Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Huwa Essenzjali li Jkollna Rispett lejn l-Awtorità?

Għala Huwa Essenzjali li Jkollna Rispett lejn l-Awtorità?

Għala Huwa Essenzjali li Jkollna Rispett lejn l-​Awtorità?

MIN ma japprezzax il-​fatt li l-​pulizija għandha l-​awtorità li tarresta lil nies kriminali li jisirquna u jheddulna l-​familja? U ma napprezzawhx aħna l-​fatt li l-​qrati għandhom l-​awtorità li jikkastigaw lil nies kriminali sabiex jipproteġu lill-​komunità?

Forsi jiġu f’moħħna servizzi pubbliċi oħrajn li huma t’għajnuna, bħal, ngħidu aħna, is-​servizzi tas-​saħħa, l-​edukazzjoni, u l-​manutenzjoni tat-​toroq. Dawn ġeneralment jitħallsu mit-​taxxi miġburin mill-​awtoritajiet governattivi. Dawk li huma Kristjani veri jkunu minn taʼ quddiem biex jagħrfu kemm hu essenzjali li juru rispett lejn l-​awtorità li tkun maħtura kif suppost. Imma safejn għandu jasal dan ir-​rispett? U f’liema aspetti tal-​ħajja rridu nuru rispett lejn l-​awtorità?

Awtorità fil-​Komunità

Il-​Bibbja tgħid lil kulħadd, kemm lil min hu Kristjan u kemm lil min m’huwiex, biex jirrispetta l-​awtorità, u dan hu għall-​ġid tal-​komunità. L-​appostlu Kristjan Pawlu kiteb dwar dan lil sħabu fit-​twemmin ġewwa Ruma, u jkun t’għajnuna għalina jekk inqisu dak li qal hu, li nsibuh f’Rumani 13:​1-7.

Pawlu kien ċittadin Ruman, u Ruma kienet il-​qawwa dinjija taʼ dak iż-​żmien. Fl-​ittra tiegħu li nkitbet fis-​sena 56 E.K., insibu l-​parir biex il-​Kristjani jkunu ċittadini eżemplari. Hu kiteb: “Kull bniedem għandu jobdi lill-​awtorità taʼ fuqu. Ma hemmx awtorità jekk m’hix ġejja minn Alla; u l-​awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm bl-​ordni taʼ Alla.”

Pawlu hawn qed jispjega li ma kien ikun hemm ebda awtorità umana kieku ma ppermettihiex Alla. F’dan is-​sens, l-​awtoritajiet taʼ fuqna, jew l-​awtoritajiet superjuri, għandhom pożizzjoni relattiva fil-​limiti li Alla stabbilixxa. Huwa loġiku, allura, li “dawk li jeħduha kontra l-​awtorità jkunu qegħdin jeħduha kontra l-​ordni mwaqqaf minn Alla.”

Filwaqt li ċ-​ċittadini li jimxu sewwa għandhom mnejn jiksbu tifħir mingħand l-​awtoritajiet superjuri, dawn l-​awtoritajiet għandhom ukoll il-​poter li jikkastigaw lil dawk li jiksru l-​liġi. Dawk li jipprattikaw il-​ħażen għandhom għalxiex jibżgħu mid-​dritt li għandhom l-​awtoritajiet biex jaġixxu bħala dak li “jitħallas minn min jagħmel il-​ħażen,” ladarba l-​gvernijiet dan jagħmluh bħala “qaddej taʼ Alla.”

Pawlu jikkonkludi r-​raġunar tiegħu billi jgħid: “Għalhekk jeħtieġ li toqogħdu għall-​awtoritajiet, mhux biss minħabba l-​korla, imma wkoll minħabba l-​kuxjenza. Għalhekk ukoll ħallsu t-​taxxi; għax l-​awtoritajiet huma uffiċjali taʼ Alla għal dan ix-​xogħol. Meta jagħmlu dan, ikunu qegħdin jaqdu dmirhom.”

Ir-responsabbiltà taʼ kif jintefqu t-​taxxi qegħda fuq spallejn l-​awtoritajiet superjuri, mhux fuq min iħallas it-​taxxi. Il-​Kristjan, bħala ċittadin onest, iżomm kuxjenza safja. Hu jaf li billi jissottometti ruħu lejn l-​awtoritajiet superjuri u jħallas it-​taxxi kif jixraq, mhux biss ikun qed jappoġġa l-​livell tal-​komunità fejn jgħix imma jkun qed jgħix fi qbil mal-​ħtiġijiet divini.

Il-​Familja u l-​Awtorità

Xi ngħidu dwar l-​awtorità fil-​familja? Taʼ spiss, tarbija li għadha kemm titwieled turik li trid l-​attenzjoni tiegħek billi tibda tibki jew twerżaq kemm tiflaħ. Imma ġenituri għaqlin malajr se jindunaw x’ikollha bżonn verament u mhux se jikkuntentawha sempliċement għax tibda tibki u twerżaq. Xi tfal, hekk kif jikbru xi ftit, jitħallew għal rajhom u jitħallew jagħmlu dak li jogħġob lilhom. Peress li ma jkollhomx esperjenza, ikun hemm il-​periklu li jaqbdu ħajja ħażina u jibdew jisirqu wkoll, bil-​konsegwenza li jħarbtu kemm lill-​familja u kemm lill-​komunità in ġenerali. Ħafna awtoritajiet lokali dan jafuh tajjeb.

“Il-​ġenituri jiddixxiplinaw lit-​tfal tard wisq,” tgħid Rosalind Miles, l-​awtriċi tal-​ktieb Children We Deserve (It-Tfal li Ħaqqna). “Trid tibda mindu titwieled it-​tarbija.” Il-​ġenituri sa mill-​bidunett iridu jitkellmu b’leħen t’awtorità iżda fl-​istess ħin ħanin u kollu mħabba, u jridu jkunu konsistenti fl-​azzjonijiet tagħhom. Jekk jagħmlu hekk, uliedhom malajr jitgħallmu jaċċettaw dik l-​awtorità u d-​dixxiplina kollha mħabba li tiġi magħha.

Il-Bibbja fiha viżibilju taʼ informazzjoni rigward l-​awtorità fil-​familja. Fil-​ktieb tal-​Proverbji, l-​għaref Salamun jiġbed l-​attenzjoni lejn l-​għaqda li t-​tfal għandhom jinnotaw bejn il-​ġenituri li jħobbu ’l Alla, meta jgħid: “Ismaʼ, ibni, kliem missierek, u twarrabx tagħlim ommok.” (Proverbji 1:8) Meta t-​tfal jaraw li l-​ġenituri tagħhom dejjem jaqblu fil-​fehma tagħhom u huma raġunevoli, it-​tfal ikunu jafu x’inhu mistenni minnhom. Forsi jistgħu jipprovaw jilagħbuhom lill-​ġenituri, u jaraw x’inhi l-​opinjoni taʼ kull wieħed minnhom, bit-​tir li tgħaddi tagħhom. Imma l-​fatt li l-​ġenituri jkunu taʼ l-​istess fehma jservi taʼ protezzjoni għaż-​żgħar tagħhom.

Il-Bibbja tispjega li r-​raġel għandu r-​responsabbiltà ewlenija li jieħu ħsieb il-​ġid spiritwali mhux biss taʼ wliedu imma taʼ martu wkoll. Dan hu dak li l-​Bibbja ssejjaħlu l-​istat taʼ kap. Kap kif għandu jaġixxi? Pawlu jgħidilna li sewwa sew bħalma Kristu hu l-​Kap tal-​kongregazzjoni, hekk ukoll ir-​raġel hu l-​kap taʼ martu. Pawlu mbagħad żied: “Intom l-​irġiel, ħobbu n-​nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-​Knisja [l-għarusa spiritwali tiegħu] u ta ħajtu għaliha.” (Efesin 5:25) Meta raġel miżżewweġ isegwi l-​eżempju taʼ Ġesù u jkun kap li juri mħabba, ikun faċli għall-​mara li “ġġib rispett lil żewġha.” (Efesin 5:33) Tfal li jgħixu f’ambjent bħal dan ukoll se jaraw il-​valur taʼ l-​awtorità mogħtija minn Alla u b’hekk jiġu mħeġġin jaċċettawha.—Efesin 6:​1-3.

Ġenituri li jrabbu t-​tfal waħedhom, inkluż ir-​romol, x’jistgħu jagħmlu dwar din il-​ħaġa? Kemm jekk missier u kemm jekk omm, huma jistgħu jduru direttament lejn l-​awtorità t’Alla Jehovah u Ġesù Kristu. Ġesù dejjem tkellem bl-​awtorità. Kellu l-​awtorità taʼ Missieru u dik taʼ l-​Iskrittura mnebbħa.—Mattew 4:​1-10; 7:29; Ġwann 5:​19, 30; 8:28.

Il-Bibbja tipprovdi abbundanza taʼ prinċipji imprezzabbli rigward il-​problemi li jiffaċċjaw it-​tfal. Meta ġenitur li jrabbi lit-​tfal waħdu jsib dawn il-​prinċipji u jsegwihom, ikun jistaʼ jipprovdi pariri siewja u kollhom imħabba għal uliedu. (Ġenesi 6:22; Proverbji 13:20; Mattew 6:33; 1 Korintin 15:33; Filippin 4:​8, 9) Il-​ġenituri jistgħu wkoll jirreferu għal xi letteratura bbażata fuq il-​Bibbja li tkun immirata biex tgħinhom iħarrġu ’l uliedhom biex jitgħallmu japprezzaw il-​benefiċċji li jinkisbu meta wieħed jirrispetta l-​awtorità taʼ l-​Iskrittura. *

Il-​Kongregazzjoni Kristjana u l-​Awtorità

“Dan hu Ibni l-​għażiż, li fih sibt l-​għaxqa tiegħi: isimgħu lilu.” (Mattew 17:5) Dan il-​kliem, imlissen minn Alla Jehovah nnifsu, approva lil Ġesù bħala wieħed li jitkellem b’awtorità divina. Dak li qal hu jinsab imniżżel bil-​miktub fl-​erbaʼ rakkonti taʼ l-​Evanġelju, li nistgħu nirreferu għalihom faċilment.

Preċiż qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù informa lid-​dixxipli tiegħu: “Lili ngħatat kull setgħa fis-​sema u fl-​art.” (Mattew 28:18) Bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni tiegħu, Ġesù żamm għajnejh fuq il-​midlukin li mxew fuq il-​passi tiegħu fuq l-​art. Barra minn hekk, mindu tferraʼ l-​ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., użahom ukoll bħala l-​mezz li bih iwassal il-​verità, bħala “lsir leali u diskret.” (Mattew 24:​45-47, NW; Atti 2:​1-36) X’għamel hu biex iwettaq dan kollu u jsaħħaħ lill-​kongregazzjoni Kristjana? “Telaʼ fil-​għoli . . . , ta don lill-​bnedmin.” (Efesin 4:8) Dawn id-​‘doni lill-​bnedmin’ huma l-​anzjani Kristjani maħturin bl-​ispirtu qaddis, u dawn jingħataw l-​awtorità biex jieħdu ħsieb l-​interessi spiritwali taʼ sħabhom fit-​twemmin.—Atti 20:28.

Għal din ir-​raġuni Pawlu ta dan il-​parir: “Ftakru f’dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom il-​kelma taʼ Alla; aħsbu fuq it-​tmiem taʼ ħajjithom, imxu fuq l-​eżempju tal-​fidi tagħhom.” Peress li dawn l-​irġiel leali jimxu qrib mal-​passi taʼ Kristu, żgur li jkun għaqli li nimitaw il-​fidi tagħhom. Imbagħad Pawlu jżid: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom [“li huma fuqkom,” Saydon], u obduhom, għax huma jgħassu fuqkom għall-​ġid tagħkom, bħala nies li għad iridu jagħtu kont tagħkom. Hekk huma jaqdu dan id-​dmir bil-​ferħ, u mhux bi swied il-​qalb; għax dan ma jkun jiswielkom taʼ ebda ġid.”—Lhud 13:​7, 17.

X’jiġri meta direzzjoni bħal din tiġi injorata? Xi membri tal-​kongregazzjoni Kristjana bikrija għamlu preċiż hekk u saru apostati. Imeni u Filetu huma msemmijin bħala rġiel li qalbu l-​fidi taʼ xi wħud b’ħafna “tpaċpiċ fieragħ u ħażin.” Fost affarijiet oħra kienu jsostnu li l-​irxoxt kien diġà seħħ. Skond huma, dan kien wieħed spiritwali jew simboliku, u allura ma kienx se jkun hemm iktar bżonn taʼ l-​irxoxt fil-​ġejjieni taħt is-​Saltna t’Alla.—2 Timotju 2:​16-18.

Imnalla kienet l-​awtorità maħtura. L-​anzjani Kristjani kienu kapaċi jiċħdu dawk l-​argumenti foloz għaliex, bħala rappreżentanti taʼ Ġesù Kristu, huma wżaw l-​awtorità taʼ l-​Iskrittura. (2 Timotju 3:​16, 17) L-​istess jiġri llum fil-​kongregazzjoni Kristjana, li hi deskritta bħala “kolonna u pedament tal-​verità.” (1 Timotju 3:15) It-​tagħlim falz qatt ma se jitħalla jherri l-​mudell taʼ kliem li jibni, it-​“tagħlim sħiħ,” li baqaʼ miżmum ħaj għalina bħal “teżor sabiħ” fil-​paġni tal-​Bibbja.—2 Timotju 1:​13, 14.

Filwaqt li fid-​dinja r-​rispett lejn l-​awtorità qed jisparixxi, bħala Kristjani aħna nagħrfu li l-​awtoritajiet xierqa fil-komunità, fil-familja, u fil-​kongregazzjoni Kristjana huma stabbiliti għall-ġid tagħna. Ir-​rispett lejn l-​awtorità hu essenzjali biex inkunu nistgħu nħossuna tajjeb fiżikament, emozzjonalment, u spiritwalment. Jekk din l-​awtorità mogħtija minn Alla naċċettawha u nirrispettawha, dan se jkun għall-​ġid etern tagħna. Se nkunu mħarsin mill-​ogħla awtoritajiet, jiġifieri minn Alla Jehovah u minn Ġesù Kristu.—Salm 119:165; Lhud 12:9.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 17 Ara l-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom u l-​ktieb Is-​Sigriet Taʼ L-​Hena Fil-​Familja, it-​tnejn pubblikati mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Kumment f’paġna 4]

Ritratt minn Josh Mathes, Collection of the Supreme Court of the United States

[Stampa f’paġna 5]

Il-​Bibbja fiha viżibilju taʼ informazzjoni dwar l-​awtorità fil-​familja

[Stampa f’paġna 6]

Il-​ġenituri li jrabbu t-​tfal waħedhom jistgħu jduru direttament lejn l-​awtorità t’Alla Jehovah u taʼ Ġesù Kristu

[Stampi f’paġna 7]

Il-​Kristjani jagħrfu li l-​awtoritajiet xierqa fil-​familja, fil-​kongregazzjoni Kristjana, u fil-​komunità huma stabbiliti għall-​ġid tagħhom

[Sors taʼ l-​istampa f’paġna 4]

Photo by Josh Mathes, Collection of the Supreme Court of the United States