Ġejt Int Influwenzat miċ-Ċiniċi?
“IĊ-ĊINIKU huwa dak il-wieħed li qatt ma jara xejn tajjeb f’persuna, iżda qatt ma jonqos li jara x’għandha ħażin. Qisu kokka umana, b’għajnejha miftuħin fid-dlam, u għamja fid-dawl, tgħarrex għall-ġrieden, u ma jirnexxilhiex tilmaħ priża mill-aqwa.” Din l-istqarrija jingħad li ntqalet mill-Amerikan Henry Ward Beecher, membru tal-kleru fis-seklu 19. Ħafna għandhom mnejn jaħsbu li dan il-kliem jagħti stampa eżatta taʼ l-ispirtu li juri wieħed ċiniku taʼ żmienna. Imma l-kelma “ċiniku” oriġinat mill-Greċja tal-qedem, u kienet tfisser iktar milli wieħed sempliċement juri attitudni bħal din. Għal sekli sħaħ, din kienet tirreferi għal grupp taʼ filosfi li kellhom l-istess fehma.
Kif żviluppat il-filosofija taċ-Ċiniċi? X’kienu jgħallmu? Huma l-karatteristiċi taʼ wieħed Ċiniku taʼ min jixtieqhom fi Kristjan?
Iċ-Ċiniċi tal-Qedem—L-Oriġini u t-Twemmin Tagħhom
Il-Greċja tal-qedem kienet post fejn kienu jsiru diskussjonijiet u dibattiti jaħarqu. Matul is-sekli li wasslu għall-Era Komuni tagħna, irġiel bħal Sokrate, Platun, u Aristotele ġabu ’l quddiem il-filosofiji li għamluhom magħrufin maʼ kullimkien. It-tagħlim tagħhom kellu effett profond fuq in-nies, u l-ideat tagħhom għadhom jidhru fil-kultura tal-pajjiżi tal-Punent.
Sokrate (470-399 Q.E.K.) argumenta li l-ferħ dejjiemi mhux dejjem jiġi mill-ġiri wara affarijiet materjali jew mit-tgawdija taʼ pjaċiri senswali. Hu kien tal-fehma li l-veru hena jirriżulta minn ħajja dedikata għat-tfittxija għall-virtù. Għal Sokrate, il-virtù kienet l-iktar ħaġa tajba. Biex jilħaq din il-mira, ċaħad il-lussu materjali u evita sforzi bla bżonn li ħass li setgħu jtellfuh. Kien determinat li jkun moderat u jiċħad lilu nnifsu, billi jgħix ħajja sempliċi mingħajr lussu.
Sokrate żviluppa stil taʼ tagħlim li sar magħruf bħala l-metodu Sokratiku. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-filosfi kienu jippreżentaw l-idea tagħhom u mbagħad iġibu l-argumenti biex isaħħuha, Sokrate kien jagħmel bil-kontra. Hu kien jismaʼ t-teoriji tal-filosfi l-oħrajn u mbagħad kien jara kif jikxfilhom id-difetti fl-ideat tagħhom. Dan il-metodu kien jinkuraġġixxi lil dak li jkun biex jikkritika u juri nuqqas taʼ rispett lejn l-oħrajn.
Fost is-segwaċi taʼ Sokrate kien hemm filosfu jismu Antistene (madwar is-snin 445-365 Q.E.K.). Flimkien maʼ wħud oħrajn, dan kompla javanza t-tagħlim bażiku taʼ Sokrate billi qal li l-virtù hija l-unika ħaġa tajba. Għalihom il-ġiri wara l-pjaċiri ma kienx biss taʼ tfixkil iżda forma taʼ ħażen. Tant marru fl-estrem bl-attitudni anti-soċjali tagħhom, li din wasslithom biex juru stmerrija kbira lejn sħabhom il-bnedmin. Huma saru magħrufin bħala Ċiniċi. L-isem Ċiniku setaʼ kien ġej minn kelma Griega (ky·ni·kosʹ) li kienet tiddeskrivi l-imġiba mqita u arroganti tagħhom. Din tfisser “bħal kelb.” a
L-Effett fuq il-Mod taʼ Ħajja Tagħhom
Waqt li xi aspetti tal-filosofija Ċinika, bħall-oppożizzjoni għall-materjaliżmu u għall-issodisfar estrem taʼ kapriċċi persunali, kienu jitqiesu bħala li għandhom jiġu mfaħħrin, iċ-Ċiniċi kienu jmorru fl-estrem iżżejjed bl-ideat tagħhom. Dan jidher ċar fil-ħajja taʼ l-iktar Ċiniku magħruf—il-filosfu Dijoġene.
Dijoġene twieled fis-sena 412 Q.E.K. f’Sinope, belt fuq il-Baħar l-Iswed. Hu mar joqgħod Ateni flimkien maʼ missieru, fejn sar midħla tat-tagħlim taċ-Ċiniċi. L-għalliem tiegħu kien Antistene nnifsu, u l-filosofija Ċinika telgħetlu għal rasu. Sokrate għex ħajja sempliċi, u Antistene waħda dixxiplinata. Iżda, il-ħajja taʼ Dijoġene kienet waħda iebsa. Infatti, jgħidu li Dijoġene għex għal xi żmien f’bittija biex jenfasizza kemm kien ċaħad il-kumditajiet materjali!
Jingħad li fit-tfittxija tiegħu għall-unika ħaġa tajba, Dijoġene qagħad jimxi f’Ateni fid-dawl tax-xemx b’lampa mixgħula, ifittex persuna virtuża! Kondotta bħal din żgur li kienet tiġbed l-attenzjoni u kienet mod wieħed kif Dijoġene u ċ-Ċiniċi l-oħrajn kienu jgħallmu lil ħaddieħor. Jingħad li Alessandru l-Kbir darba minnhom staqsa lil Dijoġene x’kien jixtieq l-iktar. Ir-rakkont ikompli li dan kulma qallu kien biex iwarrablu min-nofs għax kien qed jgħattilu d-dawl tax-xemx!
Dijoġene u ċ-Ċiniċi l-oħrajn kienu jgħixu taʼ tallaba. Ma kellhomx ħin għal relazzjonijiet umani normali, u rrifjutaw li jaqdu dmirijiethom bħala ċittadini. Forsi għax influwenzati mill-metodu taʼ kif kien jargumenta Sokrate, huma kienu jonqsu żżejjed f’li juru rispett lejn l-oħrajn. Dijoġene sar magħruf għas-sarkażmu niggieżi tiegħu. Iċ-Ċiniċi ħadu r-reputazzjoni taʼ li kienu ‘bħal klieb,’ imma Dijoġene nnifsu ġie mlaqqam Il-Kelb. Hu miet madwar is-sena 320 Q.E.K. meta kellu qrib id-90 sena, u fuq il-qabar tiegħu nbena monument taʼ l-irħam li kien fih il-forma taʼ kelb.
Xi aspetti tal-filosofija Ċinika daħlu f’filosofiji oħrajn. Madankollu, maż-żmien, l-istramberiji assoċjati maʼ Dijoġene u s-segwaċi tiegħu li ġew wara, wasslu biex il-filosofija Ċinika titlef il-kredtu li kellha, u tgħib għalkollox.
Iċ-Ċiniċi taʼ Żmienna—Għandek Turi l-Istess Karatteristiċi Tagħhom?
L-Oxford English Dictionary jiddeskrivi liċ-ċiniku modern bħala wieħed b’tendenza li jiddieħaq u jgħajjar jew li jħobb isib id-difetti; wieħed li ġeneralment juri li m’għandux fiduċja li l-motivi jew l-azzjonijiet tal-bniedem jistgħu jkunu sinċieri jew tajbin. U dan jurih b’disprezz u sarkażmu. Huwa wieħed li jħobb isib ix-xagħra fl-għaġina u dan jagħmlu b’disprezz. Dawn il-karatteristiċi narawhom ċar fid-dinja taʼ madwarna, imma, m’għandniex xi ngħidu, dawn m’humiex fi qbil mal-personalità Kristjana. Ikkunsidra daqsxejn xi ftit mit-tagħlim u l-prinċipji li nsibu fil-Bibbja.
“Ħanin u twajjeb il-Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija. Ma joqgħodx jitlewwem magħna, u anqas jinkorla għal dejjem.” (Salm 103:8, 9) Il-Kristjani hawnhekk qed jintqalilhom biex ‘ikunu jixbhu lil Alla.’ (Efesin 5:1) Għalhekk, jekk Alla li Jistaʼ Kollox jagħżel li juri magħna ħniena u qalb tajba b’imħabba minflok ma joqgħod jiddieħaq bina jew isibilna d-difetti, żgur li l-Kristjani għandhom jistinkaw biex jagħmlu l-istess.
Ġesù Kristu, li hu r-riflessjoni preċiża taʼ Jehovah, ‘ħallielna eżempju biex nimxu fuq il-passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21; Lhud 1:3) Xi drabi, Ġesù kixef il-falzità reliġjuża u ta prova tax-xogħlijiet mill-agħar tad-dinja. (Ġwann 7:7) Però, hu qal ħafna affarijiet sbieħ dwar in-nies sinċieri. Per eżempju, hu qal dwar Natanjel: “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.” (Ġwann 1:47) Meta Ġesù għamel xi miraklu, kultant kien jiffoka fuq il-fidi taʼ l-individwu. (Mattew 9:22) U meta xi wħud ħasbu li r-rigal taʼ waħda mara kien kemxejn ħali żżejjed, Ġesù ma kienx ċiniku dwar il-motivi tagħha imma qal: “Tassew, ngħidilkom, li kull fejn jixxandar dan l-Evanġelju fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha.” (Mattew 26:6-13) Ġesù kien ħabib taʼ min jafdah u sieħeb kollu mħabba għas-segwaċi tiegħu, billi “ħabbhom għall-aħħar.”—Ġwann 13:1.
Ladarba Ġesù kien perfett, hu setaʼ faċilment isib xi difett f’nies imperfetti. Madankollu, Mattew 11:29, 30.
minflok ma qagħad ifittex il-ħtija, hu wera li kellu fiduċja fin-nies u fittex li jirrifreskahom.—“[L-imħabba] kollox temmen.” (1 Korintin 13:7) Din l-istqarrija hija f’kuntrast dirett mat-tendenza taċ-ċiniku, li jkollu dubji dwar il-motivi u l-azzjonijiet taʼ oħrajn. M’għandniex xi ngħidu, id-dinja hija mimlija nies li jaħbu l-motivi tagħhom, u għalhekk irridu noqogħdu attenti. (Proverbji 14:15) Minkejja dan, l-imħabba dejjem lesta biex temmen għax tafda, u m’hijiex suspettuża bla bżonn.
Alla jħobb u jafda lill-qaddejja tiegħu. Hu jaf x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħhom ħafna aħjar milli jafuhom huma. Madankollu, Jehovah qatt ma jħares lejn in-nies tiegħu b’suspett, u lanqas ma jistenna minnhom iktar milli jifilħu. (Salm 103:13, 14) Iktar minn hekk, Alla jfittex it-tajjeb fil-bnedmin, u għalkemm imperfetti, hu jafda lill-qaddejja leali tiegħu bi privileġġi u awtorità.—1 Slaten 14:13; Salm 82:6.
“Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb u ngħarbel il-ġewwieni, biex nagħti ’l kull wieħed skond imġibtu, skond ma jkun jistħoqq għemilu.” (Ġeremija 17:10) Jehovah jistaʼ jaqra l-qalb taʼ persuna b’mod eżatt. Aħna ma nistgħux nagħmluh dan. Għalhekk, irridu noqogħdu attenti li ma nittimbrawx lil ħaddieħor b’ċerti motivi.
Jekk inħallu spirtu ċiniku jrabbi l-għeruq fina u maż-żmien jiddominalna ħsibijietna, ikun hemm il-possibbiltà li tinħoloq firda bejnna u bejn sħabna fit-twemmin. Dan jistaʼ jtellef il-paċi fil-kongregazzjoni Kristjana. Għalhekk ejja nimxu fuq l-eżempju taʼ Ġesù, li kien jittratta mad-dixxipli tiegħu b’mod realistiku iżda fl-istess ħin pożittiv. Għalihom, hu sar ħabib li setgħu jafdawh.—Ġwann 15:11-15.
“Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.” (Luqa 6:31) Hemm ħafna modi kif nistgħu napplikaw dan il-parir taʼ Ġesù Kristu. Per eżempju, ilkoll kemm aħna nippreferu min ikellimna b’qalb tajba u b’rispett. Mela allura, aħna żgur irridu nkellmu lil oħrajn b’qalb tajba u b’rispett. Saħansitra meta Ġesù kixef b’qawwa t-tagħlim falz tal-mexxejja reliġjużi, hu qatt m’għamel dan b’mod ċiniku.—Mattew 23:13-36.
Modi Kif Niġġieldu Kontra ċ-Ċiniżmu
Jekk ġarrabna xi diżappunti, jistaʼ jkun faċli ħafna li nħallu lilna nfusna niġu influwenzati miċ-ċiniżmu. Aħna nistgħu niġġieldu kontra din it-tendenza billi napprezzaw il-fatt li Jehovah jittratta b’fiduċja man-nies imperfetti tiegħu. Dan jistaʼ jgħinna naċċettaw lill-adoraturi l-oħra t’Alla kif inhuma—bnedmin imperfetti li qed jagħmlu ħilithom biex jagħmlu dak li hu tajjeb.
Esperjenzi qarsa jistgħu jwasslu lil xi wħud biex jitilfu l-fiduċja tagħhom fin-nies. Huwa minnu li m’huwiex għaqli li npoġġu l-fiduċja kollha tagħna fi bnedmin imperfetti. (Salm 146:3, 4) Madankollu, fil-kongregazzjoni Kristjana, hemm ħafna li tassew jixtiequ jkunu sors taʼ inkuraġġiment. Aħseb ftit dwar dawk l-eluf li qishom ommijiet, missirijiet, aħwa, u wlied għal dawk li tilfu l-familji tagħhom stess. (Mark 10:30) Aħseb kif ħafna wħud jagħtu prova li huma ħbieb veri fi żmien l-hemm. b—Proverbji 18:24.
M’huwiex iċ-ċiniżmu imma hija l-imħabba fraterna li tidentifika lis-segwaċi taʼ Ġesù, għaliex hu qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Għalhekk ejja nuru l-imħabba, u ejja niffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin taʼ sħabna l-Kristjani. Li nagħmlu dan se jgħinna nevitaw il-karatteristiċi taʼ wieħed Ċiniku.
[Noti taʼ taħt]
a Jistaʼ jkun ukoll li l-isem Ċiniku ġej minn Ky·noʹsar·ges, post f’Ateni fejn kien jgħallem Antistene.
b Ara l-artiklu “Il-Kongregazzjoni Kristjana—Sors t’Għajnuna li Ssaħħaħ” f’It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Mejju, 1999.
[Stampa f’paġna 21]
L-iktar Ċiniku magħruf, Dijoġene
[Sors taʼ l-istampa]
Mill-ktieb Great Men and Famous Women