Għala Għandek Taħfer?
“IX-XJENZATI bdew jagħmlu xi riċerki li qegħdin juru li l-maħfra tistaʼ verament ittejjeb is-saħħa emozzjonali, u wisq probabbli, anki s-saħħa fiżika,” tirrapporta l-gazzetta Kanadiża The Toronto Star. Madankollu, il-Professur Carl Thoresen, mill-Università taʼ Stanford, fl-Istati Uniti, li qed imexxi r-riċerka għall-Proġett taʼ Stanford dwar il-Maħfra, josserva li huma “ftit wisq in-nies li jifhmu x’inhi l-maħfra u kif din jistaʼ jkollha effetti tajbin.”
Il-maħfra ġenwina hija meqjusa bħala aspett vitali tal-Kristjanità. Ir-rapport f’The Toronto Star ifissirha bħala li “tagħraf li xi ħadd naqsek, twarrab is-sentimenti taʼ rabja li tħoss minħabba f’dan, u mbagħad tittratta mal-persuna li tkun naqsitek b’mogħdrija u mħabba.” Trid tagħmel differenza bejn dan u li taċċetta l-offiża, li tiskużaha, li tinsieha, jew li tiċħadha. Li taħfer lanqas ma jfisser li terġaʼ tpoġġi lilek innifsek f’sitwazzjoni fejn l-offiża tistaʼ tibqaʼ tirrepeti ruħha b’abbuż. Ir-rapport jgħid li l-vera maħfra hi “li twarrab għalkollox ir-rabja u s-sentimenti negattivi.”
Ir-riċerkaturi jgħidu li hemm bżonn taʼ iktar studju dwar il-benefiċċji fiżiċi taʼ li wieħed jaħfer. Madankollu, huma jirrapportaw li dan jirriżulta f’benefiċċji psikoloġiċi, inkluż “inqas stress, ansjetà u dipressjoni.”
Raġuni nobbli għala wieħed għandu jaħfer insibuha f’Efesin 4:32, li jgħid: “Kunu twajba maʼ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.” (Korsiv tagħna.) Fejn tidħol il-maħfra, bħal f’ħafna aspetti oħrajn, aħna mħeġġin biex nimitaw lil Alla.—Efesin 5:1.
Jekk nirrifjutaw li naħfru lil oħrajn meta jkun hemm bażi biex nuru ħniena, ir-relazzjoni tagħna m’Alla tistaʼ tiġi effettwata b’mod negattiv. Jehovah jistenna li aħna naħfru lil xulxin. Imbagħad inkunu nistgħu nitolbuh biex jaħfer lilna.—Mattew 6:14; Mark 11:25; 1 Ġwann 4:11.