fih innifsu li Alla ma jeżistix. Biex nagħtu eżempju: Wieħed raġel jistaʼ jagħmel tip taʼ sikkina li tqattaʼ l-laħam. Xi klijent jistaʼ jixtri s-sikkina u jużaha, mhux biex iqattaʼ l-laħam, iżda biex joqtol lil xi ħadd. Il-fatt li sar użu ħażin mis-sikkina bl-ebda mod ma juri li ma kien hemm ħadd li għamilha. Bl-istess mod, il-fatt li l-art ma ntużatx fi qbil maʼ l-iskop li kienet maħluqa għalih ma jfissirx illi ma kienx hemm Wieħed li ħalaqha.
Il-Bibbja tgħallem li l-għemejjel t’Alla huma perfetti. Hu Alla li “ma jqarraqx, kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:4) Alla jagħti għotjiet tajbin lill-bniedem, imma xi wħud minn dawn l-għotjiet intużaw ħażin, u kkaġunaw sofferenza enormi. (Ġakbu 1:17) Madankollu, Alla se jtemm din is-sofferenza. Għalhekk, il-“ġwejdin għad jirtu l-art, . . . u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:11, 29.
Ir-raġel Svediż imsemmi qabel tqanqal meta ra s-sofferenza li kienu għaddejjin minnha bnedmin oħrajn. It-tħassib mill-qalb tiegħu għal oħrajn jikkonferma li Alla jeżisti tabilħaqq. Kif?
Għall-biċċa l-kbira tan-nies, l-unika għażla li hemm jekk ma temminx f’Alla hija li temmen fl-evoluzzjoni. L-evoluzzjonisti jgħallmu li “min jiflaħ l-iktar iħawwel,” u għalhekk kemm il-bnedmin u kemm l-annimali jikkompetu mal-bqija taʼ ġenshom biex jibqgħu jeżistu. Min jiflaħ l-iktar jgħix; min jiflaħ l-inqas imut. Hekk hija s-sistema fin-natura, jgħidu huma. Imma jekk huwa “naturali” li min jiflaħ l-inqas imut biex jagħmel il-wisaʼ għal min jiflaħ l-iktar, kif nistgħu nfissruh il-fatt li xi bnedmin li jifilħu l-iktar jiġrilhom bħar-raġel Svediż, jitqanqlu meta jaraw lil sħabhom il-bnedmin isofru?
Insiru Nafu lil Alla
Aħna ma nistgħux narawh lil Alla għax m’għandux forma umana. Madankollu, Alla jridna nsiru nafuh. Mod wieħed kif nistgħu nsiru midħla tiegħu huwa billi nosservaw l-għemejjel taʼ l-għaġeb tiegħu—il-“pitturi” u l-“iskulturi” tal-ħolqien. F’Rumani 1:20 (KŻ), il-Bibbja tgħid: “Il-ħwejjeġ li ma jidhrux tiegħu [t’Alla], is-setgħa eterna tiegħu, u d-divinità, billi kienu sa mill-bidu tal-ħolqien tad-dinja magħrufin mill-ħwejjeġ li saru, jidhru ċari.” Iva, bħalma l-istudju taʼ pittura jew skultura jistaʼ jgħinek issir taf iżjed fuq il-personalità taʼ l-artist, li timmedita fuq l-għemejjel meraviljużi t’Alla jistaʼ jgħinek issir taf aħjar il-personalità tiegħu.
M’għandniex xi ngħidu, ma jistax ikollna t-tweġiba għal kulma nistaqsu fil-ħajja billi sempliċement inħarsu lejn il-ħolqien t’Alla. Imma nistgħu nsibu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet billi nfittxu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Kien biss billi qraw il-Bibbja b’moħħ miftuħ li ż-żewġt irġiel li semmejna qabel waslu għall-konklużjoni li Alla jeżisti u li jimpurtah minna.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar tagħrif fuq għala Alla jippermetti l-ħażen, jekk jogħġbok ara kapitlu 10 fil-ktieb Is There a Creator Who Cares About You?, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 28]
J. Hester u P. Scowen (AZ State Univ.), NASA