Iddikjara l-Aħbar Tajba bil-Ħeġġa
“Tħeġġu fl-ispirtu, aqdu lill-Mulej.”—RUMANI 12:11.
1, 2. Il-Kristjani liema attitudni għandhom jistinkaw biex iżommu bħala dawk li qed ixandru l-aħbar tajba?
ŻAGĦŻUGĦ iħossu eċċitat dwar l-impjieg ġdid tiegħu. Fl-ewwel jum tiegħu fuq ix-xogħol, jinsab fuq ix-xwiek biex jagħmel kulma jgħidlu l-imgħallem tiegħu. Għandu sebaʼ mitt sena biex jibda l-ewwel biċċa xogħol tiegħu, u tgħidx kemm jiħodha bis-serjetà. Hu tassew ħerqan biex jagħmel l-aħjar li jistaʼ.
2 Bl-istess mod, aħna l-Kristjani nistgħu nqisu ruħna bħala ħaddiema ġodda. Minħabba li t-tama tagħna hi li ngħixu għal dejjem, nistgħu ngħidu li għadna kemm nibdew naħdmu għal Jehovah. Żgur li l-Ħallieq tagħna għandu diversi xogħlijiet imħejjija għalina biex iżommuna okkupati għall-eternità. Imma l-ewwel inkarigu li ngħatajna kien dak li nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu. (1 Tessalonikin 2:4) Kif inħossuna dwar dan l-inkarigu mogħti minn Alla? Bħal dak iż-żagħżugħ, aħna rridu nwettquh bl-aħjar mod possibbli, biż-żelu, bil-ferħ—iva, bil-ħeġġa!
3. X’inhu meħtieġ sabiex nirnexxu bħala ministri taʼ l-aħbar tajba?
3 Veru, tistaʼ tkun sfida kbira li nżommu attitudni pożittiva bħal din. Minbarra l-ministeru tagħna, aħna għandna ħafna responsabbiltajiet oħra, li xi wħud minnhom jistgħu jkunu taʼ piż kemm fiżikament kif ukoll emozzjonalment. Ġeneralment, jirnexxilna nieħdu ħsieb dawn ir-responsabbiltajiet u fl-istess ħin nagħtu wkoll attenzjoni xierqa lill-ministeru. Iżda din xorta waħda tistaʼ tkun ġlieda kontinwa. (Mark 8:34) Ġesù enfasizza li jekk irridu nirnexxu bħala Kristjani, jeħtieġ nagħmlu sforz u nitħabtu ferm.—Luqa 13:24.
4. L-ansjetajiet taʼ kuljum kif jistgħu jeffettwaw il-ħarsa spiritwali tagħna?
4 Peress li tant għandna x’nagħmlu, huwa faċli li xi drabi nħossuna li ma nistgħux inlaħħqu jew mgħobbijin iżżejjed. “Il-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja” jistaʼ joħnoq iż-żelu u l-apprezzament tagħna għall-attivitajiet teokratiċi. (Luqa 21:34, 35; Mark 4:18, 19) Minħabba li aħna imperfetti, nistgħu nitilfu ‘l-imħabba li konna wrejna fil-bidu.’ (Apokalissi 2:1-4) Ċerti aspetti tas-servizz tagħna lejn Jehovah jibdew isiru sempliċement parti mir-rutina taʼ kuljum. Il-Bibbja kif tipprovdi l-inkuraġġiment meħtieġ biex nibqgħu żelużi għall-ministeru?
Bħal “Nar Jaqbad” fi Qlubna
5, 6. L-appostlu Pawlu kif kien iqisu l-privileġġ tiegħu li jxandar l-aħbar tajba?
5 Il-ministeru li Jehovah fdalna hu prezzjuż wisq biex inħalluh isir xi ħaġa monotona. L-appostlu Pawlu kien iqis ix-xandir taʼ l-aħbar tajba bħala privileġġ kbir ferm, u ma kienx iħossu denju li jiġi fdat bih. Hu qal: “Lili, l-iżgħar fost il-qaddisin kollha, ngħatatli din il-grazzja li nxandar fost il-pagani l-Evanġelju taʼ l-għana taʼ Kristu għad li ebda moħħ ma jistaʼ jifhmu, u li noħroġ għad-dawl quddiem kulħadd kif Alla temm il-pjan tal-misteru, li kien moħbi sa minn dejjem f’Alla li ħalaq kollox.”—Efesin 3:8, 9.
6 Pawlu kien taʼ eżempju mill-aqwa f’li juri attitudni pożittiva fil-ministeru tiegħu. Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, hu stqarr: “Ninsab ħerqan li nxandar l-Evanġelju.” Hu ma kienx jistħi jxandar l-aħbar tajba. (Rumani 1:15, 16) Kellu l-attitudni xierqa u kien ħerqan biex iwettaq il-ministeru tiegħu.
7. Pawlu dwar liema ħaġa wissa fl-ittra tiegħu lir-Rumani?
7 L-appostlu Pawlu għaraf il-ħtieġa li nżommu attitudni żeluża, u għalhekk wissa lill-Kristjani f’Ruma: “Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu lill-Mulej.” (Rumani 12:11) Il-Kelma Griega tradotta “tibred” iġġorr il-ħsieb taʼ li wieħed “jitnikker, jieħu kollox bil-lajma.” Forsi l-ħrara tagħna għall-ministeru fil-fatt ma tkunx birdet, però lkoll kemm aħna jeħtieġ li noqogħdu attenti għall-iċken ħjiel taʼ tnikkir spiritwali u nagħmlu kulma jkun hemm bżonn biex nirranġaw l-attitudni tagħna jekk dawn is-sintomi narawhom fuqna stess.—Proverbji 22:3.
8. (a) Liema ħaġa saret bħal “nar jaqbad” f’qalb Ġeremija, u għala? (b) X’nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Ġeremija?
8 L-ispirtu t’Alla wkoll jistaʼ jgħinna meta nkunu skuraġġiti. Per eżempju, darba minnhom il-profeta Ġeremija ħassu skuraġġit u beda jaħsibha jekk ikomplix jipprofetizza. Hu saħansitra qal dwar Jehovah: “Ma nsemmihx aktar, ma nitkellimx aktar f’ismu.” Kien dan xi sinjal taʼ dgħjufija spiritwali f’Ġeremija? Le. Fil-fatt, minħabba li kien b’saħħtu spiritwalment u jħobb lil Jehovah, kif ukoll minħabba l-ħeġġa li kellu għall-verità, hu kiseb il-qawwa biex ikompli jipprofetizza. Hu jispjega: “Iżda f’qalbi hemm [il-kelma taʼ Jehovah] bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx aktar għalih.” (Ġeremija 20:9) Huwa naturali li anki l-qaddejja leali t’Alla kultant ikunu xi ftit skuraġġiti. Imma meta dawn jitolbu l-għajnuna taʼ Jehovah, hu jaqralhom qalbhom u jkun lest li jagħtihom l-ispirtu qaddis tiegħu, jekk huma, bħal Ġeremija, ikollhom il-kelma tiegħu ġo qalbhom.—Luqa 11:9-13; Atti 15:8.
“Ixxekklux l-Ispirtu”
9. X’jistaʼ jxekkel l-ispirtu qaddis milli jaġixxi għan-nom tagħna ?
9 L-appostlu Pawlu lit-Tessalonikin wissiehom: “Ixxekklux l-ispirtu.” (1 Tessalonikin 5:19) Iva, l-azzjonijiet u l-attitudnijiet li jmorru kontra l-prinċipji divini jistgħu jxekklu l-ispirtu qaddis milli jaġixxi għan-nom tagħna. (Efesin 4:30) Illum, il-Kristjani għandhom l-inkarigu li jxandru l-aħbar tajba. Aħna nittrattaw dan il-privileġġ b’rispett profond. Ma niħduhiex bi kbira li fost dawk li ma jafux lil Alla jkun hemm min juri stmerrija għax-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar. Però, meta Kristjan jittraskura l-ministeru tiegħu apposta, dan jistaʼ jirriżulta f’li jitfi n-nar taʼ l-ispirtu t’Alla, li jqanqalna għall-azzjoni.
10. (a) Il-mod kif iħarsu lejna n-nies kif jistaʼ jeffettwana? (b) Liema ħarsa dwar il-ministeru li tisboq lil kull ħarsa oħra nsibu fit-2 Korintin 2:17?
10 Nies li m’humiex parti mill-kongregazzjoni Kristjana għandhom mnejn jaħsbu li l-iskop tal-ministeru tagħna hu sempliċement li nqassmu l-letteratura. Oħrajn b’mod żbaljat jikkonkludu li aħna mmorru minn dar għal dar sempliċement biex niġbru l-flus. Jekk inħallu dawn l-opinjonijiet negattivi jinfluwenzaw l-attitudni tagħna, dan jistaʼ ma jħalliniex inkunu effettivi fil-ministeru. Minflok ma nħallu dawn il-ħsibijiet jeffettwawna, ejja nżommu f’moħħna l-mod kif Jehovah u Ġesù jħarsu lejn il-ministeru tagħna. L-appostlu Pawlu kien qed jitkellem dwar din il-ħarsa li tisboq lil kull ħarsa oħra meta ddikjara: “Aħna m’aħniex bħal ħafna li jinnegozjaw il-kelma taʼ Alla, iżda bħal nies b’qalbhom safja, bħal nies mibgħutin minn Alla, quddiem Alla nitkellmu fi Kristu.”—2 Korintin 2:17.
11. X’kien li għen lill-ewwel Kristjani biex jibqgħu żelużi saħansitra meta kienu persegwitati, u l-eżempju tagħhom kif għandu jeffettwana?
11 Ftit wara l-mewt taʼ Ġesù, id-dixxipli tiegħu f’Ġerusalemm iffaċċjaw perijodu taʼ persekuzzjoni. Ġew mheddin u kmandati biex jieqfu jxandru. Madankollu, il-Bibbja tgħid li huma “mtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma taʼ Alla bil-kuraġġ kollu.” (Atti 4:17, 21, 31) Il-kliem li Pawlu qal lil Timotju xi ftit tas-snin wara juri liema ħarsa pożittiva għandhom iżommu l-Kristjani. Pawlu qal: “Alla ma taniex spirtu taʼ biżaʼ, imma Spirtu taʼ qawwa, taʼ mħabba u taʼ rażan. Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija, priġunier tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa taʼ Alla.”—2 Timotju 1:7, 8.
Liema Obbligu Għandna lejn il-Proxxmu Tagħna?
12. X’inhi r-raġuni prinċipali għala aħna nxandru l-aħbar tajba?
12 Sabiex ikollna l-attitudni xierqa lejn il-ministeru, irid ikollna motiv tajjeb. Aħna għala mmorru nxandru? Ir-raġuni prinċipali nsibuha fil-kliem tas-salmista: “Iberkuk [Jehovah] il-ħbieb tiegħek kollha. Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu, biex jgħarrfu lill-bnedmin il-qawwa tiegħek, u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.” (Salm 145:10-12) Iva, aħna nxandru sabiex infaħħru pubblikament lil Jehovah u nqaddsu ismu quddiem il-bnedmin kollha. Anki meta ftit biss jisimgħuna, il-fatt li aħna qed inxandru fedelment il-messaġġ tas-salvazzjoni jġib tifħir lil Jehovah.
13. X’iqanqalna biex ngħidu lil oħrajn dwar it-tama tas-salvazzjoni?
13 Żewġ raġunijiet oħra għala aħna nxandru huma għax inħobbu lin-nies u sabiex nevitaw li nkunu ħatja tad-demm. (Eżekjel 33:8; Mark 6: 34) F’konnessjoni maʼ dan insibu l-kliem li l-appostlu Pawlu qal meta tkellem dwar dawk barra l-kongregazzjoni Kristjana: “Jien inħoss ruħi obbligat lejn il-Griegi u l-Barbari, għorrief u mhumiex.” (Rumani 1:14) Pawlu ħass li kien l-obbligu tiegħu li jiddikjara l-aħbar tajba lin-nies, ladarba r-rieda t’Alla hi li “l-bnedmin kollha jsalvaw.” (1 Timotju 2:4) Illum, aħna nħossu l-istess imħabba għall-proxxmu tagħna u l-istess obbligu lejhom. L-imħabba li Jehovah għandu għall-bnedmin qanqlitu sabiex jibgħat lil Ibnu fuq l-art ħalli jmut għalihom. (Ġwann 3:16) Dan kien sagrifiċċju kbir ferm. Aħna nkunu qed nimitaw l-imħabba taʼ Jehovah meta nużaw mill-ħin tagħna u nagħmlu sforz biex ngħidu l-aħbar tajba taʼ salvazzjoni bbażata fuq is-sagrifiċċju taʼ Ġesù lil oħrajn.
14. Il-Bibbja kif tiddeskriviha d-dinja barra l-kongregazzjoni Kristjana?
14 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jqisu lil sħabhom il-bnedmin bħala individwi li fil-futur għandhom mnejn isiru parti mill-fratellanza Kristjana. Irridu nippridkaw bil-qlubija, però m’għandniex nisfidaw lil xi ħadd biex nuru kemm aħna kuraġġużi. Il-Bibbja fil-fatt tuża kliem iebes meta titkellem b’mod ġenerali dwar id-dinja. Il-kelma “dinja” stess tintuża f’sens negattiv minn Pawlu meta jitkellem dwar “l-għerf taʼ din id-dinja” u “l-ġibdiet tad-dinja.” (1 Korintin 3:19; Titu 2:12) Pawlu fakkar ukoll lill-Kristjani f’Efesu li meta huma kienu jimxu “skond ix-xejra taʼ din id-dinja,” kienu “mejtin” spiritwalment. (Efesin 2:1-3) Dawn l-istqarrijiet u oħrajn bħalhom huma fi qbil mal-kliem taʼ l-appostlu Ġwanni: “[I]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.”—1 Ġwann 5:19.
15. X’m’għandniex nagħmlu rigward in-nies barra l-kongregazzjoni Kristjana, u għala?
15 Iżda, ftakar li stqarrijiet bħal dawn jirreferu għad-dinja in ġenerali li hija mbegħda minn Alla u mhux għal individwi. Il-Kristjani ma jaqbdux u jiġġudikaw minn qabel kif individwu se jirreaġixxi għax-xogħol taʼ l-ippridkar. Huma m’għandhom ebda bażi biex jaqbdu u jiddeskrivu lil xi individwi bħala mogħoż. Aħna m’għandna ebda dritt ngħidu x’se jkun ir-riżultat meta Ġesù jiġi biex jifred “in-nagħaġ” mill-“mogħoż.” (Mattew 25:31-46) L-imħallef maħtur huwa Ġesù, mhux aħna. Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li saħansitra xi wħud li kienu nies mill-agħar aċċettaw il-messaġġ tal-Bibbja, inbidlu, u saru Kristjani li qed jgħixu ħajjiet nodfa. Għaldaqstant, filwaqt li ma nagħmluhiex maʼ ċerti individwi, aħna ma nżommux lura milli nkellmuhom dwar it-tama tas-Saltna meta jkollna l-opportunità. L-Iskrittura titkellem dwar ċerti wħud, li waqt li kienu għadhom m’emmnux, “kienu disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem.” Huma maż-żmien saru Kristjani veri. (Atti 13:48, NW) Qatt ma nistgħu nkunu nafu min hu dispost li jaċċetta l-verità sakemm nagħtuh xiehda—forsi min jaf għal kemm-il darba. B’dan f’moħħna, aħna nittrattaw lil dawk li għadhom m’aċċettawx il-messaġġ taʼ salvazzjoni “bil-ħlewwa” u “bir-rispett,” waqt li nittamaw li xi wħud minnhom għad iwieġbu għall-messaġġ tal-ħajja.—2 Timotju 2:25; 1 Pietru 3:16 [3:15, NW].
16. X’inhi raġuni waħda għala rridu niżviluppaw l-“arti tat-tagħlim”?
16 Jekk niżviluppaw l-abbiltajiet tagħna bħala għalliema, il-ħeġġa tagħna biex inxandru l-aħbar tajba se tiżdied. Per eżempju: Jekk wieħed ma jkun jaf xejn dwar ċertu sport, dan ma tantx se jsibu interessanti, avolja jkun sport eċċitanti. Imma għal wieħed li jaf jilagħbu tajjeb, ikun xi ħaġa li jieħu gost jagħmilha. Bl-istess mod, Kristjani li jiżviluppaw l-“arti tat-tagħlim” iżidu l-ferħ tagħhom fil-ministeru. (2 Timotju 4:2, NW; Titus 1:9, Saydon) Pawlu lil Timotju wissieh: “Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.” (2 Timotju 2:15) Kif nistgħu nsiru iktar tas-sengħa bħala għalliema?
17. Kif nistgħu ‘nifformaw xenqa’ għall-għarfien tal-Bibbja, u dan l-għarfien kif se jkun taʼ benefiċċju għall-ministeru tagħna?
17 Mod wieħed hu billi nieħdu iktar għarfien eżatt. L-appostlu Pietru jinkuraġġina: “Bħal trabi tat-twelid, ixxennqu [“ifformaw xenqa,” NW] għall-ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu għas-salvazzjoni.” (1 Pietru 2:2) Għal tarbija f’saħħitha hi xi ħaġa naturali li tixxennaq għall-ħalib. Madankollu, Kristjan għandu mnejn ikollu bżonn ‘jifforma xenqa’ għall-għarfien tal-Bibbja. Dan jistaʼ jsir billi wieħed jikkultiva drawwiet tajbin taʼ studju u qari. (Proverbji 2:1-6) Jeħtieġ sforz u dixxiplina fuqna nfusna jekk irridu li nsiru għalliema tas-sengħa f’li ngħallmu l-Kelma t’Alla lil oħrajn, imma sforzi bħal dawn jiġu premjati. Meta neżaminaw il-Kelma t’Alla tant se nieħdu gost li l-ispirtu t’Alla se jkun ibaqbaq ġewwa fina, u nkunu ħerqanin biex naqsmu maʼ ħaddieħor l-affarijiet li nkunu qed nitgħallmu.
18. Il-laqgħat Kristjani kif jistgħu jħarrġuna biex inkunu nafu nużaw sewwa l-kelma tal-verità?
18 Il-laqgħat Kristjani wkoll għandhom sehem vitali f’li nitgħallmu nużaw il-Kelma t’Alla bis-sengħa. Meta jinqraw l-iskritturi waqt xi taħditiet jew diskussjonijiet Skritturali oħrajn, nagħmlu tajjeb li nsegwu fil-Bibbji tagħna. Jekk aħna għaqlin, se noqogħdu attenti ferm għall-partijiet differenti li jkun hemm fil-laqgħat, inkluż dawk li jittrattaw speċifikament ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar. Qatt m’għandna nqisu t-turijiet bħala li m’humiex daqshekk importanti, forsi billi dak il-ħin naljenaw rasna. Għal darb’oħra, neħtieġu d-dixxiplina fuqna nfusna u l-konċentrazzjoni. (1 Timotju 4:16) Il-laqgħat Kristjani jibnu l-fidi tagħna, jgħinuna nifformaw xenqa għall-Kelma t’Alla, u jħarrġuna biex inkunu xandâra żelużi taʼ l-aħbar tajba.
Nistgħu Nkunu Żguri li Jehovah Se Jappoġġana
19. Għala huwa vitali li nieħdu sehem b’mod regulari fix-xogħol taʼ l-ippridkar?
19 Il-Kristjani li huma ‘mħeġġin bl-ispirtu’ u li huma ħerqanin biex jiddikjaraw l-aħbar tajba jistinkaw biex jieħdu sehem fil-ministeru regolarment. (Efesin 5:15, 16) Veru, iċ-ċirkustanzi jvarjaw, u mhux kulħadd jistaʼ jqattaʼ l-istess ammont taʼ ħin f’dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet. (Galatin 6:4, 5) Madankollu, forsi iktar importanti mis-sigħat kollha li nqattgħu fix-xogħol taʼ l-ippridkar hu kemm nitkellmu spiss dwar it-tama tagħna m’oħrajn. (2 Timotju 4:1, 2) Iktar ma nxandru, iktar se napprezzaw l-importanza taʼ dan ix-xogħol. (Rumani 10:14, 15) Meta lil nies sinċieri li qed jitnehdu u jitbikkew u li m’għandhomx tama nikkuntattjawhom b’mod regulari, se nibdew nuru iktar mogħdrija u nħossu iktar għal oħrajn.—Eżekjel 9:4; Rumani 8:22.
20, 21. (a) Liema xogħol għad hemm quddiemna? (b) Jehovah kif qed jappoġġa l-isforzi tagħna?
20 Jehovah fdana bl-aħbar tajba. Dan hu l-ewwel inkarigu li nirċievu mingħandu bħala ‘ħaddiema miegħu.’ (1 Korintin 3:6-9) Aħna ħerqanin biex inwettqu din ir-responsabbiltà li tana Alla b’ruħna kollha, u bl-aħjar mod li nistgħu. (Mark 12:30; Rumani 12:1) Fid-dinja għad hemm ħafna nies li huma disposti li jaċċettaw il-verità u li huma bil-ġuħ għaliha. Hemm ħafna xogħol x’isir, imma nistgħu nserrħu moħħna li Jehovah se jappoġġana hekk kif inwettqu għalkollox il-ministeru tagħna.—2 Timotju 4:5.
21 Jehovah joffrilna l-ispirtu tiegħu u jarmana bix-“xabla taʼ l-Ispirtu,” il-Kelma t’Alla. Bl-għajnuna tiegħu nistgħu nitkellmu “b’wiċċna minn quddiem biex inxandru l-misteru taʼ l-Evanġelju.” (Efesin 6:17-20) Jalla l-istess kliem li l-appostlu Pawlu kiteb dwar il-Kristjani f’Tessalonika jkun jistaʼ jintqal dwarna wkoll: “Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa.” (1 Tessalonikin 1:5) Iva, ejja nxandru l-aħbar tajba bil-ħeġġa!
Reviżjoni fil-Qosor
• Minħabba l-ansjetajiet tal-ħajja, x’jistaʼ jiġrilu ż-żelu tagħna fil-ministeru?
• Ix-xewqa tagħna li niddikjaraw l-aħbar tajba b’liema mod għandha tkun bħal “nar jaqbad” fi qlubna?
• Liema attitudnijiet negattivi dwar il-ministeru għandna nevitaw?
• B’mod ġenerali, kif għandna nqisu lil dawk li m’għandhomx l-istess twemmin tagħna?
• Jehovah kif jgħinna nibqgħu żelużi fix-xogħol taʼ l-ippridkar?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 9]
Il-Kristjani jimitaw iż-żelu taʼ Pawlu u Ġeremija
[Stampi f’paġna 10]
Il-ħeġġa tagħna fil-ministeru hija mqanqla mill-imħabba lejn Alla u l-proxxmu