Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Xogħol taʼ Salvataġġ Fuq il-Gżira taʼ Robinson Crusoe

Xogħol taʼ Salvataġġ Fuq il-Gżira taʼ Robinson Crusoe

IL-​GŻIRA taʼ Robinson Crusoe hija waħda mit-​tliet gżejjer fl-​Oċean Paċifiku li flimkien jifformaw l-​arċipelagu msejjaħ Juan Fernández, xi 640 kilometru ’l barra mill-​kosta taċ-​Ċili. a Din il-​gżira taʼ 93 kilometru kwadru ħadet isimha mill-​ktieb magħruf Robinson Crusoe, miktub mill-​awtur Ingliż Daniel Defoe fis-​seklu 18. Milli jidher, il-​ktieb kien ibbażat bejn wieħed u ieħor fuq l-​avventuri taʼ ċertu Skoċċiż, Alexander Selkirk, li għex waħdu fuq din il-​gżira għal xi erbaʼ snin.

Parti minn tabella taʼ l-​injam li hemm fuq il-​gżira taqra hekk: “F’dan il-​lok, jum wara l-​ieħor għal iktar minn erbaʼ snin, il-​baħri Skoċċiż Alexander Selkirk kien jgħarrex ix-​xefaq b’qalbu ttaqtaq għad-​dgħajsa taʼ salvataġġ li kienet se teħilsu minn dak il-​post iżolat.” Maż-​żmien, Selkirk ġie salvat u ttieħed f’pajjiżu mill-​ġdid, f’dinja li bħallikieku ma baqgħetx tissodisfah iktar wara ż-​żmien li kien għamel jgħix fil-​ġenna żgħira tiegħu. Jingħad li wara qal: “O, għażiża gżira tiegħi! Kemm nixtieq li qatt ma tlaqtek!”

Maż-żmien, il-​gżira bdiet tintuża bħala kolonja penali, post fejn kienu jintbagħtu wħud li jinstabu ħatjin li marru kontra t-​twemmin tal-​Knisja Kattolika. X’bidla mill-​gżira qisha ġenna li darba kien jaf Selkirk! Madankollu, illum ir-​residenti tal-​gżira jgawdu tip taʼ paċi u trankwillità li f’ħafna postijiet oħra fid-​dinja lanqas biss jafu x’jiġifieri. L-​istil taʼ ħajjithom huwa wieħed rilassat, bħalma huwa komuni fil-​kulturi taʼ ħafna gżejjer. Dan jagħmilha faċli biex taqbad konversazzjoni kważi maʼ kulħadd.

Uffiċjalment, il-​gżira taʼ Robinson Crusoe għandha madwar 500 abitant, imma ħafna drabi matul is-​sena, din tinżel għal xi 400 biss. Raġuni waħda hija li matul is-​sena skolastika, xi ommijiet u t-​tfal tagħhom jgħixu fl-​art prinċipali taċ-​Ċili, waqt li jirritornaw lejn il-​gżira għax-​xhur tal-​vaganzi biss biex iqattgħu l-​ħin mal-​kumplament tal-​familja.

Minkejja l-​ambjent qisu ġnien sabiħ li għandha l-​gżira taʼ Robinson Crusoe, xi wħud min-​nies tal-​gżira jħossu vojt spiritwali u qed ifittxu t-​tweġibiet. Oħrajn ħassewhom bħallikieku jeħtieġu li jiġu salvati spiritwalment.

Salvataġġ Spiritwali

Dan ix-​xogħol taʼ salvataġġ spiritwali beda madwar l-​1979, meta waħda mara li kienet qed tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah f’Santiago, iċ-​Ċili, marret toqgħod fil-​gżira u bdiet tgħallem lil oħrajn dak li kienet tgħallmet hi. Xi ftit taż-​żmien wara, meta anzjan taʼ kongregazzjoni kien qed iżur il-​gżira għal raġunijiet sekulari, baqaʼ mistagħġeb meta ltaqaʼ maʼ grupp żgħir taʼ studenti tal-​Bibbja. Ilkoll kemm huma kienu qegħdin jagħmlu progress spiritwali ġmielu bl-​għajnuna taʼ din il-​mara. Sakemm l-​anzjan reġaʼ żar il-​gżira xi tliet xhur wara, din l-​għalliema iżolata tal-​Bibbja u tnejn mill-​istudenti tagħha kienu lesti biex jitgħammdu. Għalhekk l-​anzjan mexxa ċ-​ċerimonja tal-​magħmudija tagħhom. Iktar tard, waħda minn dawn il-​Kristjani li kienet għadha kif tgħammdet, iżżewġet u, flimkien maʼ żewġha, kompliet tfittex oħrajn li kellhom bżonn jiġu salvati spiritwalment. Ir-​raġel tagħha ħadha f’idejh li jibni Sala tas-​Saltna sempliċi u mingħajr ħafna xinxilli. Din is-​Sala għadha taqdi tajjeb lil grupp żgħir li hemm fil-​gżira. Maż-​żmien, minħabba raġunijiet ekonomiċi, dawn telqu mill-​gżira taʼ Robinson Crusoe u marru f’kongregazzjoni fil-​parti ċentrali taċ-​Ċili, fejn għadhom jaqdu lil Jehovah b’mod attiv.

Bil-mod il-​mod, il-​grupp żgħir fil-​gżira kompla jikber hekk kif oħrajn ġew meħlusin mir-​reliġjon falza. Madankollu, minħabba li l-​istudenti jkollhom imorru lejn iċ-​Ċili biex ikomplu bl-​istudji tagħhom, il-​grupp naqas għal żewġ aħwa nisa mgħammdin u tifla żgħira. Il-​grupp jerġaʼ jikber meta xi ommijiet imorru lura għall-​vaganzi. Dan jgħin biex jagħti l-​ħajja mill-​ġdid lit-​tliet Kristjani, li mill-​bqija jibqgħu waħedhom fil-​gżira tul is-​sena kollha. B’riżultat tax-​xogħol iebes taʼ dawn l-​aħwa nisa, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin sew fil-​gżira taʼ Robinson Crusoe. Huwa veru li hemm xi wħud min-​nies tal-​gżira li jopponu x-​xogħol tagħhom u jipprovaw jagħmlu pressjoni fuq oħrajn biex ma jaċċettawx il-​messaġġ tas-​Saltna. Minkejja dan, iż-​żrieragħ tal-​verità Biblika jkomplu jinbtu fi qlub sinċieri.

Insaħħu lil Dawk li Ġew Salvati

Darba fis-​sena, il-​gżira jkollha ż-​żjara taʼ indokratur li jivvjaġġa. Xi tħoss kieku kellek iżżur numru daqstant żgħir taʼ Xhieda fi gżira daqshekk ’il bogħod? Wieħed indokratur tas-​circuit jiddeskrivi l-​ewwel darba li żar il-​gżira taʼ Robinson Crusoe:

“Dan il-​vjaġġ kien qisu ħolma li seħħet veru. Bdiet fis–7:00 a.m. meta ħallejna Valparaiso biex immorru l-​Ajruport taʼ Cerrillos, f’Santiago. Minn hemmhekk qbadna ajruplan żgħir li jesaʼ sebaʼ passiġġieri. Wara titjira taʼ sagħtejn u tliet kwarti, rajna fil-​bogħod il-​quċċata taʼ muntanja tixref fuq is-​sħab. Hekk kif komplejna noqorbu, ilmaħna l-​gżira—massa kbira u impressjonanti taʼ blat f’nofs l-​oċean. Kienet qisha qed tgħum f’baħar miftuħ, bħal vapur li tilef ir-​rotta tiegħu fuq il-​baħar.

“Wara li nżilna minn fuq l-​ajruplan, irkibna dgħajsa li wasslitna fir-​raħal. ’L hawn u ’l hemm, mases taʼ blat ħerġin mill-​baħar kienu jifformaw gżejjer ċkejknin fejn imorru jistrieħu l-​foki pilużi taʼ Juan Fernández. Dawn il-​foki pilużi huma fost l-​annimali protetti għaliex in-​numru tagħhom naqas ħafna. F’daqqa waħda, dehret xi ħaġa ttir mal-​ġenb tad-​dgħajsa qabel ma reġgħet għabet fil-​baħar. Kienet ħuta ttir, li l-​pinen tagħha kollha piegi tistħajjilhom ġwienaħ. Donnha kienet qed tieħu gost toħroġ taqbeż minn ġo l-​ilma biex taqbad l-​insetti. M’għandniex xi ngħidu, min jaqbad għandu ċ-​ċans li jinqabad hu wkoll. Il-​qbiż tal-​ħuta jistaʼ jiġbed l-​attenzjoni taʼ xi predaturi li jkunu għal-​lest biex jibilgħuha hekk kif togħdos ’l isfel.

“Fl-​aħħar, wasalna fir-​raħal taʼ San Juan Bautista (San Ġwann il-​Battista). Kien hemm erbgħa min-​nies mhux ħażin weqfin fuq il-​moll, jistennew lil xi ħadd li kien ġej iżurhom jew inkella għall-​kurżità biex jaraw min kien għadu kif wasal. Bqajna msaħħrin b’xena mill-​isbaħ—il-​muntanja maestuża u bi blat ippontat El Yunque (L-Inkwina), miksija bħallikieku b’bellus aħdar skur, u fl-​isfond, il-​mases taʼ sħab abjad kienu jifformaw bordura fuq is-​sema ċar u blu.

“Malajr indunajna li fuq il-​moll kien hemm grupp taʼ aħwa nisa Kristjani bit-​tfal tagħhom jistennewna. Kien żmien taʼ btala, u għalhekk il-​grupp kien akbar mis-​soltu. Wara li fraħna b’xulxin mill-​qalb, ħaduna fid-​dwejra ħelwa li għal dik il-​ġimgħa kienet se tkun id-​dar tagħna.

“Kienet ġimgħa tassew speċjali, u rrealizzajna li kienet se tgħaddi malajr. Għalhekk ridna nagħmlu użu tajjeb mill-​ħin li kellna. Dak in-​nhar stess, dritt wara l-​ikla taʼ nofsinhar, żorna studenta tal-​Bibbja li dalwaqt kienet se ssir oħtna spiritwalment u parti mill-​ġenna spiritwali t’Alla. Wiċċha kien jixgħel bil-​ferħ imma kienet ukoll daqsxejn eċċitata. Kienet waslet biex tilħaq il-​mira tagħha li titgħammed, xi ħaġa li kienet ilha tistennieha b’ħerqa kbira. Għaddejna magħha xi tagħrif li kienet teħtieġ biex tikkwalifika bħala pubblikatriċi taʼ l-​aħbar tajba, u l-​għada, ħadet sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar għall-​ewwel darba. Il-​ġurnata taʼ wara, bdejna naraw flimkien x’kienet teħtieġ biex titgħammed. U hekk, qabel ma l-​ġimgħa ġiet fi tmiemha, tgħammdet.

“L-​attendenza għal-​laqgħat li kellna matul il-​ġimgħa kienet tajba ħafna, fejn l-​ogħla waħda kienet taʼ 14-il ruħ. Kull ġurnata kien hemm arranġamenti għas-​servizz taʼ l-​għalqa, kif ukoll għal żjajjar lura, studji tal-​Bibbja, u żjajjar pastorali. X’inkuraġġiment għall-​aħwa nisa li għall-​bqija tas-​sena jkollhom ikomplu bl-​attività tagħhom waħedhom!”

Għall-irġiel tal-​gżira kien ferm iżjed diffiċli biex iwieġbu għall-​verità, forsi minħabba x-​xogħol sekulari tagħhom li jiħdilhom ħafna ħin. Ix-​xogħol prinċipali hu s-​sajd għall-​awwisti, li jitlob ħafna dedikazzjoni. Barra minn hekk, ir-​reazzjoni taʼ ħafna wħud hija negattiva minħabba l-​preġudizzju. Minkejja dan, hemm it-​tama li fil-​futur għad iwieġbu iktar nies mill-​gżira, kemm irġiel kif ukoll nisa.

S’issa, fuq il-​gżira kien hemm għaxar individwi li ġew salvati billi saru jafu l-​verità u l-​iskopijiet t’Alla Jehovah. Sadattant, xi wħud minnhom kellhom jitilqu mill-​gżira għal diversi raġunijiet. Imma sew jekk jibqgħu hemm u sew jekk le, is-​salvataġġ spiritwali tagħhom wera li kien ifisser bil-​wisq iżjed mis-​salvataġġ taʼ Alexander Selkirk. Jgħixu fejn jgħixu, huma issa jgawdu ġenna spiritwali. L-​aħwa nisa li għadhom jgħixu fil-​gżira jgawdu flimkien m’uliedhom ambjent mill-​isbaħ qisu ġnien. Iżda iżjed minn hekk, huma għandhom il-​prospett li jgħixu meta l-​art kollha kemm hi tkun ġenna tassew fil-​veru sens tal-​kelma.

Ix-​Xogħol taʼ Salvataġġ Ikompli

Ġeografikament, dan il-​grupp żgħir taʼ Xhieda taʼ Jehovah fuq il-​gżira taʼ Robinson Crusoe joqogħdu ’l bogħod ħafna mill-​bqija taʼ ħuthom spiritwali. Madankollu, huma ma jħossuhomx abbandunati, bħalma ħassu r-​raġel Skoċċiż Selkirk. Huma jżommu kuntatt mill-​qrib maʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah permezz tal-​letteratura teokratika li dejjem ġejja, kif ukoll permezz tal-​vidjos taʼ l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet li l-​fergħa tal-​Watch Tower Society fiċ-​Ċili tibgħatilhom tliet darbiet fis-​sena, u ż-​żjara taʼ l-​indokratur tas-​circuit darba fis-​sena. B’dan il-​mod huma jkomplu jkunu parti attiva mis-​sħubija kollha kemm hi taʼ aħwa fid-​dinja.—1 Pietru 5:9.

[Nota taʼ taħt]

a L-isem uffiċjali tal-​gżira huwa Más a Tierra.

[Mappa/Stampa f’paġna 9]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

IĊ-​ĊILI

Santiago

IL-​GŻIRA TAʼ ROBINSON CRUSOE

San Juan Bautista

El Yunque

L-​OĊEAN PAĊIFIKU

IL-​GŻIRA TAʼ SANTA KLARA

[Stampa]

Hekk kif wieħed jilmaħ il-​gżira, jara massa kbira u impressjonanti taʼ blat f’nofs l-​oċean

[Sors taʼ l-​istampa]

Mappa taċ-​Ċili: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampa f’paġni 8, 9]

Il-​muntanja maestuża u bi blat ippontat imsejħa El Yunque (L-Inkwina)

[Stampa f’paġna 9]

Ir-​raħal taʼ San Juan Bautista (San Ġwann il-​Battista)

[Stampa f’paġna 9]

Il-​foki pilużi u l-​bumerini jmorru jistrieħu fuq il-​gżejjer ċkejknin

[Stampa f’paġna 10]

Aħna tlaqna minn Santiago, iċ-​Ċili, b’ajruplan żgħir

[Stampa f’paġna 10]

Il-​kosta kollha blat tal-​gżira taʼ Robinson Crusoe

[Stampa f’paġna 10]

Is-​Sala tas-​Saltna sempliċi u mingħajr xinxilli fuq il-​gżira