Kif Tistaʼ Ssib Serħan?
Fi żmienna, hemm ħafna affarijiet li huma differenti minn kif kienu fi żmien Thoreau, li ssemma fl-artiklu taʼ qabel. Differenza waħda ewlenija hi li llum m’aħniex neqsin mill-pariri dwar kif nistgħu nsibu serħan. Il-psikoloġi u l-awturi tal-kotba li juruk kif tgħin lilek innifsek—saħansitra dawk li jiktbu fil-gazzetti—kollha joffru l-ideat tagħhom. Il-pariri tagħhom jistgħu jagħtu xi ftit taʼ l-għajnuna, imma biex tinstab soluzzjoni li jkollha effett fit-tul, hemm bżonn taʼ xi ħaġa li tilħaq ferm iktar fil-fond. Hekk skoprew l-individwi li ssemmew fl-artiklu taʼ qabel.
ANTÔNIO, Marcos, Gerson, Vania, u Marcelo trabbew f’ambjenti differenti, u kellhom problemi differenti. Imma kellhom mill-inqas tliet affarijiet komuni bejniethom. L-ewwelnett, kien hemm żmien meta huma ‘kienu bla tama u bla Alla fid-dinja.’ (Efesin 2:12) It-tieni, kienu jixxennqu biex ikollhom il-paċi tal-moħħ. U t-tielet, ilkoll kemm huma sabu s-serħan li xtaqu wara li aċċettaw studju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Hekk kif bdew jagħmlu progress, huma rrealizzaw li Alla kien interessat fihom. Tabilħaqq, bħalma qal Pawlu lill-Atenjani taʼ żmienu, Alla “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27) Li wieħed ikun konvint minn dan huwa fattur ewlieni biex ikollu l-paċi tal-moħħ.
Għala Hawn Daqshekk Ftit Paċi?
Il-Bibbja tagħti żewġ raġunijiet bażiċi għala fid-dinja hawn nuqqas taʼ paċi—sew jekk paċi tal-moħħ u sew jekk paċi bejn in-nies. L-ewwel waħda hija spjegata f’Ġeremija 10:23: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” Il-bniedem la għandu l-għerf u lanqas jistaʼ jara bil-quddiem sabiex ikun jaf imexxi lilu nnifsu mingħajr għajnuna taʼ ħadd, u l-unika għajnuna vera li qatt jistaʼ jkollu tiġi biss mingħand Alla. Bnedmin li ma jfittxux il-gwida t’Alla qatt ma se jkollhom paċi dejjiema. It-tieni raġuni għala hawn nuqqas taʼ paċi nistgħu nkunu nafuha mill-kliem taʼ l-appostlu Ġwanni: “[I]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Mingħajr gwida divina, l-isforzi tal-bniedem biex ikollu l-paċi se jkunu dejjem maħnuqin mill-attivitajiet taʼ dak il-“Ħażin” li ma jidhirx imma jeżisti tassew—u hu verament b’saħħtu—Satana.
Għal dawn iż-żewġ raġunijiet—li l-biċċa l-kbira tan-nies ma jfittxux il-gwida t’Alla u li Satana huwa attiv ħafna fid-dinja—ir-razza umana in ġenerali tinsab fi stat imwiegħer. L-appostlu Pawlu ddeskrivieha tajjeb ħafna: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas.” (Rumani 8:22) Kif jistaʼ xi ħadd ma jaqbilx maʼ dan? Kemm f’pajjiżi sinjuri u kemm f’dawk fqar, il-problemi tal-familja, il-kriminalità, l-inġustizzja, il-konflitti tal-personalità, l-inċertezza ekonomika, il-mibegħda bejn it-tribujiet u l-gruppi etniċi, il-moħqrija, il-mard, u ħafna affarijiet oħrajn, iċaħħdu lin-nies mis-serħan tal-moħħ.
Kif Nistgħu Nsibu Serħan
Meta Antônio, Marcos, Gerson, Vania, u Marcelo studjaw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, huma tgħallmu affarijiet li biddlulhom ħajjithom. Ħaġa waħda li tgħallmu hi li s-sitwazzjoni fid-dinja xi darba se tkun differenti. Dan ma jfissirx li huma sempliċement jisperaw li fl-aħħar mill-aħħar kollox imur tajjeb. Minflok, huma għandhom fiduċja vera u msejsa fis-sod li Alla għandu skop għall-umanità u li saħansitra issa nistgħu nibbenefikaw minn dan l-iskop jekk nagħmlu r-rieda tiegħu. Huma applikaw f’ħajjithom dak li tgħallmu mill-Bibbja, u s-sitwazzjoni tagħhom tjiebet. Huma sabu iktar hena u paċi milli qatt ħasbu li setaʼ jkollhom.
Antônio m’għadux jieħu sehem fi protesti u ġlied biex jaqbeż għad-drittijiet tal-ħaddiema. Hu jaf li l-bidliet li jsiru b’riżultat taʼ dan huma limitati u temporanji. Dan ir-raġel li darba kien mexxej taʼ għaqda tal-ħaddiema tgħallem dwar is-Saltna t’Alla. Hija l-istess Saltna li miljuni jitolbu għaliha meta jgħidu t-talba tal-Missierna, li fiha jitolbu lil Alla: “Tiġi saltnatek.” (Mattew 6:10) Antônio tgħallem li s-Saltna t’Alla hija gvern reali fis-sema, li se jġib paċi ġenwina għall-umanità.
Marcos tgħallem ipoġġi fil-prattika l-pariri għaqlin tal-Bibbja dwar is-suġġett taż-żwieġ. Bħala riżultat, issa dan ir-raġel li qabel kien politikant jinsab ferħan wara li reġaʼ ngħaqad maʼ martu. Hu wkoll qed iħares ’il quddiem lejn iż-żmien, li hu fil-qrib, meta permezz tas-Saltna t’Alla se jkun hawn sistema aħjar minflok din is-sistema dinjija rgħiba u egoista. Is-sentenza fit-talba tal-Missierna, “Ħalli r-rieda tiegħek tkun magħmula fuq l-art bħalma hi fis-sema” tfisser ħafna iktar għalih. (Mattew 6:10b, New International Version) Meta ssir ir-rieda t’Alla fuq l-art, il-bnedmin se jgħixu ħajja li ħadd qatt ma għex qabel.
Xi ngħidu għal Gerson? Hu m’għadux jiġġerra minn post għall-ieħor jew jisraq. Il-ħajja taʼ dan ir-raġel li kien jgħix fit-toroq issa għandha skop, għaliex hu ddedika ruħu biex jgħin lil oħrajn isibu l-paċi tal-moħħ. Bħalma juru dawn l-esperjenzi, jekk wieħed jistudja l-Bibbja u japplika dak li tgħid, dan jistaʼ jġib tibdil kbir għall-aħjar fil-ħajja tiegħu.
Serħan f’Dinja Mimlija Inkwiet
L-iktar persunaġġ storiku importanti fit-twettiq tar-rieda t’Alla huwa Ġesù Kristu, u meta n-nies jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, jitgħallmu ħafna dwaru. Fil-lejl meta twieled, l-anġli kantaw tifħir lil Alla: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!” (Luqa 2:14) Meta Ġesù kiber, hu kien interessat f’li jtejjeb il-ħajjiet tan-nies. Kien jifhem kif kienu jħossuhom u wera ħafna u ħafna mogħdrija lejn dawk li kienu qed ibatu u lejn il-morda. U, fi qbil maʼ dak li qalu l-anġli, sa ċertu punt, hu ġab serħan lill-ġwejdin. Fi tmiem il-ministeru tiegħu, hu qal lid-dixxipli: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżżaʼ.”—Ġwann 14:27.
Ġesù ma kienx sempliċement bniedem li jħobb jgħin lil ħaddieħor. Hu qabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj, u xebbah lis-segwaċi ġwejdin tiegħu maʼ nagħaġ meta qal: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra. Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.” (Ġwann 10:10, 11) Iva, kuntrarju għal tant mexxejja tal-lum li jpoġġu l-interessi tagħhom l-ewwel u qabel kollox, Ġesù ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.
Kif nistgħu nibbenefikaw minn dak li għamel Ġesù? Ħafna huma familjari mal-kliem: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Li neżerċitaw fidi f’Ġesù jirrikjedi, l-ewwelnett, li nieħdu għarfien dwaru u dwar Missieru, Jehovah. Għarfien dwar Alla u Ġesù Kristu jistaʼ jwassal biex ikollna relazzjoni intima m’Alla Jehovah, li se tgħinna biex ikollna l-paċi tal-moħħ.
Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja taʼ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.” (Ġwann 10:27, 28) Kemm hu kliem taʼ mħabba u faraġ! Veru, Ġesù lissnu kważi elfejn sena ilu, imma għadu japplika llum daqskemm kien japplika dak iż-żmien. Qatt tinsa li Ġesù Kristu għadu ħaj u huwa attiv, u issa qiegħed fuq it-tron jaħkem bħala s-Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla. Hu għadu jimpurtah ħafna minn uħud ġwejdin li jixxennqu biex isibu serħan, l-istess bħal meta kien hawn fuq l-art ħafna snin ilu. Iżjed minn hekk, hu xorta għadu r-Ragħaj tan-nagħaġ tiegħu. Jekk insegwuh, hu se jgħinna biex ikollna l-paċi tal-moħħ. Dan jinkludi li nistgħu nistennew bil-fiduċja kollha li fil-futur naraw paċi totali—u dan ifisser li ma se jkun hemm ebda vjolenza, gwerra, u kriminalità.
Li nkunu nafu u nemmnu li Jehovah, permezz taʼ Ġesù, se jgħinna, iġibilna benefiċċji kbar. Tiftakarha lil Vania, li meta kienet żgħira kellha titgħabba b’responsabbiltajiet kbar u kienet taħseb li Alla kien nesieha? Issa Vania taf li Alla m’abbandunahiex. Hi tgħid: “Tgħallimt li Alla hu persuna vera u li għandu kwalitajiet li tant jiġbduk lejh. L-imħabba tiegħu qanqlitu biex jibgħat lil Ibnu fuq l-art biex jagħtina l-ħajja. Huwa importanti ħafna li tkun tafu dan.”
Marcelo jixhed li r-relazzjoni tiegħu m’Alla hija waħda vera. Dan iż-żagħżugħ li kien iħobb imur il-parties jikkummenta: “Taʼ
spiss, iż-żgħażagħ ma jkunux jafu x’għandhom jagħmlu, u jispiċċaw jagħmlu l-ħsara lilhom infushom. Xi wħud jibdew jabbużaw mid-drogi, bħalma għamilt jien. Nispera li jkun hemm ħafna oħrajn li jiġu mberkin bl-istess mod, billi jitgħallmu l-verità dwar Alla u Ibnu.”Permezz taʼ studju tal-Bibbja fid-dettall, Vania u Marcelo żviluppaw fidi soda f’Alla, u bdew juru fiduċja fih minħabba li hu ġenwinament irid jgħinhom jittrattaw mal-problemi tagħhom. Jekk nagħmlu dak li għamlu huma—nistudjaw il-Bibbja u napplikaw dak li tgħid—se nsibu serħan kbir, l-istess bħalhom. Imbagħad, l-inkuraġġiment taʼ l-appostlu Pawlu tassew se jkun japplika fil-każ tagħna: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.”—Filippin 4:6, 7.
Insibu Paċi Ġenwina Llum
Ġesù Kristu qed jiggwida lil nies li huma għatxana għall-verità fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-art. Hekk kif jiggwidahom lejn il-qima pura t’Alla, huma jesperjenzaw paċi bħal dik li hi deskritta fil-Bibbja: “U l-poplu tiegħi f’post tas-sliem, jgħammar bla biżaʼ, mistrieħ fil-kwiet.” (Isaija 32:18) U din hija biss indikazzjoni żgħira tal-paċi li se jgawdu fil-futur. Naqraw: “Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu. Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:11, 29.
Allura nistgħu nsibu serħan illum? Iva. Iktar minn hekk, nistgħu nibqgħu ċerti li fil-futur qarib, Alla se jbierek lill-bnedmin ubbidjenti bil-paċi iktar minn qatt qabel. Għalhekk, għala ma titolbux biex jagħtik il-paċi tiegħu? Jekk għandek xi problemi li jċaħħduk mit-trankwillità, itlob bil-mod kif talab David: “Serraħli qalbi mid-dwejjaq, min-niket tiegħi eħlisni. Ara n-niket u d-diqa tiegħi, u aħfirli ħtijieti kollha.” (Salm 25:17, 18) Ibqaʼ ċert li Alla jisimgħu talb bħal dan. Hu jiftaħ idu u jagħti l-paċi lil dawk kollha li jfittxuha bis-sinċerità. Bl-imħabba kollha, jintqalilna b’ċertezza: “Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. Jaqtgħalhom xewqithom ’il dawk li jibżgħu minnu, jismaʼ l-għajta tagħhom, u jsalvahom.”—Salm 145: 18, 19.
[Kumment f’paġna 5]
Il-bniedem la għandu l-għerf u lanqas jistaʼ jara bil-quddiem sabiex ikun jaf imexxi lilu nnifsu mingħajr għajnuna taʼ ħadd, u l-unika għajnuna vera li qatt jistaʼ jkollu tiġi biss mingħand Alla
[Kumment f’paġna 6]
Għarfien dwar Alla u Ġesù Kristu jistaʼ jwassal biex ikollna relazzjoni intima m’Alla Jehovah, li se tgħinna biex ikollna l-paċi tal-moħħ
[Stampa f’paġna 7]
Li nobdu l-pariri tal-Bibbja jwassal biex il-ħajja tal-familja tkun mimlija paċi