Qiegħed Tibbenefika Int mill-Eżempji Tajbin?
“INTOM sirtu mudell għal dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja.” L-appostlu Pawlu kiteb dan il-kliem lill-Kristjani leali li kienu joqogħdu Tessalonika. L-eżempju li ħallew għal sħabhom il-Kristjani kien tassew taʼ min ifaħħru. Madankollu, it-Tessalonikin infushom kienu qed jimxu fuq l-eżempju li kienu ħallew Pawlu u sħabu. Pawlu qal: “Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa; intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom. Intom sirtu tixbhu lilna.”—1 Tessalonikin 1:5-7.
Iva, Pawlu mhux bil-kliem biss kien jippriedka. Hu kien jagħmel dan bil-mod kif għex ħajtu—eżempju taʼ fidi, sabar, u taʼ li wieħed jissagrifika lilu nnifsu. Minħabba f’dan, Pawlu u sħabu kellhom influwenza kbira fuq il-ħajja tat-Tessalonikin, tant li qanqluhom biex jaċċettaw il-verità “fost ħafna taħbit [“tribulazzjoni,” NW].” Iżda żgur li Pawlu u sħabu fix-xogħol ma kinux l-unika influwenza pożittiva li kellhom f’ħajjithom dawk l-aħwa. Anki l-eżempju taʼ oħrajn li ssaportew it-tribulazzjonijiet kien taʼ inkuraġġiment għalihom. Pawlu kiteb lit-Tessalonikin: “Għax intom sirtu tixbhu, ħuti, lill-knejjes taʼ Alla li hemm fil-Lhudija, fi Kristu Ġesù: intom sofrejtu l-istess minn għand in-nies taʼ pajjiżkom, bħalma sofrew huma minn għand il-Lhud.”—1 Tessalonkin 2:14, Saydon.
Kristu Ġesù—L-Aqwa Eżemplar
Għalkemm Pawlu nnifsu kien ħalla eżempju taʼ min jimxi fuqu, hu dderieġa l-attenzjoni lejn Ġesù Kristu bħala l-eżempju ewlieni li l-Kristjani għandhom jimitaw. (1 Tessalonikin 1:6) Kristu kien u għadu l-aqwa Eżemplar li nistgħu nsegwu. L-appostlu Pietru kiteb: “Għal dan intom kontu msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu.”—1 Pietru 2:21.
Madankollu, ħajjet Ġesù bħala bniedem intemmet kważi 2,000 sena ilu. Issa hu “jgħammar f’dawl li ħadd ma jistaʼ jersaq lejh” bħala ħlejqa spirtu immortali. Bħala tali, “ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jistaʼ jarah.” (1 Timotju 6:16) Allura kif nistgħu nimitawh? Mod wieħed hu billi nistudjaw l-erbaʼ rakkonti Bibliċi tal-ħajja taʼ Ġesù. L-Evanġelji jipprovdulna għarfien profond dwar il-personalità, il-ħajja, u l-“attitudni mentali” tiegħu. (Filippin 2:5-8, NW) Jistaʼ jkollna fehma iktar profonda jekk nistudjaw bir-reqqa l-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, li jiddiskuti l-ġrajjiet tal-ħajja taʼ Ġesù fid-dettall u fl-ordni kif seħħew. a
L-eżempju li ħalla Ġesù f’li jissagrifika lilu nnifsu kellu effett qawwi fuq l-appostlu Pawlu. Hu qal lill-Kristjani Korintin: “Jiena bil-qalb kollha nonfoq u nintefaq għall-ġid taʼ rwieħkom.” (2 Korintin 12:15) X’attitudni li tixbah lil dik taʼ Kristu! Hekk kif nikkontemplaw l-eżempju perfett li ħallielna, aħna wkoll għandna nitqanqlu biex nimitawh f’ħajjitna.
Per eżempju, Ġesù għallimna li għandna nafdaw fil-wegħda t’Alla li jipprovdilna l-affarijiet materjali. Imma hu għamel iktar minn hekk. Kien juri fidi u fiduċja bħal din f’Jehovah kuljum. Mattew 6:25; 8:20) Huma l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħek dominati mit-tħassib dwar affarijiet materjali? Jew tagħti prova permezz tal-mod kif tgħix ħajtek li qed tfittex is-Saltna l-ewwel? U xi ngħidu dwar l-attitudni tiegħek lejn is-servizz taʼ Jehovah? Hija bħal dik li kellu l-Eżemplar tagħna, Ġesù? Il-Bibbja turi li Ġesù ma kienx sempliċement jippriedka dwar iż-żelu imma hu stess wera żelu jaħraq f’ħafna okkażjonijiet. (Ġwann 2:14-17) Iżjed minn hekk, x’eżempju mill-aħjar ħalla Ġesù rigward l-imħabba! Hu saħansitra ssagrifika ħajtu stess għad-dixxipli tiegħu! (Ġwann 15:13) Qiegħed int timita lil Ġesù billi turi mħabba lejn ħutek Kristjani? Jew tħalli l-imperfezzjonijiet taʼ xi wħud minnhom itellfuk milli turi l-imħabba lejhom?
Hu qal: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” (Hekk kif nistinkaw biex insegwu l-eżempju taʼ Kristu, se nonqsu ħafna drabi. Imma żgur li Jehovah jkun kuntent bl-isforzi tagħna biex ‘nilbsu lil Sidna Ġesù Kristu.’—Rumani 13:14.
“Eżempju tal-Merħla”
Hemm xi individwi fil-kongregazzjoni llum li jistgħu jkunu t’eżempju għalina? Dażgur li hemm! Aħwa rġiel li nħatru f’karigi taʼ responsabbiltà jridu jkunu t’eżempju b’mod speċjali. Pawlu qal lil Titu, li kien iżur il-kongregazzjonijiet ġewwa Kreta u kien jaħtar l-indokraturi, li kull anzjan maħtur “ma għandu jkollu xejn x’wieħed jgħid fih.” (Titu 1:5, 6) B’mod simili, l-appostlu Pietru ħeġġeġ lill-“presbiteri” biex isiru “eżempju tal-merħla.” (1 Pietru 5:1-3) U xi ngħidu għal dawk li jaqdu bħala qaddejja ministerjali? Dawn ukoll għandhom ikunu rġiel li “jaqdu dmirhom sewwa.”—1 Timotju 3:13.
M’għandniex xi ngħidu, ma nkunux realistiċi jekk nistennew li kull anzjan jew qaddej ministerjali jibbrilla f’kull aspett tal-ministeru Kristjan. Pawlu qal lill-Kristjani f’Ruma: “Aħna għandna doni differenti skond il-grazzja li Alla tana.” (Rumani 12:6) Mhux l-aħwa kollha għandhom l-istess kapaċitajiet. Ma jkunx raġunevoli jekk nistennew li kulma jgħidu jew jagħmlu l-anzjani jkun perfett. “Aħna lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit,” tgħid il-Bibbja f’Ġakbu 3:2. “Jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu.” Madankollu, minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom, l-anzjani xorta jistgħu ‘jkunu t’eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemhom u fl-imġiba tagħhom, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa,’ bħalma kien Timotju. (1 Timotju 4:12) Meta l-anzjani jagħmlu hekk, dawk fil-merħla japplikawha minn qalbhom it-twiddiba f’Lhud 13:7: “Ftakru f’dawk li jmexxukom, . . . [“u hekk kif tikkontemplaw dwar x’jiġri bil-kondotta tagħhom,” NW] imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom.”
Eżempji Oħrajn fi Żmienna
Kien hemm ħafna u ħafna oħrajn li kienu t’eżempju tajjeb matul dawn l-aħħar snin. Xi ngħidu għall-eluf taʼ missjunarji li ssagrifikaw lilhom infushom billi ‘telqu djar jew aħwa subien jew aħwa bniet jew missier jew omm jew tfal jew artijiet’ biex iwettqu l-inkarigu Kristjan f’artijiet barranin? (Mattew 19:29) Aħseb ukoll dwar l-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom, l-irġiel u n-nisa li jaqdu bħala volontieri fl-uffiċċji tal-Watch Tower Society, u l-pijunieri li jaqdu lill-kongregazzjonijiet. Jistgħu dawn l-eżempji jqanqlu lil oħrajn biex jaġixxu? Evanġelizzatur Kristjan fl-Asja jiftakar lil wieħed missjunarju mit-tmien klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Hu qal li dan il-ħu leali kien “lest li jiffaċċja l-qtajjaʼ tan-nemus u l-umdità taqtagħlek nifsek. . . . Barra minn hekk, xi ħaġa iktar impressjonanti kienet il-kapaċità li kellu biex jagħmel preżentazzjonijiet kemm bil-lingwa Ċiniża u kemm bil-lingwa Malajana, għalkemm hu kien mill-Ingilterra.” X’kien l-effett taʼ dan l-eżempju mill-aħjar? Il-ħu qal: “Il-kalma u l-kunfidenza li kellu qanqlu fija x-xewqa li nsir missjunarju meta nikber.” U fil-fatt dan il-ħu veru sar missjunarju.
Il-Watch Tower Publications Index fih lista twila ferm t’esperjenzi li dehru fir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Dawn l-esperjenzi jirrakkontaw dwar individwi li telqu warajhom karrieri u miri dinjin, għelbu xi dgħjufijiet li kellhom, għamlu bidliet kbar fil-personalità tagħhom, żammew attitudni pożittiva waqt li ffaċċjaw l-inkwiet, u wrew bżulija, sabar, lealtà, umiltà, kif ukoll spirtu taʼ ssagrifikar tagħhom infushom. Wieħed mill-qarrejja kiteb hekk dwar dawn ir-rakkonti: “Jagħmluni Kristjan iktar umli u grat hekk kif naqra dwar dak li għaddew minnu oħrajn, u għenuni biex ma nkunx imkabbar bija nnifsi jew egoist.”
Iktar minn hekk, tinsiex lil dawk li huma t’eżempju tajjeb fil-kongregazzjoni tiegħek stess. Hemm il-kapijiet tal-familja li kontinwament jieħdu ħsieb kemm tal-bżonnijiet materjali kif ukoll dawk spiritwali tal-familji tagħhom. Hemm ukoll l-aħwa nisa—inkluż ommijiet li jrabbu t-tfal mingħajr raġel—li jittrattaw mal-pressjonijiet tat-trobbija tat-tfal waqt li xorta jkollhom sehem attiv fil-ministeru. Imbagħad hemm l-aħwa mdaħħlin fiż-żmien jew li jbatu minn nuqqas taʼ saħħa, li jibqgħu leali minkejja li jsiru dejjem iżjed dgħajfin u saħħithom tkompli tmajna. Ma jmissulekx qalbek eżempji bħal dawn?
Veru, id-dinja mimlija b’eżempji ħżiena. (2 Timotju 3:13) Minkejja dan, ikkunsidra dak li qal Pawlu lill-Kristjani li kienu jgħixu fil-Lhudija. Wara li tkellem dwar l-imġiba eżemplari taʼ ħafna rġiel u nisa leali tal-qedem, l-appostlu Pawlu ħeġġiġhom: “Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira taʼ xhieda, ejjew . . . b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.” (Lhud 12:1, 2) Il-Kristjani llum ukoll huma mdawrin bi ‘sħaba kbira’ t’eżempji tajbin—kemm tal-qedem u kemm taʼ żmienna. Qiegħed int tassew tibbenefika minnhom? Dan huwa possibbli jekk tkun determinat li ‘ma timxix fuq il-ħażin, imma fuq it-tajjeb.’—3 Ġwann 11.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Kumment f’paġna 20]
Ma nkunux realistiċi jekk nistennew li kull anzjan jew qaddej ministerjali jkollu tattika eċċezzjonali f’kull aspett tal-ministeru Kristjan
[Stampi f’paġna 21]
L-anzjani għandhom ikunu “eżempju tal-merħla”