Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Għandna Nkunu Raġunevoli f’Dak li Nistennew?

Għala Għandna Nkunu Raġunevoli f’Dak li Nistennew?

INĦOSSU sens taʼ sodisfazzjon meta dak li nittamaw fih iseħħ u dak li nimmiraw għalih nilħquh. Imma jkollna nammettu li ħafna minn dak li noħolmu u li nistennew ma jseħħx kif nixtiequ aħna. Il-​ħajja mimlija diżappunti u dawn jistgħu jġagħluna nibdew niddejqu bina nfusna u anki b’ħaddieħor. Wieħed raġel għaref għamel din l-​osservazzjoni xierqa: “It-​tama mtawwla tmarrad il-​qalb.”—Proverbji 13:12.

Liema fatturi jistgħu jwassluk biex tħossok diżappuntat? Kif nistgħu naħdmu biex inkunu raġunevoli f’dak li nistennew? Iktar minn hekk, għala jkun taʼ ġid għalina li nagħmlu hekk?

Stennijiet u Diżappunti

Peress li l-​ħajja tant hija mgħaġġla llum, donnu li iktar ma nipprovaw inlaħħqu, iktar nintefgħu lura. Tant għandna affarijiet li għalihom irridu nagħtu l-​ħin u l-​enerġija tagħna li, meta ma jirnexxilniex nagħmlu dak kollu li kellna f’rasna li nagħmlu, ikollna t-​tendenza li nħossuna ma niswew għalxejn. Forsi anki nibdew inħossu li qisna ddiżappuntajna lil oħrajn. Cynthia, mara miżżewġa li għandha t-​tfal, taf kemm ikollhom pressjonijiet il-​ġenituri, u tgħid: “Inħoss nifsi jinqatagħli meta narani li lit-​tfal m’iniex qed nikkoreġihom b’mod konsistenti u meta nħoss li m’iniex qed inħarriġhom tajjeb biżżejjed.” Stephanie, tfajla taʼ 14-il sena, tgħid dwar l-​edukazzjoni tagħha: “M’għandix ħin biżżejjed biex nagħmel dak kollu li nixtieq nagħmel, u dan iġagħalni nitlef il-​paċenzja miegħi nnifsi.”

Meta wieħed jibda jistenna żżejjed faċilment isir perfezzjonist, u din hi l-​iktar ħaġa li tistaʼ ġġagħlek tħossok imdejjaq. Ben, raġel żagħżugħ miżżewweġ, jistqarr: “Meta neżamina l-​azzjonijiet, il-​ħsibijiet, jew is-​sentimenti tiegħi, dejjem nara kif setgħu kienu aħjar. Qiegħed il-​ħin kollu nfittex il-​perfezzjoni, u dan iwassalni biex inkun bla paċenzja, imdejjaq, u diżappuntat.” Gail, mara miżżewġa Kristjana, tgħid: “Il-​perfezzjonista tħoss li trid tirnexxi bilfors. Irridu nkunu ommijiet mill-​aqwa għal uliedna u nisa mill-​aqwa għal żwieġna. Irridu bilfors inkunu nħossuna utli biex inkunu ferħanin, u allura kull sforz li jkun għalxejn jirritana.”

Fattur ieħor li jwassal għal diżappunt persunali hu n-​nuqqas taʼ saħħa u x-​xjuħija. Meta nibdew immajnaw, il-​limitazzjonijiet tagħna narawhom akbar u dan iġagħalna nħossuna iktar imdejqin. “Bdejt nitlef il-​paċenzja miegħi nnifsi għax ma stajtx inwettaq dawk l-​affarijiet li kienu tant faċli u naturali għalija qabel ma mradt,” tgħid Elizabeth.

Dawn kienu ftit eżempji taʼ x’jistaʼ jġagħlek tħossok diżappuntat. Jekk ma nrażżnuhomx, sentimenti bħal dawn jistgħu jwassluna biex nibdew nemmnu li ħaddieħor mhux qed japprezzana. Allura, liema passi pożittivi nistgħu nieħdu biex inkunu nifilħu għad-​diżappunti u nikkultivaw stennijiet raġunevoli?

Modi Kif Nikkultivaw Stennijiet Raġunevoli

L-​ewwelnett, ftakar li Jehovah hu raġunevoli u jifhimna. Salm 103:14 ifakkarna: “Hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” Peress li jaf x’inhuma l-​kapaċitajiet u l-​limitazzjonijiet tagħna, Jehovah jistenna minna biss dak li kapaċi nagħtu. U ħaġa waħda li jitlob minnek hi “li tkun umli fl-​imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.”—Mikea 6:8.

Jehovah jħeġġiġna wkoll biex induru lejh bit-​talb. (Rumani 12:12; 1 Tessalonikin 5:17) Imma dan kif jgħinna? It-​talb jikkalma l-​moħħ u jibbilanċja l-​ħsieb tagħna. Meta nitolbu bil-​ħerqa nkunu qed nagħrfu li neħtieġu l-​għajnuna—ħaġa li turi li aħna modesti u umlin. Jehovah ħerqan li jwieġeb it-​talb tagħna, u dan jagħmlu billi jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu, li l-​frott tiegħu jinkludi l-​imħabba, il-​ħniena, it-​tjieba u r-​rażan. (Luqa 11:13; Galatin 5:​22, 23) It-​talb itaffi wkoll l-​ansjetà u d-​dwejjaq. Permezz tat-​talb, “tikseb faraġ li ma ssibu mkien,” tgħid Elizabeth. Kevin jaqbel magħha: “Jien nitlob biex ikolli qalbi kalma u moħħi hemm ħalli nkun nistaʼ nara kif se nsolvi xi problema li jkolli. Jehovah qatt m’abbandunani.” L-​appostlu Pawlu kien jaf x’valur prezzjuż għandu t-​talb. Kien għalhekk li ta l-​parir: “Uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:​6, 7) Tabilħaqq, il-​komunikazzjoni maʼ Jehovah verament tgħinna nkunu raġunevoli f’dak li nistennew minna nfusna u minn oħrajn.

Iżda xi kultant ikollna bżonn lil min iserrħilna rasna dak il-​ħin stess. Kelma f’waqtha hija tajba. Jistaʼ jkun t’għajnuna għalina jekk niftħu qalbna maʼ xi ħabib matur u li nafdawh. B’hekk inkunu nistgħu naraw minn lenti ġdida x’ikun qed iġagħalna nħossuna diżappuntati jew ansjużi. (Proverbji 15:23; 17:17; 27:9) Żgħażagħ li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu bid-​dwejjaq li jkollhom jitgħallmu li meta jfittxu l-​parir tal-​ġenituri tagħhom, dan jgħinhom isibu l-​bilanċ. Kandi tistqarr b’apprezzament: “Id-​direzzjoni b’imħabba li tawni l-​ġenituri tiegħi għamlitni iktar raġunevoli u bilanċjata u iktar naf immur man-​nies.” Tabilħaqq li t-​tfakkira li nsibu fi Proverbji 1:​8, 9 veru hija addattata: “Ismaʼ, ibni, kliem missierek, u twarrabx tagħlim ommok; dawn huma għalik kuruna sabiħa fuq rasek, u kullana taʼ ġieħ madwar għonqok.”

Hemm qawl barrani li jiġbor fil-​qosor il-​konsegwenzi taʼ meta wieħed jippretendi l-​perfezzjoni: “Jekk tistenna li l-​ħajja se tkun preċiż kif tridha int, għandek ċans kbir li tispiċċa diżappuntat.” Biex nevitaw dan, ikollna bżonn nibdlu l-​ħsieb tagħna. L-​umiltà u l-​modestja, jew fi kliem ieħor, li jkollna ħarsa realistika lejn il-​limitazzjonijiet tagħna, żgur li se jrawmu fina stennijiet bilanċjati u raġunevoli. Mela, kemm hi xierqa t-​twissija li nsibu f’Rumani 12:3 biex ‘ma nippretendux li aħna xi ħaġa iktar milli aħna.’ Barra minn hekk, Filippin 2:3 jħeġġiġna biex inkunu umlin u biex kull wieħed minna jqis lill-​ieħor aħjar minnu.

Elizabeth, li ssemmiet qabel, saret bla paċenzja magħha nfisha minħabba l-​mard li kellha. Fil-​każ tagħha, riedet iż-​żmien biex tibda tħares lejn l-​affarijiet kif iħares lejhom Jehovah u biex tħossha mfarrġa għax taf li hu ma jinsiex dak li nagħmlu fis-​servizz tiegħu. Colin ma jistaʼ jmur imkien minħabba l-​marda kiefra li qabditu. Għall-​ewwel kien beda jħoss li l-​ministeru tiegħu kważi ma jiswa xejn meta tqabblu maʼ dak li kien jagħmel meta kien f’saħħtu. Wara li mmedita fuq skritturi bħat-​2 Korintin 8:​12, irnexxielu ma jibqax iħossu hekk. Dan il-​vers jgħid: “Jekk il-​qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux.” “Għalkemm għandi ferm inqas x’nagħti,” jgħid Colin, “għadni nistaʼ nagħti, u dan jogħġbu lil Jehovah.” F’Lhud 6:​10, aħna mfakkrin: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu.”

Allura, kif nistgħu nsiru nafu jekk l-​istennijiet tagħna humiex raġunevoli? Staqsi lilek innifsek, ‘L-​istennijiet tiegħi jmorru id f’id maʼ l-​istennijiet t’Alla?’ Galatin 6:4 jistqarr: “Kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jistaʼ jiftaħar bih innifsu, u mhux b’ħaddieħor.” Ftakar li Ġesù qal: “Il-​madmad tiegħi ħelu u t-​toqol tiegħi ħafif.” Tabilħaqq, bħala Kristjani fil-​fatt għandna madmad xi nġorru, imma hu wieħed “ħelu” u “ħafif,” u Ġesù wegħedna li nsibu l-​mistrieħ għal ruħna jekk nitgħallmu nġorruh sew.—Mattew 11:​28-30.

Stennijiet Raġunevoli Jissarrfu f’Barkiet

Meta nisimgħu u napplikaw il-​pariri tal-​Kelma t’Alla, u fl-​istess ħin naħdmu biex nikkultivaw stennijiet raġunevoli, dan se jirriżulta f’li jkollna barkiet issa, li nistgħu ngawduhom għal żmien twil. L-​ewwelnett, dan ikollu effett pożittiv fuqna fiżikament. Jennifer, li bbenefikat mit-​tfakkiriet taʼ Jehovah, tammetti: “Għandi iktar enerġija u entużjażmu fil-​ħajja.” Proverbji 4:​21, 22 iwissina b’mod xieraq biex noqogħdu attenti b’għajnejna u b’qalbna għal dak li jgħidilna Jehovah, “għax huma l-​ħajja għal min isibhom, u s-​saħħa għal ġismu kollu.”

Barka oħra hi li tħossok tajjeb mentalment u emozzjonalment. “Meta nħalli l-​Kelma t’Alla tidħol f’moħħi u f’qalbi, insibni li dejjem inkun iktar ferħana,” tgħid Theresa. Veru, xorta se jkollna xi diżappunti fil-​ħajja. Imma se jkun iktar faċli li nifilħuhom. “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom,” iħeġġiġna Ġakbu 4:8. Jehovah jwegħedna wkoll li jsaħħaħna biex niffaċċjaw l-​isfidi tal-​ħajja u jberikna bis-​sliem.—Salm 29:11.

Meta l-​istennijiet tagħna jkunu raġunevoli, inkunu nistgħu nibqgħu stabbli spiritwalment. Din ukoll hija barka. Nistgħu nibqgħu nikkonċentraw fuq l-​iktar affarijiet importanti fil-​ħajja. (Filippin 1:10) Il-​miri tagħna mbagħad ikunu realistiċi u li jistgħu jintlaħqu, u dan iġib ferħ akbar u iktar kuntentizza. Inkunu iktar lesti li nafdaw ruħna f’idejn Jehovah, għax inkunu konxji li l-​affarijiet se jħallihom isiru għall-​aħjar tagħna. “Kunu mela umli taħt l-​id setgħana taʼ Alla, biex hu jerfagħkom meta jkun il-​waqt,” jgħidilna Pietru. (1 Pietru 5:6) Jistaʼ qatt ikollna barka akbar milli nkunu onorati minn Jehovah?

[Stampi f’paġna 31]

Jekk nikkultivaw stennijiet raġunevoli, dan se jgħinna nikkumbattu d-​dwejjaq u d-​diżappunti li jkollna