It-Tama taʼ l-Irxoxt Hi Ċerta!
“Nittama f’Alla . . . li kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.”—ATTI 24:15.
1. Għala nistgħu nittamaw fl-irxoxt?
JEHOVAH tana raġunijiet tajbin biex nittamaw fl-irxoxt. Għandna l-kelma tiegħu li l-mejtin se jirxoxtaw, li se jerġgħu jqumu bil-wieqfa ħajjin. U l-iskop tiegħu rigward dawk li huma reqdin fil-mewt żgur li se jitwettaq. (Isaija 55:11; Luqa 18:27) Fil-fatt, Alla diġà wera l-qawwa tiegħu li jqajjem il-mejtin.
2. It-tama taʼ l-irxoxt kif tistaʼ tkun taʼ ġid għalina?
2 Il-fidi fil-provvediment t’Alla li jqajjem il-mejtin permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, tistaʼ twiżinna meta nkunu taħt stress. Il-fatt li aħna ċerti mit-tama taʼ l-irxoxt jistaʼ jgħinna wkoll inżommu l-integrità lejn Missierna tas-sema saħansitra sal-punt li nkunu lesti li mmutu. X’aktarx li t-tama tagħna fl-irxoxt se tissaħħaħ hekk kif nagħtu ħarsa lejn każi li nsibuhom miktubin fil-Bibbja fejn il-ħajja ngħatat mill-ġdid. Dawn il-mirakli twettqu kollha permezz taʼ qawwa mingħand il-Mulej Sovran Jehovah.
Ħadu Lura l-Mejtin Tagħhom Irxoxtati mill-Mewt
3. Elija ngħata l-qawwa li jagħmel liema ħaġa meta miet l-iben taʼ waħda armla f’Sarefta?
3 Meta kien qed jagħti ħarsa kommoventi lura lejn il-fidi murija minn xhieda taʼ Jehovah taʼ qabel l-era Kristjana, l-appostlu Pawlu kiteb: “Nisa ħadu lura l-mejtin tagħhom irxuxtati mill-mewt.” (Lhud 11:35; 12:1) Waħda minn dawn in-nisa kienet armla fqira fil-belt Feniċja taʼ Sarefta. Talli laqgħet għandha lil Elija, il-profeta t’Alla, id-dqiq tagħha b’mod mirakoluż ma spiċċax u ż-żejt tagħha ma tbattalx matul perijodu taʼ ġuħ li żgur kieku kien joqtol kemm lilha u kemm lil binha. Meta iktar tard miet binha, Elija meddu fuq mitraħ, talab, imtedd tliet darbiet fuqu, u talab bil-ħniena: “Mulej, Alla tiegħi, ħalli ruħ it-tifel tarġaʼ lura fih!” Alla, fil-fatt, ġiegħel li r-ruħ, jew il-ħajja, tiġi lura fit-tifel. (1 Slaten 17:8-24) Immaġina kemm ferħet dik l-armla meta l-fidi tagħha ġiet premjata permezz taʼ l-ewwel irxoxt li nsibuh imniżżel bil-miktub—dak taʼ binha l-għażiż!
4. Eliżew liema miraklu wettaq f’Sunem?
4 Mara oħra li ħadet lura l-mejjet tagħha bl-irxoxt għexet fil-belt taʼ Sunem. Din, li kienet mart raġel xwejjaħ, uriet qalb tajba mal-profeta Eliżew u mal-qaddej tiegħu, u, minħabba f’hekk, ġiet premjata b’iben. Madankollu, iktar tard, wara diversi snin, hi bagħtet għall-profeta, u meta wasal għandha dan sab lit-tifel mejjet. Wara li Eliżew talab u ħa ċerti passi, “ġisem it-tifel beda jisħon.” Dan “għatas sebaʼ darbiet, u bexxaq għajnejh.” Bla dubju, kemm l-omm u kemm binha ferħu ferm b’dan l-irxoxt. (2 Slaten 4:8-37; 8:1-6) Imma kemm se jkunu iktar henjin meta jitqajmu għall-ħajja fuq l-art fil-“qawmien aħjar”—qawmien li jpoġġilhom quddiemhom il-possibbiltà li qatt ma jerġaʼ jkollhom għalfejn imutu! Kemm għandna għalfejn niżżuh ħajr lil dak Alla taʼ l-irxoxt, li tant iħobbna, Jehovah!—Lhud 11:35.
5. Eliżew kif kien involut f’miraklu saħansitra wara mewtu?
5 Saħansitra wara l-mewt u d-difna taʼ Eliżew, Alla ta l-qawwa lil għadmu permezz taʼ l-ispirtu qaddis. Naqraw: “Meta . . . [ċerti Iżraelin] kienu qegħdin jidfnu wieħed mejjet, raw qatgħa minnhom [mill-Mowabin] u xeħtu r-raġel fil-qabar taʼ Eliżew u telqu. Malli r-raġel mejjet mess maʼ l-għadam taʼ Eliżew, ħa l-ħajja, u qam fuq riġlejh.” (2 Slaten 13:20, 21) Min jaf kif issorprenda ruħu u kemm feraħ dak ir-raġel! Immaġina l-ferħ li se jħossu meta l-maħbubin tagħna jitqajmu għall-ħajja fi qbil maʼ l-iskop li ma jfallix t’Alla Jehovah!
L-Iben t’Alla Qajjem il-Mejtin
6. Ġesù liema miraklu wettaq qrib il-belt taʼ Najn, u din il-ġrajja kif tistaʼ teffettwana?
6 Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, tana raġunijiet sodi biex nemmnu li l-mejtin jistgħu jiġu rxoxtati, bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. Ġrajja li seħħet qrib il-belt taʼ Najn tistaʼ tgħinna nirrealizzaw li miraklu bħal dan huwa possibbli permezz tal-qawwa mogħtija minn Alla. Darba minnhom, Ġesù ltaqaʼ maʼ xi reffiegħa jġorru l-ġisem taʼ żagħżugħ ’il barra mill-belt biex jidfnuh. Dan kien l-uniku iben li kellha waħda armla. Ġesù qalilha: “Tibkix.” Imbagħad mess il-katalett u qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” Minnufih, dan qam bil-qegħda u tkellem. (Luqa 7:11-15) Dan il-miraklu żgur li jagħmilna iktar konvinti li t-tama taʼ l-irxoxt hi ċerta.
7. X’seħħ f’konnessjoni maʼ bint Ġajru?
7 Aħseb ftit, ukoll, dwar ġrajja li involviet lil Ġajru, uffiċjal li jippresiedi tas-sinagoga f’Kafarnahum. Dan talab lil Ġesù biex jiġi jgħin lill-maħbuba bintu taʼ 12-il sena, li kienet qed tmut. Malajr waslilhom ir-rapport li t-tifla kienet mietet. Ġesù ħeġġeġ lil Ġajru, li kien milqut bin-niket, biex jeżerċita l-fidi, u mar miegħu d-dar, fejn kien hemm folla tibki u tixher. Dawn iddieħqu bih meta Ġesù qalilhom: “It-tfajla m’hijiex mejta, imma rieqda.” Din tabilħaqq li kienet mejta, imma Ġesù kien wasal biex juri li n-nies jistgħu jitqajmu għall-ħajja sewwa sew bħalma jistgħu jitqajmu minn raqda fil-fond. Waqt li qabad lit-tfajla minn idha, hu qal: “Talitha, qum!” Din qamet minnufih, u l-“ġenituri tagħha stagħġbu għall-aħħar” u riedu jtiru bil-ferħ. (Mark 5:35-43; Luqa 8:49-56) Bla dubju, membri tal-familja se ‘jistagħġbu għall-aħħar’ u jtiru bil-ferħ meta l-maħbubin mejtin tagħhom jitqajmu għall-ħajja fuq art magħmula ġenna.
8. X’għamel Ġesù ħdejn il-qabar taʼ Lazzru?
8 Lazzru kien ilu mejjet erbat ijiem meta Ġesù resaq lejn il-qabar tiegħu u ordna li titneħħa l-blata li kien hemm fid-daħla tal-qabar. Wara li talab fil-pubbliku sabiex min jarah ikun jaf li hu kien jiddependi mill-qawwa li tah Alla, Ġesù qal b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!” U ħareġ hu! Idejh u saqajh kienu għadhom infaxxati bil-faxex tad-difna, u wiċċu kien mgħotti b’maktur. “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur,” qal Ġesù. Meta raw dan il-miraklu, ħafna li kienu hemmhekk biex ifarrġu lil Marija u lil Marta, ħut Lazzru, poġġew fidi f’Ġesù. (Ġwann 11:1-45) Ma jimlikx dan ir-rakkont bit-tama li l-maħbubin tiegħek jistgħu jitqajmu għall-ħajja fid-dinja l-ġdida t’Alla?
9. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù jistaʼ issa jirxoxta l-mejtin?
9 Meta Ġwanni l-Għammied kien il-ħabs, Ġesù bagħatlu dan il-messaġġ inkuraġġanti: “L-għomja jaraw, . . . il-mejtin iqumu.” (Mattew 11:4-6) Ladarba, meta kien fuq l-art, Ġesù rxoxta l-mejtin, żgur li hu jistaʼ jagħmel dan bħala ħlejqa spirtu setgħan mogħti l-qawwa minn Alla. Ġesù hu “l-qawmien u l-ħajja,” u kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li fil-futur qarib “dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu”!—Ġwann 5:28, 29; 11:25.
Irxoxtijiet Oħrajn Isaħħulna t-Tama
10. Kif tiddeskrivih int l-ewwel irxoxt rapportat li sar minn appostlu?
10 Meta Ġesù bagħat lill-appostli tiegħu jippridkaw dwar is-Saltna, qal: “Qajjmu l-mejtin.” (Mattew 10:5-8) M’għandniex xi ngħidu, biex jagħmlu dan, kellhom jistrieħu fuq il-qawwa t’Alla. F’Ġaffa, fis-sena 36 E.K., il-mara devota Tabita (Għażżiela) raqdet fil-mewt. Fost l-għemejjel tajbin tagħha kien hemm dak li tagħmel ilbiesi għar-romol li kienu fil-bżonn, u dawn tgħidx kemm bkew meta semgħu li kienet mietet. Id-dixxipli ppreparawha għad-difna u bagħtu għall-appostlu Pietru, forsi biex jikkonslahom. (Atti 9:32-38) Hu bagħat lil kulħadd ’il barra mill-kamra taʼ fuq, talab, u qal: “Tabita, qum!” Din fetħet għajnejha, qamet bil-qegħda, qabdet id Pietru, u dan qajjimha. L-ewwel irxoxt rapportat li sar minn appostlu qanqal lil ħafna biex isiru jemmnu. (Atti 9:39-42) Dan jagħtina wkoll iżjed raġuni biex nittamaw fl-irxoxt.
11. Liema hu l-aħħar irxoxt li nsibu fil-Bibbja?
11 L-aħħar irxoxt li nsibu fil-Bibbja seħħ fi Troas. Meta Pawlu waqaf hemmhekk waqt li kien fuq it-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, ta taħdita li baqgħet sejra sa nofsillejl. Żagħżugħ li kien jismu Ewtiku ħassu għajjien ferm forsi minħabba s-sħana taʼ ħafna msiebaħ u l-ammont kbir taʼ nies li kien hemm fil-post tal-laqgħa. Dan raqad u waqaʼ minn fuq ħoġor it-tieqa li kienet fit-tielet sular. Lil dan “refgħuh mejjet,” mhux sempliċi mitluf minn sensih. Pawlu nxteħet għal fuq Ewtiku, għannqu miegħu, u qal lil dawk li kienu qegħdin jarawh: “Tibżgħu xejn, għax ruħu għadha fih.” Pawlu ried ifisser li ż-żagħżugħ kien reġaʼ ngħata l-ħajja. Dawk li kienu preżenti “tfarrġu mhux ftit.” (Atti 20:7-12) Illum, il-qaddejja t’Alla jsibu faraġ kbir għax jafu li wħud minn sħabhom fis-servizz t’Alla li mietu se jesperjenzaw it-twettiq tat-tama taʼ l-irxoxt.
L-Irxoxt—Tama li Ilha minn Żmien Żemżem
12. Pawlu liema konvinzjoni esprima meta deher quddiem Feliċ, il-Gvernatur Ruman?
12 Meta kien qed jidher quddiem il-Gvernatur Ruman Feliċ, Pawlu xehed: “Nemmen dak kollu li hemm fil-Liġi u l-Profeti, waqt li nittama f’Alla . . . li kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.” (Atti 24:14, 15) Partijiet mill-Kelma t’Alla, bħalma hi l-“Liġi,” kif jiġbdu l-attenzjoni lejn il-qawmien tal-mejtin?
13. Għala jistaʼ jingħad li Alla rrefera għall-irxoxt meta lissen l-ewwel profezija?
13 Alla nnifsu ta ħjiel dwar l-irxoxt meta lissen l-ewwel profezija f’Għeden. Meta ssentenzja lis-“Serp tal-qedem,” Satana x-Xitan, Alla qal: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Apokalissi 12:9; Ġenesi 3:14, 15) It-tisħiq t’għarqub in-nisel tal-mara kien ifisser li jinqatel Ġesù Kristu. Biex imbagħad dan in-Nisel ikun jistaʼ jisħaq ras is-serp, Kristu kellu jitqajjem mill-imwiet.
14. Kif inhu li Jehovah “m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin”?
14 Ġesù ddikjara: “Li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla taʼ l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla taʼ Abraham, Alla taʼ Iżakk, u Alla taʼ Ġakobb. Issa hu m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.” (Luqa 20:27, 37, 38; Eżodu 3:6) Abraham, Iżakk, u Ġakobb kienu mejtin, imma l-iskop t’Alla li jirxoxtahom tant kien ċert li se jitwettaq, li għalih dawn kienu qishom għadhom ħajjin.
15. Abraham għala kellu raġun jemmen fl-irxoxt?
15 Abraham kellu raġun jittama fl-irxoxt, għax meta hu u martu Sara kienu xjuħ sew, u l-abbiltà tagħhom li jipproduċu t-tfal kienet mietet, Alla b’mod mirakoluż tahom lura l-qawwiet riproduttivi tagħhom. Dan kien bħal irxoxt għalihom. (Ġenesi 18:9-11; 21:1-3; Lhud 11:11, 12) Meta binhom Iżakk kellu madwar 25 sena, lil Abraham Alla qallu biex jissagrifikah. Madankollu, malli Abraham kien se jagħti d-daqqa tal-mewt lil Iżakk, l-anġlu taʼ Jehovah żammlu idu. Abraham kien “fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem [lil Iżakk] mill-mewt; u, fis-sens taʼ tixbieha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.”—Lhud 11:17-19; Ġenesi 22:1-18.
16. Abraham, li issa jinsab rieqed fil-mewt, x’qiegħed jistenna?
16 Abraham ittama f’irxoxt taħt il-ħakma tal-Messija, in-Nisel imwiegħed. Mill-post vantaġġuż tiegħu qabel ma sar bniedem, l-Iben t’Alla nnota l-fidi li kellu Abraham. Bħala l-bniedem Ġesù Kristu, hu għalhekk qal lil-Lhud: “Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi.” (Ġwann 8:56-58; Proverbji 8:30, 31) Abraham jinsab rieqed fil-mewt, jistenna li jiġi rxoxtat għall-ħajja fuq l-art taħt is-Saltna Messjanika t’Alla.—Lhud 11:8-10, 13.
Evidenza mil-Liġi u mis-Salmi
17. “Dak kollu li hemm fil-Liġi” kif ipponta lejn l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu?
17 It-tama taʼ l-irxoxt taʼ Pawlu kienet f’armonija maʼ “dak kollu li hemm fil-Liġi.” Alla qal lill-Iżraelin: “Ġibu l-ewwel qatta tal-ħsad lill-qassis. U [nhar is-16 taʼ Nisan] hu jxejjirha quddiem il-Mulej, biex togħġbuh.” (Levitiku 23:9-14) Forsi għax kellu din il-liġi f’moħħu, Pawlu kiteb hekk: “Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.” Bħala “l-ewwel frott,” Ġesù ġie rxoxtat nhar is-16 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K. Iktar tard, matul il-preżenza tiegħu, kellu jkun hemm irxoxt tal-‘frott taʼ wara’—is-segwaċi tiegħu midlukin bl-ispirtu.—1 Korintin 15:20-23; 2 Korintin 1:21; 1 Ġwann 2:20, 27.
18. Pietru kif wera li l-irxoxt taʼ Ġesù tbassar fis-Salmi?
18 Is-Salmi wkoll jappoġġaw l-irxoxt. Nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru kkwota minn Salm 16:8-11, billi qal: “David jgħid fuqu [fuq Kristu], ‘Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi, għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek. Għalhekk ferħet qalbi u mtela bl-hena lsieni; u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama, għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir.’” Pietru żied: “David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal, ‘La kien mitluq fl-imwiet u lanqas ġismu ma ra t-taħsir.’ Lil dan Ġesù, Alla qajjmu mill-imwiet.”—Atti 2:25-32.
19, 20. Pietru meta kkwota minn Salm 118:22, u dan kif ġie assoċjat mal-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù?
19 Xi jiem wara, Pietru deher quddiem is-Sinedriju u reġaʼ kkwota mis-Salmi. Meta staqsewh kif fejjaq lil tallab magħtub, l-appostlu qal: “Kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu taʼ Iżrael: jekk dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara bis-saħħa taʼ l-isem taʼ Ġesù Kristu taʼ Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajjmu mill-imwiet. Din hi ‘l-ġebla [Ġesù] li intom, il-bennejja, warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka.’ F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi.”—Atti 4:10-12.
20 Hawnhekk Pietru kkwota minn Salm 118:22, billi applika dak li ntqal hemmhekk għall-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù. Il-Lhud, li xxewxu mill-mexxejja reliġjużi tagħhom, ċaħduh lil Ġesù. (Ġwann 19:14-18; Atti 3:14, 15) Il-fatt li ‘l-bennejja warrbu l-ġebla’ rriżulta fil-mewt taʼ Kristu, imma l-fatt li ‘l-ġebla saret il-ġebla tax-xewka’ ssinjifika l-qawmien tiegħu għall-glorja fis-sema bħala spirtu. Bħalma bassar is-salmista, ‘dan seħħ bis-saħħa tal-Mulej’ Jehovah. (Salm 118:23) Li “l-ġebla” ssir il-ġebla tax-xewka kien jinvolvi li Ġesù jiġi eżaltat bħala Sultan-Nominat.—Efesin 1:19, 20.
Imwiżnin bit-Tama taʼ l-Irxoxt
21, 22. Ġob liema tama esprima, bħalma naqraw f’Ġob 14:13-15, u din kif tistaʼ tfarraġ lil dawk li jġarrbu xi telfa llum?
21 Għalkemm aħna personalment qatt ma rajna lil xi ħadd imqajjem mill-imwiet, innotajna ċerti rakkonti Skritturali li jassigurawna li se jkun hemm irxoxt. Għalhekk, jistaʼ jkollna t-tama espressa mill-bniedem rett Ġob. Meta kien qed isofri, dan talab bil-ħrara: “M’hux li kont [Jehovah] taħbini f’Art l-Imwiet . . . u tiffissali żmien li tiftakar fija. Li kien jistaʼ l-bniedem imut u jerġaʼ għall-ħajja. . . . Kont tgħajjatli u jiena nwieġbek, kont titgħaxxaq bl-opra taʼ jdejk.” (Ġob 14:13-15) Alla ‘se jitgħaxxaq bl-opra taʼ idejh,’ għax jixtieq b’mod ħerqan li jirxoxtah lil Ġob. X’tama jagħtina dan!
22 Membru tal-familja li jibżaʼ minn Alla għandu mnejn jimrad serjament, bħalma marad Ġob, u saħansitra għandu mnejn imut. Dawk li jġarrbu t-telfa għandhom mnejn ixerrdu dmugħ taʼ niket, saħansitra bħalma beka Ġesù minħabba l-mewt taʼ Lazzru. (Ġwann 11:35) Imma kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li Alla se jsejjaħ lil dawk li qegħdin fil-memorja tiegħu u huma se jwieġbu! Se jkun bħallikieku jkunu rritornaw minn xi vjaġġ—mhux morda jew immankati, imma f’saħħithom.
23. Xi wħud kif esprimew il-fiduċja tagħhom fit-tama taʼ l-irxoxt?
23 Il-mewt taʼ Kristjana anzjana u leali qanqlet lil sħabha fit-twemmin biex jiktbu hekk: “Jekk jogħġbok aċċetta s-simpatija l-iktar profonda tagħna għat-telfa t’ommok. Ma tantx baqaʼ żmien qabel ma nilqgħuha lura—sabiħa u mimlija ħajja!” Ġenituri li tilfu lil binhom qalu: “Kemm inħarsu ’l quddiem lejn dak il-jum meta Jason se jistenbaħ tassew! Se jħares madwaru u jara l-Ġenna taʼ l-art li tant kien imxennaq għaliha. . . . X’inċentiv għal dawk minna li ħabbewh biex ikunu hemmhekk ukoll.” Iva, u kemm nistgħu nkunu grati aħna li t-tama taʼ l-irxoxt hi ċerta!
X’Inhi t-Tweġiba Tiegħek?
• Il-fidi fil-provvediment t’Alla li jqajjem il-mejtin kif tistaʼ tkun taʼ ġid għalina?
• Liema ġrajjiet miktubin fl-Iskrittura jagħtuna raġuni biex nittamaw fl-irxoxt?
• Għala jistaʼ jingħad li l-irxoxt huwa tama li ilha minn żmien żemżem?
• Liema tama li twiżinna jistaʼ jkollna rigward il-mejtin?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 10]
B’qawwa mingħand Jehovah, elija ta l-ħajja lura lill-iben żagħżugħ taʼ waħda armla
[Stampa f’paġna 12]
Meta Ġesù qajjem lil bint Ġajru għall-ħajja, il-ġenituri tagħha riedu jtiru bil-ferħ
[Stampa f’paġna 15]
Nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru xehed bi qlubija li Ġesù kien ġie mqajjem mill-imwiet