Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Tama taʼ l-Irxoxt Għandha l-Qawwa

It-Tama taʼ l-Irxoxt Għandha l-Qawwa

“Jiena ngħodd kollox bħala telf . . . biex . . . nagħraf lilu [lil Ġesù Kristu] u l-​qawwa tal-​qawmien tiegħu MILL-​IMWIET.”—FILIPPIN 3:8-10.

1, 2. (a) Snin ilu, membru tal-​kleru kif iddeskrivieh l-​irxoxt? (b) L-​irxoxt kif se jseħħ?

 Fil-​bidu tas-​snin 90 tas-​seklu dsatax, l-​istampa pubblika rrapportat dwar priedka unika li ngħatat minn membru tal-​kleru fi Brooklyn, New York, fl-​Istati Uniti. Dan qal li l-​irxoxt se jkun jikkonsisti f’li l-​għadam u l-​laħam kollu li qatt ifformaw xi ġisem uman jinġabru mill-​ġdid u jerġgħu jingħataw il-​ħajja. Dan kellu jsir kemm jekk il-​ġisem kien inqered bin-​nar jew b’xi aċċident, kien mikul minn xi bhima jew sar fertilizzant. Il-​predikatur sostna li f’ċerta ġurnata t’24 siegħa, l-​arja kienet se ssir sewda bl-​idejn, id-​dirgħajn, ir-​riġlejn, is-​swabaʼ, l-​għadam, in-​nervituri, u l-​ġilda tal-​biljuni taʼ bnedmin mejtin. Dawn il-​partijiet kienu se jfittxu porzjonijiet oħrajn mill-​istess ġisem. L-​erwieħ kellhom imbagħad jiġu mis-​sema jew mill-​infern biex jgħixu f’dawn l-​iġsma rxoxtati.

2 M’hijiex ħaġa loġika li l-​irxoxt isir billi l-​atomi oriġinali jiġu organizzati mill-​ġdid. Barra minn hekk, il-​bnedmin m’għandhomx ruħ immortali. (Koħèlet 9:5, 10; Eżekjel 18:​4, ) Jehovah, dak Alla taʼ l-​irxoxt, m’għandux għalfejn jgħaqqad mill-​ġdid l-​atomi tal-​materja li oriġinalment ifformaw ġisem uman. Hu jistaʼ jsawwar iġsma ġodda għal dawk li jiġu rxoxtati. Lil Ibnu, Ġesù Kristu, Jehovah tah il-​qawwa li jqajjem il-​mejtin, bil-​possibbiltà li jkollhom ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 5:26) Għalhekk, Ġesù qal: “Jien hu l-​qawmien u l-​ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.” (Ġwann 11:25, 26) X’wegħda li tqawwi l-​qalb! Din issaħħaħna biex nissaportu l-​provi, kif ukoll biex niffaċċjaw il-​mewt bħala Xhieda leali taʼ Jehovah.

3. Pawlu għala kellu bżonn jiddefendi l-​irxoxt?

3 L-​irxoxt ma jaqbel xejn maʼ l-​idea li l-​bnedmin għandhom ruħ immortali—opinjoni li kellu l-​filosfu Grieg Platun. Għalhekk, x’ġara meta l-​appostlu Pawlu ta xiehda lil xi Griegi prominenti fuq l-​Arjopagu f’Ateni, meta rrefera għal Ġesù, u qal li Alla rxoxtah? Jgħid ir-​rakkont: “Malli semgħu kliemu fuq il-​qawmien mill-​imwiet, xi wħud minnhom bdew jidħku.” (Atti 17:29-34) Ħafna li kienu raw lil Ġesù Kristu rxoxtat kienu għadhom ħajjin u, minkejja t-​twaqqigħ għaċ-​ċajt, xehdu li kien ġie mqajjem mill-​imwiet. Imma xi għalliema foloz imseħbin mal-​kongregazzjoni f’Korintu ċaħduh l-​irxoxt. Minħabba f’hekk, Pawlu ddefendieh b’qawwa kbira dan it-​tagħlim Kristjan fl-​1 Korintin kapitlu 15. Studju bir-​reqqa taʼ l-​argumenti tiegħu juri bla dubju ċ-​ċertezza u l-​qawwa tat-​tama taʼ l-​irxoxt.

Prova Solida taʼ l-​Irxoxt taʼ Ġesù

4. Pawlu jagħti liema prova taʼ xhieda li raw b’għajnejhom stess l-​irxoxt taʼ Ġesù?

4 Innota l-​mod kif Pawlu fetaħ id-​difiża tiegħu. (1 Korintin 15:1-11) Jekk il-​Korintin ma kinux saru jemmnu għalxejn, allura kienu se jżommuha soda l-​aħbar tajba taʼ salvazzjoni. Kristu miet għal dnubietna, kien midfun, u ġie mqajjem. Fil-​fatt, Ġesù rxoxtat deher lil Kefa (Pietru), “u mbagħad lit-​Tnax.” (Ġwann 20:19-23) Rawh xi 500 ruħ, forsi meta ta l-​kmand: ‘Morru agħmlu dixxipli.’ (Mattew 28:19, 20) Ġakbu rah, bħalma rawh l-​appostli leali kollha. (Atti 1:6-11) Qrib Damasku, Ġesù deher lil Sawl ‘qisu lil wieħed li twieled qabel il-​waqt’—bħallikieku kien diġà tqajjem għal ħajja fl-​ispirtu. (Atti 9:1-9) Il-​Korintin saru jemmnu għaliex Pawlu ppridkalhom, u huma aċċettaw l-​aħbar tajba.

5. X’kienet il-​linja taʼ raġunar taʼ Pawlu, bħalma hemm miktub fl-​1 Korintin 15:12-19?

5 Osserva l-​linja taʼ raġunar taʼ Pawlu. (1 Korintin 15:12-19) Ladarba dawk li rawh b’għajnejhom stess jippridkaw li Kristu ġie rxoxtat, kif jistaʼ jingħad li m’hemmx irxoxt? Jekk Ġesù ma ġiex imqajjem mill-​imwiet, l-​ippridkar u l-​fidi tagħna huma għalxejn, u aħna giddibin li nagħtu xiehda kontra Alla billi ngħidu li hu rxoxta lil Kristu. Jekk il-​mejtin ma jqumux, ‘aħna għadna fi dnubietna,’ u dawk li huma mejtin f’għaqda maʼ Kristu għebu. Iktar minn hekk, “jekk għandna tama fi Kristu għal din il-​ħajja biss, aħna l-​aktar nies imsejkna fost kemm huma l-​bnedmin.”

6. (a) X’qal Pawlu biex jafferma l-​irxoxt taʼ Ġesù? (b) X’inhu “l-​aħħar għadu,” u kif se jinqered?

6 Pawlu jaffermah l-​irxoxt taʼ Ġesù. (1 Korintin 15:20-28) Peress li Kristu hu “l-​ewwel frott” taʼ dawk li raqdu fil-​mewt, hemm ukoll oħrajn li kellhom jiġu rxoxtati. Billi l-​mewt irriżultat mid-​diżubbidjenza tal-​bniedem Adam, l-​irxoxt iseħħ permezz taʼ bniedem—Ġesù. Dawk li jappartjenu lilu kellhom jitqajmu matul il-​preżenza tiegħu. Kristu jeqred “kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa” li jopponu s-​sovranità t’Alla u jmexxi hu bħala Sultan sakemm Jehovah jqiegħed l-​għedewwa kollha taħt riġlejh. “L-​aħħar għadu”—il-​mewt li writna mingħand Adam—ukoll se jinqered permezz tal-​mertu tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. Imbagħad Kristu se jgħaddi s-​Saltna lil Alla tiegħu u Missieru, billi jitqiegħed “taħt Alla li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.”

Mgħammdin għall-​Mejtin?

7. Min huma dawk li jiġu “mgħammdin għall-​mejtin,” u dan x’ifisser għalihom?

7 Lil dawk li jopponu l-​irxoxt issirilhom din il-​mistoqsija: “Inkella x’jagħmlu dawk li huma mgħammdin għall-​mejtin?” (1 Korintin 15:29) Pawlu ma riedx ifisser li l-​ħajjin iridu jiġu mgħammdin għan-​nom tal-​mejtin, għax id-​dixxipli taʼ Ġesù jridu jitgħallmu, jemmnu, u jitgħammdu personalment. (Mattew 28:19, 20; Atti 2:41) Kristjani midlukin jiġu “mgħammdin għall-​mejtin” billi jiġu mgħaddsin f’korsa taʼ ħajja li twassal għall-​mewt u l-​irxoxt. Din ix-​xorta taʼ magħmudija tibda meta l-​ispirtu t’Alla jnissel fihom it-​tama tas-​sema u tintemm meta huma jitqajmu mill-​mewt għal ħajja immortali fis-​sema bħala spirti.—Rumani 6:3-5; 8:16, 17; 1 Korintin 6:14.

8. Il-​Kristjani dwar liema ħaġa jistgħu jkunu ċerti saħansitra jekk Satana u l-​qaddejja tiegħu joqtluhom?

8 Bħalma jindika kliem Pawlu, bis-​saħħa tat-​tama taʼ l-​irxoxt il-​Kristjani jinsabu fil-​periklu l-​ħin kollu u jiffaċċjaw il-​mewt kuljum talli jagħmlu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. (1 Korintin 15:30, 31) Huma jafu li Jehovah jistaʼ jirxoxtahom jekk jippermetti li jinqatlu minn Satana u l-​qaddejja tiegħu. Alla biss jistaʼ jeqred ir-​ruħ, jew il-​ħajja, tagħhom f’Geħenna, li tissimbolizza l-​qerda eterna.—Luqa 12:​5, NW.

Bżonn li Noqogħdu Attenti

9. Biex it-​tama taʼ l-​irxoxt ikollha l-​qawwa li twieżen f’ħajjitna, x’irridu nevitaw?

9 It-​tama taʼ l-​irxoxt wieżnet lil Pawlu. Waqt li kien f’Efesu, jistaʼ jkun li l-​għedewwa tiegħu tefgħuh ġo l-​arena biex jiġġieled mal-​bhejjem salvaġġi. (1 Korintin 15:32) Jekk dan seħħ, hu ġie meħlus, saħansitra bħalma Danjel ġie salvat minn ħalq l-​iljuni. (Danjel 6:17-23 [6:16-22, NW]; Lhud 11:32, 33) Ladarba kellu t-​tama taʼ l-​irxoxt, Pawlu ma kellux l-​attitudni li kellhom l-​apostati taʼ Ġuda fi żmien Isaija. Dawn qalu: “Nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.” (Isaija 22:13) Biex it-​tama taʼ l-​irxoxt ikollha l-​qawwa li twieżen f’ħajjitna bħalma għamlet fil-​każ taʼ Pawlu, irridu nevitaw lil dawk li għandhom dan l-​ispirtu marradi. “La titqarrqux,” wissa Pawlu. “Il-​ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33) M’għandniex xi ngħidu, dan il-​prinċipju japplika għal diversi aspetti tal-​ħajja.

10. It-​tama li għandna fl-​irxoxt kif tistaʼ tinżamm ħajja?

10 Lil dawk li ddubitaw l-​irxoxt, Pawlu qalilhom: “Erġgħu għal sensikom kif għandu jkun u tidinbux; u, b’għajb għalikom ngħidu, xi wħud minnkom ma jafux b’Alla.” (1 Korintin 15:34) F’dan iż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” irridu naġixxu fi qbil maʼ l-​għarfien eżatt dwar Alla u Kristu. (Danjel 12:4; Ġwann 17:3) Dan se jżommhielna ħajja t-​tama li għandna fl-​irxoxt.

Irxoxtati b’Liema Ġisem?

11. Pawlu kif ta stampa taʼ l-​irxoxt taʼ Kristjani midlukin?

11 Pawlu mbagħad jittratta ċerti mistoqsijiet. (1 Korintin 15:35-41) Forsi fi sforz biex jitfaʼ dubju fuq l-​irxoxt, wieħed li jistħarreġ għandu mnejn jistaqsi: “Kif iqumu l-​mejtin? B’liema ġisem jiġu?” Bħalma wera Pawlu, żerriegħa li tinżeraʼ fil-​ħamrija fil-​fatt tmut hekk kif tinbidel biex issir nebbieta. Bl-​istess mod, bniedem imnissel bl-​ispirtu jrid imut. Sewwa sew bħalma pjanta tikber minn żerriegħa bħala ġisem ġdid, hekk ukoll il-​ġisem irxoxtat tal-​Kristjan midluk huwa differenti mil-​laħam uman. Għalkemm ikollu l-​istess mudell taʼ ħajja li kellu qabel ma miet, jitqajjem bħala ħlejqa ġdida b’ġisem taʼ spirtu li kapaċi jgħix fis-​sema. Naturalment, dawk li jiġu rxoxtati fuq l-​art se jitqajmu b’iġsma umani.

12. X’ifissru l-​espressjonijiet “iġsma tas-​sema” u “iġsma taʼ l-​art”?

12 Bħalma qal Pawlu, il-​laħam uman huwa differenti minn dak taʼ l-​annimali. Anki l-​laħam taʼ l-​annimali jvarja minn ġens għal ieħor. (Ġenesi 1:20-25) L-​“iġsma tas-​sema” taʼ ħlejjaq spirti huma differenti f’dik li hi glorja mill-​“iġsma taʼ l-​art” tal-​laħam. Hemm differenzi wkoll fil-​glorja tax-​xemx, il-​qamar, u l-​kwiekeb. Imma wħud midlukin li jiġu rxoxtati għandhom glorja ferm akbar.

13. Skond l-​1 Korintin 15:42-44, x’jinżeraʼ u x’jitqajjem?

13 Wara li semma d-​differenzi, Pawlu żied: “Hekk ukoll hu l-​qawmien mill-​imwiet.” (1 Korintin 15:42-44) Hu qal: “Jinżeraʼ ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx.” Jistaʼ jkun li hawnhekk Pawlu qed jirreferi għall-​midlukin bħala grupp. Filwaqt li jinżeraʼ fit-​taħsir mal-​mewt, jitqajjem fin-​nuqqas taʼ taħsir, ħieles mid-​dnub. Għalkemm jiġi diżonorat mid-​dinja, jitqajjem għall-​ħajja fis-​sema u jintgħamel jidher maʼ Kristu f’dik li hi glorja. (Atti 5:41; Kolossin 3:4) Mal-​mewt, jinżeraʼ “ġisem naturali” u jitqajjem “ġisem spiritwali.” Ladarba dan huwa possibbli fil-​każ taʼ Kristjani mnisslin mill-​ispirtu, nistgħu nkunu ċerti li oħrajn jistgħu jitqajmu għal ħajja fuq l-​art.

14. Pawlu kif għamel kuntrast bejn Kristu u Adam?

14 Pawlu mbagħad għamel kuntrast bejn Kristu u Adam. (1 Korintin 15:45-49) L-​ewwel bniedem, Adam, “sar ħlejqa ħajja.” (Ġenesi 2:7) “L-​aħħar wieħed”—Ġesù—“sar spirtu li jagħti l-​ħajja.” Hu ta ħajtu bħala sagrifiċċju li bih ħallas il-​prezz tal-​fidwa, l-​ewwelnett għan-​nom tas-​segwaċi midlukin tiegħu. (Mark 10:45) Bħala bnedmin, dawn ikunu ‘mlibbsin ix-​xbieha tal-​bniedem taʼ l-​art,’ imma meta jiġu rxoxtati jsiru bħall-​aħħar Adam. M’għandniex xi ngħidu, is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù se jibbenefikaw minnu l-​bnedmin ubbidjenti kollha, inkluż dawk li jiġu rxoxtati fuq l-​art.—1 Ġwann 2:1, 2.

15. Il-​Kristjani midlukin għala ma jiġux irxoxtati tad-​demm u l-​laħam, u kif jitqajmu matul il-​preżenza taʼ Ġesù?

15 Meta l-​Kristjani midlukin imutu, ma jitqajmux b’ġisem tal-​laħam. (1 Korintin 15:50-53) Ġisem tad-​demm u l-​laħam li jitħassar ma jistax jiret in-​nuqqas taʼ taħsir u s-​Saltna tas-​sema. Xi wħud mill-​midlukin mhux se jkollhom jgħaddu minn raqda twila fil-​mewt. Billi jtemmu l-​korsa taʼ lealtà tagħhom fuq l-​art matul il-​preżenza taʼ Ġesù, dawn kellhom ‘jitbiddlu, f’waqt wieħed, f’teptipa taʼ għajn.’ Kellhom jitqajmu f’daqqa waħda għal ħajja fl-​ispirtu bla taħsir u mimlija glorja. Eventwalment, l-​“Għarusa” taʼ Kristu fis-​sema se tkun komposta minn 144,000 membru.—Apokalissi 14:1; 19:7-9; 21:9; 1 Tessalonikin 4:15-17.

Rebħa fuq il-​Mewt!

16. Skond Pawlu u profeti iktar bikrin, x’se jiġrilha l-​mewt li ntirtet mingħand il-​midneb Adam?

16 B’mod trijonfanti, Pawlu ddikjara li l-​mewt kellha tinbelaʼ għal dejjem. (1 Korintin 15:54-57) Meta dak li jitħassar u dak li jmut jilbsu n-​nuqqas taʼ taħsir u l-​immortalità, se jitwettaq dan il-​kliem: “Jeqred il-​mewt għal dejjem.” “Fejn hi, ja Mewt, ir-​rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-​niggieża tiegħek?” (Isaija 25:8; Ħosegħa 13:14) In-​niggieża li tipproduċi l-​mewt hija d-​dnub, u s-​saħħa tad-​dnub kienet il-​Liġi, li kienet tikkundanna lill-​midinbin għall-​mewt. Imma permezz tas-​sagrifiċċju u l-​irxoxt taʼ Ġesù, il-​mewt li ntirtet mingħand il-​midneb Adam mhix se tkun iktar rebbieħa.—Rumani 5:12; 6:23.

17. Il-​kliem li hemm fl-​1 Korintin 15:58 kif japplika llum?

17 “Għalhekk, ħuti għeżież,” qal Pawlu, “żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-​ħidma tal-​Mulej. Kunu afu li l-​ħidma tagħkom fil-​Mulej m’hijiex għalxejn.” (1 Korintin 15:58) Dan il-​kliem japplika għall-​fdal midluk tal-​lum u għan-​“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù saħansitra jekk imutu f’dawn l-​aħħar jiem. (Ġwann 10:16) Il-​ħidma tagħhom bħala proklamaturi tas-​Saltna m’hijiex għalxejn, għax hemm l-​irxoxt jistenniehom. Għalhekk, bħala l-​qaddejja taʼ Jehovah, ejja nżommu ruħna okkupati fix-​xogħol tal-​Mulej waqt li nistennew il-​jum meta nkunu nistgħu ngħajtu bil-​ferħ: “Fejn hi, ja Mewt, ir-​rebħa tiegħek?”

It-​Tama taʼ l-​Irxoxt Imwettqa!

18. Kemm kienet qawwija t-​tama taʼ Pawlu fl-​irxoxt?

18 Il-​kliem taʼ Pawlu mniżżel fl-​1 Korintin kapitlu 15 jagħmilha ċara li ħajtu kienet dominata mit-​tama taʼ l-​irxoxt. Hu kien ċert assolutament li Ġesù tqajjem mill-​imwiet u li oħrajn ukoll kellhom jinħelsu mill-​qabar komuni tal-​bnedmin. Għandek int din il-​konvinzjoni qawwija? Pawlu qies il-​vantaġġi egoistiċi bħala “knis” u ‘għadd kollox bħala telf’ sabiex ikun jistaʼ ‘jagħraf lil Kristu u l-​qawwa tal-​qawmien tiegħu mill-​imwiet.’ L-​appostlu kien lest li jissottometti ruħu għal mewt bħal dik taʼ Kristu bit-​tama li jirċievi l-​“qawmien mill-​imwiet” iktar bikri. Dan jissejjaħ ukoll “l-​ewwel qawmien taʼ l-​imwiet,” u jgħaddu minnu l-​144,000 segwaċi midlukin taʼ Ġesù. Iva, dawn jitqajmu għal ħajja fis-​sema bħala spirti, filwaqt li l-​“bqija tal-​mejtin” se jiġu rxoxtati fuq l-​art.—Filippin 3:8-11; Apokalissi 7:4; 20:5, 6.

19, 20. (a) Liema individwi msemmijin fil-​Bibbja se jitqajmu għal ħajja fuq l-​art? (b) Int lejn l-​irxoxt taʼ min tħares ’il quddiem?

19 It-​tama taʼ l-​irxoxt saret realtà glorjuża għall-​midlukin li baqgħu leali sal-​mewt. (Rumani 8:18; 1 Tessalonikin 4:15-18; Apokalissi 2:10) Dawk li jibqgħu ħajjin wara t-​“taħbit il-​kbir” se jaraw it-​tama taʼ l-​irxoxt titwettaq fuq l-​art hekk kif ‘il-​baħar irodd lura l-​mejtin li hemm ġo fih, u hekk ukoll il-​Mewt u l-​qiegħ taʼ l-​art iroddu lura l-​mejtin li hemm ġo fihom.’ (Apokalissi 7:9, 13, 14; 20:13) Fost dawk li jitqajmu għal ħajja fuq l-​art se jkun hemm Ġob, li tilef sebaʼ subien u tlett ibniet. Immaġina kemm se jifraħ meta jilqagħhom lura—u kemm se jieħdu gost dawn li jkollhom sebaʼ ħuthom subien iktar u tlett ibniet sbieħ oħrajn!—Ġob 1:1, 2, 18, 19; 42:12-15.

20 X’barka se tkun meta Abraham u Sara, Iżakk u Rebekka—iva u tant u tant oħrajn, inkluż il-​“profeti kollha”—jitqajmu għal ħajja fuq l-​art! (Luqa 13:28) Danjel kien wieħed minn dawn il-​profeti, u ġie mwiegħed irxoxt taħt il-​ħakma Messjanika. Danjel ilu jistrieħ fil-​qabar għal xi 2,500 sena, imma bil-​qawwa taʼ l-​irxoxt, dalwaqt se ‘jqum għall-​wirt li jmissu’ bħala wieħed mill-​“kapijiet fuq l-​art kollha.” (Danjel 12:13; Salm 45:17 [45:16, NW]) X’eċċitament se tħoss meta tilqaʼ lura mhux biss lil uħud leali tal-​qedem imma wkoll lil missierek, ommok, ibnek, bintek, jew lil oħrajn għeżież li ttiħdulek mill-​għadu l-​mewt!

21. Għala m’għandniex noqogħdu nittratienu biex nagħmlu affarijiet tajbin għal ħaddieħor?

21 Xi wħud mill-​ħbieb u l-​maħbubin tagħna forsi qdew lil Alla għal għaxriet taʼ snin u huma mdaħħlin fiż-​żmien. L-​età avanzata forsi tagħmilhielhom diffiċli biex jilqgħu l-​isfidi tal-​ħajja. Kemm ikun taʼ mħabba li nagħtuhom l-​għajnuna li nistgħu sewwa sew issa! Allura mbagħad mhux se jiddispjaċina li nkunu nqasniehom b’xi mod jekk il-​mewt taħtafhom bħala l-​vittmi tagħha. (Koħèlet 9:11; 12:1-7; 1 Timotju 5:3, 8) Nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah mhux se jinsa l-​affarijiet tajbin li nagħmlu għal ħaddieħor, huma x’inhuma l-​età jew iċ-​ċirkustanzi tagħhom. “Mela,” kiteb Pawlu, “dment li għandna ż-​żmien ħa nagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabatna fil-​fidi.”—Galatin 6:10; Lhud 6:10.

22. Sakemm titwettaq it-​tama taʼ l-​irxoxt, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

22 Jehovah hu “Missier il-​ħniena u Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3, 4) Kelmtu tfarraġna u tgħinna nfarrġu lil ħaddieħor bit-​tama qawwija taʼ l-​irxoxt. Sakemm naraw b’għajnejna t-​twettiq taʼ din it-​tama permezz tal-​qawmien tal-​mejtin għal ħajja fuq l-​art, ejja nkunu bħal Pawlu, li kellu fidi fl-​irxoxt. Jalla nimitaw b’mod speċjali lil Ġesù, li ra t-​twettiq tat-​tama tiegħu fil-​qawwa t’Alla li jirxoxtah. Dawk li qegħdin fl-​oqbra tal-​mafkar dalwaqt se jisimgħu leħen Kristu u joħorġu. Jalla dan iġibilna faraġ u ferħ. Imma fuq kollox, jalla niżżu ħajr lil Jehovah, li r-​rebħa fuq il-​mewt għamilha possibbli permezz tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu!

X’Inhi t-​Tweġiba Tiegħek?

• Pawlu jagħti liema prova taʼ xhieda li raw b’għajnejhom stess l-​irxoxt taʼ Ġesù?

• X’inhu “l-​aħħar għadu,” u kif se jinqered?

• Fil-​każ tal-​Kristjani midlukin, x’jinżeraʼ u x’jitqajjem?

• Liema individwi msemmijin fil-​Bibbja tkun tixtieq li tiltaqaʼ magħhom meta jitqajmu għal ħajja fuq l-​art?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 16]

L-​appostlu Pawlu għamel difiża qawwija dwar l-​irxoxt

[Stampi f’paġna 20]

L-​irxoxt taʼ Ġob, tal-​familja tiegħu, u taʼ tant u tant oħrajn se jġib ferħ bla limitu!