Jiddikjaraw l-Aħbar Tajba fl-Għelieqi tar-Ross tat-Tajwan
Aħna Minn Dawk Li Għandhom Fidi
FIT-TAJWAN normalment tinżel xita bil-qliel, u din tgħin biex wieħed jaħsad żewġ prodotti tajbin taʼ ross kull sena. Kultant, iżda, ix-xita ma tinżilx f’waqtha, u ż-żrieragħ imutu. Meta jiġri dan, x’jagħmel il-bidwi? Jaqtaʼ qalbu? Le. Hu jaf li l-perseveranza hi meħtieġa. Hu jkabbar żrieragħ ġodda u jiżraʼ l-għelieqi mill-ġdid. Imbagħad, jekk il-kundizzjonijiet jitjiebu, il-bidwi jaħsad prodott tajjeb. Xi drabi, iż-żrigħ u l-ħsad spiritwali huma simili ħafna għal dan.
Jipperseveraw fil-Ħsad Spiritwali
Mas-snin, ix-Xhieda taʼ Jehovah fit-Tajwan ħadmu iebes biex jiżirgħu u jaħsdu żrieragħ tal-verità Skritturali fi nħawi li ma kinux jidhru produttivi. Eżempju taʼ dan hu l-Miao-li County. L-isforzi li kultant kienu jsiru biex tingħata xiehda f’dawk l-inħawi ftit li xejn kien ikollhom riżultati. Għalhekk, fl-1973, koppja miżżewġa taʼ pijunieri speċjali ġew inkarigati jaħdmu hemmhekk bħala proklamaturi tas-Saltna full-time. Għall-bidu, kien hemm xi wħud li wrew interess fl-aħbar tajba. Madankollu, dan l-interess malajr sfaxxa fix-xejn. Imbagħad, il-pijunieri speċjali ngħataw inkarigu band’oħra.
Fl-1991, intbagħtu żewġ pijunieri speċjali oħra hemmhekk. Imma għal darb’oħra l-iżviluppi indikaw li l-ambjent ma kienx tajjeb għal tkabbir spiritwali. Ftit snin wara, il-pijunieri speċjali reġgħu ngħataw inkarigu ieħor f’postijiet oħra bit-tama li jsibuhom iktar produttivi. B’hekk, għal perijodu taʼ żmien l-art ma ġietx maħduma.
Sforzi Ġodda Jrendu l-Frott
F’Settembru taʼ l-1998 ġie deċiż li jsir sforz sabiex isibu l-iktar inħawi produttivi fit-territorju vast u mhux assenjat fit-Tajwan. Dan kif kellu jseħħ? Xi 40 pijunier speċjali temporanji ġew inkarigati biex jaħdmu t-territorji mhux assenjati u li l-iktar li fihom nies.
Żewġt ibliet biswit xulxin fil-Miao-li County kienu fost dawk it-territorji magħżulin għall-kampanja. Erbaʼ aħwa nisa mhux miżżewġin kellhom jaħdmu hemmhekk għal tliet xhur sabiex jipprovaw dak it-territorju. Xi ftit taż-żmien wara li waslu, huma kitbu rapporti sbieħ dwar in-numru taʼ nies interessati li kienu qed jiltaqgħu magħhom. Sakemm spiċċaw it-tliet xhur tagħhom taʼ pijunier f’dawk l-inħawi, huma kienu qed jikkonduċu ħafna studji tal-Bibbja fid-djar. Huma stabbilew ukoll grupp għall-istudju tal-ktieb bl-għajnuna t’anzjan minn kongregazzjoni fil-qrib.
Tlieta minn dawn l-aħwa nisa għamluha ċara li xtaqu jibqgħu jieħdu ħsieb dawn iż-“żrieragħ” ċkejknin li kienu qed jikbru ġmielhom. Għalhekk, tnejn minnhom inħatru bħala pijunieri speċjali permanenti, u t-tielet waħda kompliet taħdem hemmhekk bħala pijuniera regulari. Anzjan mill-kongregazzjoni fil-qrib mar joqgħod in-naħa tagħhom sabiex jgħinhom. Iktar minn 60 ruħ attendew għall-ewwel taħdita pubblika mogħtija f’dawk l-inħawi. Issa l-kongregazzjoni fil-qrib qed tgħin lil dan il-grupp, li għad m’għandux esperjenza, biex flimkien mad-diversi studji tal-ktieb, ikollhom ukoll il-laqgħat tal-Ħadd b’mod regulari. Dalwaqt għandha mnejn tiġi fformata kongregazzjoni ġdida f’dawn l-inħawi.
Il-Perseveranza Ġġib Barkiet f’Partijiet Oħrajn tat-Tajwan
Inħawi oħra wieġbu b’mod simili. Ġewwa l-lan County fil-grigal tal-gżira, ġie stabbilit Studju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni ġdid fl-inħawi fejn ħadmu l-pijunieri speċjali temporanji.
Darba waħda fil-għaxija, waqt li kienet qed tippriedka minn dar għal dar, pijuniera speċjali temporanja ltaqgħet maʼ żagħżugħ u wrietu volantin bil-lista tal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Hu mill-ewwel staqsieha: “Nistaʼ nattendi għal-laqgħa għada fil-għaxija? U jekk nistaʼ, x’irrid nilbes?” Din il-pijuniera spiċċat tikkonduċi tmien studji tal-Bibbja kull ġimgħa maʼ wħud interessati. Fi ftit żmien, ħafna mill-istudenti tal-Bibbja kienu qed jippjanaw li jsiru pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba, bil-mira li jitgħammdu.
Persuna oħra minn din l-istess belt kienet ilha tmur il-knisja għal ħafna snin imma ma setgħet issib lil ħadd li jgħallimha l-Bibbja. Meta semgħet dwar l-arranġament taʼ l-istudju tal-Bibbja, ħatfet l-opportunità. Hi ġiet inkuraġġita biex tipprepara l-lezzjoni tagħha minn qabel. Meta l-pijuniera speċjali temporanja ġiet biex tikkonduċi l-istudju, sabet li din il-mara kienet għamlet il-“ħowmwerk” tagħha billi xtrat pitazz u fih kitbet il-mistoqsijiet imniżżlin fil-pubblikazzjoni li kellha għall-istudju tagħha. Imbagħad, kitbet it-tweġibiet tagħha għal kull mistoqsija. Fil-pitazz ikkopjat ukoll l-iskritturi kollha ċitati fil-lezzjoni li kellha. Sakemm l-oħt marret biex tikkonduċi l-ewwel studju, il-mara diġà kienet preparat l-ewwel tliet lezzjonijiet!
Kien hemm riżultati simili fil-belt taʼ Dongshih fiċ-ċentru tat-Tajwan. Il-pijunieri speċjali temporanji qassmu iktar minn 2,000 browxer fit-tliet xhur li ħadmu hemmhekk. Sat-tielet xahar, kienu qed jikkonduċu 16-il studju tal-Bibbja fid-djar. Il-belt sofriet ħsarat kbar minħabba t-terremot li laqat iċ-ċentru tat-Tajwan fil-21 taʼ Settembru, 1999, imma xi wħud interessati baqgħu jagħmlu progress spiritwali, avolja kellhom jivvjaġġaw madwar siegħa sabiex jattendu l-laqgħat fl-eqreb Sala tas-Saltna. Iva, il-perseveranza hija meħtieġa biex naħsdu prodott tajjeb, kemm jekk dan ikun wieħed materjali kif ukoll wieħed spiritwali.
[Mappa f’paġna 8]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara l-pubblikazzjoni)
ĊINA
L-Istrett tat-Tajwan
TAJWAN
[Sors taʼ l-istampa]
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.