Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Hawn Tant Nuqqas taʼ Rispett lejn l-Awtorità?

Għala Hawn Tant Nuqqas taʼ Rispett lejn l-Awtorità?

‘Il-​waqfa kontra l-​awtorità stabbilita, kemm jekk reliġjuża, sekulari, soċjali, jew politika, hija xi ħaġa li tinħass mad-​dinja kollha. Din għad tkun meqjusa bħala l-​iktar ġrajja li spikkat f’dawn l-​aħħar għaxar snin.’

GĦADDEW ħafna snin mis-​snin sittin, dawk l-​għaxar snin li rreferiet għalihom l-​istudjuża taʼ l-​istorja u tal-​filosofija Hannah Arendt. Illum, il-​mewġa taʼ nuqqas taʼ rispett lejn l-​awtorità hi qawwija iżjed minn qatt qabel.

Per eżempju, rapport li deher m’ilux f’The Times taʼ Londra jgħid: “Xi ġenituri ma jridux jaċċettawha l-​awtorità li l-​għalliema għandhom fuq uliedhom, u meta jsiru xi sforzi biex it-​tfal tagħhom jiġu dixxiplinati, malajr jibdew jilmentaw.” Spiss jiġri li meta t-​tfal tagħhom jingħataw xi dixxiplina fl-​iskola, il-​ġenituri jitilgħu sa l-​iskola, mhux sempliċement biex jheddu lill-​għalliema, imma biex iħebbu għalihom.

Kelliemi għall-​Għaqda Nazzjonali tal-​Kapijiet taʼ l-​Iskejjel fl-​Ingilterra hu kwotat li stqarr: “Il-​pubbliku qed jgħid ‘Għandi drittijiet,’ minflok ma jgħid ‘Għandi responsabbiltajiet.’” Xi ġenituri mhux talli ma jrawmux f’uliedhom rispett lejn l-​awtorità, imma talli lanqas biss jikkoreġu lit-​tfal tagħhom. Barra minn hekk, ma jridu ’l ħadd min jikkoreġihomlhom. Tfal li jiġġieldu għad-​“drittijiet” tagħhom qed jiġu jaqgħu u jqumu mill-​awtorità kemm tal-​ġenituri u kemm taʼ l-​għalliema. Ir-​riżultat hu preċiż kif wieħed jistenna—“ġenerazzjoni ġdida mingħajr ebda rispett lejn l-​awtorità, li ftit taf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin,” tikteb il-​ġurnalista Margarette Driscoll.

F’artiklu intitolat “Ġenerazzjoni Mitlufa,” ir-​rivista Time uriet id-​diżappunt taʼ ħafna żgħażagħ Russi billi kwotat x’qal kantant magħruf tal-​mużika rap. Dan qal: “Kif jistaʼ xi ħadd li twieled f’din id-​dinja, fejn kollox jispiċċa f’ħakka t’għajn u fejn xejn m’hu ġust, ikollu fidi fis-​soċjetà?” Is-​soċjologu Mikhail Topalov ħassu l-​istess: “Dawn iż-​żgħażagħ m’humiex boloh. Raw l-​istat iqarraq bil-​ġenituri tagħhom, u raw lill-​ġenituri tagħhom jitilfu kull sold li kellhom u jitilfu xogħolhom. Allura nistgħu aħna nippretendu li jirrispettaw l-​awtorità?”

Madankollu, inkunu qed niżbaljaw jekk nikkonkludu li n-​nuqqas taʼ fiduċja fl-​awtorità hija karatteristika tal-​ġenerazzjoni żagħżugħa biss. Illum, nies taʼ kull età għandhom is-​suspetti tagħhom fl-​awtoritajiet, u saħansitra jistmerruhom. Ifisser dan li m’hemm ebda awtorità li tistaʼ tiġi fdata? Il-​kelma awtorità tfisser “il-​poter jew id-​dritt li wieħed jikkontrolla, jiġġudika, jew jipprojbixxi l-​azzjonijiet taʼ xi ħaddieħor.” Mela, jekk wieħed juża l-​awtorità li għandu kif jixraq, din tistaʼ tkun forza għat-​tajjeb. Tistaʼ wkoll tkun taʼ ġid kemm għall-​individwu u kemm għall-​komunità. L-​artiklu li jmiss se jurina kemm dan hu minnu.