Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Ma Jkollhomx Tfal?

Għala Ma Jkollhomx Tfal?

DELE u martu Fola a kienu jgħixu u jaħdmu fl-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society fin-​Niġerja. Ftit wara li bdew jaqdu hemmhekk, marret iżżurhom omm Fola. Kienet vjaġġat mhux ħażin biex tiddiskuti kwistjoni li min jaf kemm-il darba ma setgħetx torqod minħabba fiha.

“Tant tagħmlu miegħi,” qaltilhom. “Tibagħtuli r-​rigali, u tiġu żżuruni. Veru napprezzaha l-​imħabba li turuni. Imma fl-​istess ħin inħossni qalbi sewda għax dejjem moħħni jekk hux se jkun hemm min jagħmel l-​istess magħkom meta taslu fl-​età tiegħi. Issa ilkom sentejn miżżewġin, u għadkom bla tfal. Ma taħsbux li wasal iż-​żmien li titilqu minn Betel biex ikollkom it-​tfal?”

L-omm irraġunat hekk: Dele u Fola ilhom biżżejjed f’Betel. Issa wasal iż-​żmien li jaħsbu għall-​futur tagħhom. Żgur li hemm ħaddieħor li jistaʼ jagħmel xogħolhom. Dele u Fola xorta waħda jistgħu jkomplu fil-​ministeru full-time, però f’xi aspett ieħor taʼ servizz fejn ikun jistaʼ jkollhom it-​tfal u jġarrbu l-​ferħ li jiġi milli jkunu ġenituri.

It-​Tħassib taʼ l-​Omm

Wieħed jistaʼ jifhem għala l-​omm kienet tant imħassba. Ix-​xewqa li wieħed ikollu t-​tfal hija xi ħaġa fundamentali u tinsab f’kull soċjetà u f’kull żmien. Meta wieħed ikollu t-​tfal jibda jħoss sentimenti profondi taʼ ferħ u taʼ tama. “Wirt il-​Mulej huma l-​ulied, ħlas tiegħu hu frott il-​ġuf,” tgħid il-​Bibbja. Iva l-​abbiltà li xi ħadd jiled tarbija hija rigal prezzjuż mingħand Alla.—Salm 127:3.

F’ħafna soċjetajiet, issir pressjoni soċjali kbira fuq il-​koppji miżżewġin biex dawn ikollhom it-​tfal. Per eżempju, fin-​Niġerja, fejn ġeneralment mara jkollha sitt itfal, huwa komuni li tismaʼ lin-​nies jagħtu dawn ix-​xewqat sbieħ lill-​miżżewġin friski: “Disaʼ xhur oħra, nistennew li nisimgħu tarbija tibki f’darkom.” Għandu mnejn li l-​għarus u l-​għarusa jingħataw benniena għat-​tarbija bħala rigal tat-​tieġ. Il-​kunjati joqogħdu b’sebaʼ għajnejn għall-​kalendarju. Jekk fi żmien sena l-​għarusa tkun għadha ma ħarġitx tqila, jibdew jitkixxfu biex jaraw jekk hemmx xi problema u jekk jistgħux jgħinu biex din tissolva.

Għal ħafna ommijiet ir-​raġuni għala tnejn min-​nies jiżżewġu hi biex ikollhom it-​tfal, li ma tmurx tispiċċa r-​razza. Omm Fola qaltilha: “Għalfejn iżżewwiġt la ma tridx tfal? La xi ħadd wiled lilek int ukoll trid tiled lil uliedek.”

Minbarra dan, hemm kwistjonijiet prattiċi x’wieħed jikkunsidra. F’ħafna pajjiżi taʼ l-​Afrika, ftit li xejn għandhom provvedimenti governattivi għall-​għajnuna lix-​xjuħ. Is-​soltu, huma t-​tfal li jieħdu ħsieb il-​ġenituri anzjani tagħhom, sewwa sew bħalma dawk l-​istess ġenituri jkunu ħadu ħsiebhom meta kienu żgħar. Għalhekk, omm Fola rraġunat li jekk uliedha ma jkollhomx tfal, iċ-​ċans hu li meta jixjieħu jibqgħu waħedhom, abbandunati, foqra, u lanqas biss min jidfinhom ma jkollhom.

Fl-Afrika, hija saħta li ma jkollokx tfal. F’ċerti nħawi, in-​nisa huma mistennija li jagħtu prova li kapaċi jkollhom it-​tfal saħansitra qabel iż-​żwieġ. Dawk li ma jirnexxilhomx joħorġu tqal jagħmlu minn kollox biex isibu mediċini u kura ħalli ma jibqgħux bla tfal.

Minħabba dawn l-​attitudnijiet, ħafna jqisu lil dawn il-​koppji li jagħżlu li ma jkollhomx tfal bħala li qed jiċċaħħdu minn xi ħaġa li hija taʼ ġid għalihom. B’hekk ħafna jqisuhom bħala strambi, li jaraw sa mneħirhom, u li huma taʼ min jitħassarhom.

Ferħ u Responsabbiltà

In-​nies taʼ Jehovah jafu kemm hu taʼ ferħ li trabbi t-​tfal, però jafu wkoll li dan jirrikjedi responsabbiltà. Il-​Bibbja tgħid hekk fl-​1 Timotju 5:8: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-​aktar dawk tal-​familja tiegħu, dan ċaħad il-​fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.”

Il-ġenituri jridu jipprovdu għall-​familji tagħhom kemm materjalment u kemm spiritwalment, u dan jirrikjedi ħin u sforz konsiderevoli. Ma jirraġunawx li, ladarba huwa Alla li pprovdielhom it-​tfal, għandu jieħu ħsiebhom hu. Huma jirrealizzaw li jridu jrabbu t-​tfal skond il-​prinċipji tal-​Bibbja. Din hija responsabbiltà li ngħatat lill-​ġenituri minn Alla biex iwettquha l-​ħin kollu, u għalhekk m’hijiex xi ħaġa li għandhom iħalluha f’idejn ħaddieħor.—Dewteronomju 6:6, 7.

It-trobbija tat-​tfal hija biċċa xogħol iebsa speċjalment f’dawn l-​“aħħar jiem” taż-​“żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1-5, NW) Minbarra l-​kundizzjonijiet ekonomiċi li dejjem sejrin għall-​agħar, hemm ukoll il-​ħażen li dejjem qed jiżdied fis-​soċjetà u li jkompli jżid maʼ l-​isfidi li hemm biex wieħed irabbi t-​tfal illum. Xorta waħda, madwar id-​dinja kollha hemm għadd taʼ koppji Kristjani li laqgħu din l-​isfida u qed jirnexxilhom irabbu tfal devoti “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.” (Efesin 6:4) Jehovah jħobbhom u jberikhom lil dawn il-​ġenituri għax-​xogħol iebes tagħhom.

Għala Xi Wħud Jibqgħu bla Tfal

Mill-​banda l-​oħra, ħafna koppji Kristjani m’għandhomx tfal. Xi wħud minnhom għax m’humiex fertili, però dawn xorta waħda ma jadottawx tfal. Koppji oħra li jistaʼ jkollhom it-​tfal jiddeċiedu li jibqgħu bla tfal. Dawn il-​koppji ma jkollhomx tfal mhux għax ma jridux jidħlu għar-​responsabbiltà, jew għax jibżgħu jiffaċċjaw l-​isfidi taʼ li jkunu ġenituri. Anzi, huma ddeċidew li jidħlu b’ruħhom u b’ġisimhom għall-​aspetti differenti tal-​ministeru full-time li x’aktarx ma kinux ikunu possibbli kieku kellhom it-​tfal. Xi wħud jaqdu bħala missjunarji. Oħrajn jaqdu lil Jehovah bħala indokraturi li jivvjaġġaw jew f’Betel.

Bħal kull Kristjan, huma jirrealizzaw li hemm xogħol urġenti x’isir. Ġesù qal: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” Dan ix-​xogħol qed isir illum. Huwa xogħol vitali, ladarba “t-​tmiem” ikun ifisser il-​qerda taʼ dawk li ma jagħtux kas taʼ l-​aħbar tajba.—Mattew 24:14; 2 Tessalonikin 1:7, 8.

Il-perijodu li qed ngħixu fih aħna jixbah iż-​żmien taʼ meta Noè u l-​familja tiegħu bnew l-​arka enormi li permezz tagħha baqgħu ħajjin meta ġie d-​Dilluvju l-​kbir. (Ġenesi 6:13-16; Mattew 24:37) Għalkemm it-​tliet ulied taʼ Noè kienu lkoll miżżewġin, ħadd minnhom ma kellu tfal ħlief wara d-​Dilluvju. Raġuni waħda setgħet kienet li dawn il-​koppji riedu jmiddu għonqhom u jużaw l-​enerġija kollha tagħhom għax-​xogħol li kellhom jagħmlu. Forsi raġuni oħra setgħet kienet li ma xtaqux iġibu t-​tfal f’dinja korrotta u vjolenti fejn il-​“ħażen tal-​bnedmin kien kiber . . . u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-​ħażen il-​jum kollu.”—Ġenesi 6:5.

Ħafna koppji Kristjani ma jkollhomx tfal biex ikollhom iktar ċans għax-​xogħol urġenti li Jehovah inkariga lin-​nies tiegħu jagħmlu, però ma jfissirx li huwa ħażin li xi ħadd ikollu t-​tfal illum. Xi koppji stennew ftit, qabel ma kellhom it-​tfal; oħrajn iddeċidew li jibqgħu ma jkollhomx tfal u jaħsbu dwar il-​possibbiltà li jkollhom it-​tfal fid-​dinja l-​ġdida taʼ tjieba li se jġib Jehovah. Qegħdin dawn jaraw biss sa mneħirhom? Qegħdin huma jaħlu ħajjithom? Huma dawn taʼ min jitħassarhom?

Ħajjiet fis-​Sigurtà u Ferħanin

Dele u Fola, li ssemmew iktar kmieni, issa ilhom għaxar snin miżżewġin, u għadhom determinati li jibqgħu bla tfal. “Qrabatna għadhom jiffittawna biex ikollna t-​tfal,” jgħid Dele. “L-​iktar ħaġa li tinkwetahom hija s-​sigurtà tagħna fil-​futur. Dejjem ngħidulhom li napprezzaw kemm jieħdu ħsiebna, imma bit-​tattika nispjegawlhom li ninsabu kuntenti ħafna b’dak li qed nagħmlu. Inkwantu għas-​sigurtà, nuruhom ċar li l-​fiduċja tagħna qegħda f’Jehovah, li tant jieħu ħsieb dawk kollha li jibqgħu juru l-​fedeltà u l-​lealtà lejh. Nispjegaw ukoll li l-​ġenituri m’għandhom ebda garanzija li għax għandhom it-​tfal se jkollhom min jieħu ħsiebhom meta jixjieħu. Jeżistu nies li ftit li xejn jimpurtahom mill-​ġenituri, oħrajn li ma jistgħux jgħinuhom, u jerġaʼ oħrajn imutu qabel il-​ġenituri tagħhom. Mill-​banda l-​oħra, il-​futur tagħna huwa assigurat f’idejn Jehovah.”

Dele u oħrajn bħalu jafdaw b’qalbhom kollha fil-​wegħda li Jehovah għamel lill-​qaddejja leali tiegħu: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.” (Lhud 13:5) Huma jemmnu wkoll li “id il-​Mulej ma qsaritx li ma ssalvax, lanqas widnejh ma tqalu biex jisimgħu.”—Isaija 59:1.

Raġuni oħra għal fiduċja tiġi milli wieħed josserva kif Jehovah jsaħħaħ lill-​qaddejja leali tiegħu. Is-​sultan David kiteb: “Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-​ġust minsi.” Aħseb ftit dwar dan. Taf int b’xi qaddej leali taʼ Jehovah li kien “minsi” għalkollox?—Salm 37:25.

Dawk li qattgħu ħajjithom jaqdu lil Jehovah u lil sħabhom Kristjani ma joqogħdux iħarsu lura lejn ħajjithom u jiddispjaċihom. Anzi, huma jirriflettu fuq ħajjithom b’sodisfazzjon kbir. Ħuna Iro Umah ilu jaqdi fis-​servizz full-time għal 45 sena u fil-​preżent qed jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa fin-​Niġerja. Hu jgħid: “Għalkemm jien u marti m’għandniex tfal, aħna nżommu f’moħħna li Jehovah dejjem ħa ħsiebna kemm b’mod spiritwali kif ukoll b’mod materjali. Qatt ma naqasna xejn. Mhux se jabbandunana hekk kif nikbru fl-​età. Dawn is-​snin li qattajna fis-​servizz full-time kienu l-​iktar snin li ġabulna ferħ f’ħajjitna. Inħossuna grati li nistgħu naqdu lil ħutna, u dawn japprezzaw is-​servizz tagħna u jgħinuna.”

Għalkemm ħafna koppji ma wildux tfal, dawn kellhom tip differenti taʼ tfal—dixxipli Kristjani li jqimu lil Jehovah. L-​appostlu Ġwanni kellu madwar 100 sena meta kiteb: “Ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-​verità.” (3 Ġwann 4) Ġwanni tgħidx kemm kien ikun ferħan meta kien jara l-​fedeltà taʼ ‘wliedu,’ dawk li ġab f’kuntatt mal-​“verità.”

Illum hemm abbundanza taʼ ferħ bħal dan. Bernice, mara Niġerjana, ilha miżżewġa għal 19-il sena u għażlet li ma jkollhiex tfal. Għal dawn l-​aħħar 14-il sena qdiet bħala pijuniera. Hekk kif qed toqrob lejn l-​età li ma jkunx jistaʼ jkollha t-​tfal tagħha stess, ma jiddispjaċiha xejn li ħajjitha qed tqattagħha tagħmel dixxipli. Hi tgħid: “Kemm inħossni ferħana li qed nara lil uliedi spiritwali jikbru. Kieku kelli t-​tfal tiegħi stess, niddubita jekk kinux ikunu ħaġa waħda miegħi daqs dawn li għenthom isibu l-​verità. Jistmawni bħal ommhom, jiddiskutu miegħi l-​ferħ u l-​problemi tagħhom u jiġu għandi biex nagħtihom xi parir. Huma jiktbuli l-​ittri, u nżuru lil xulxin.

“Xi wħud jaħsbu li jekk xi ħadd ma jkollux tfal ikollu s-​saħta. Jgħidu li meta tixjieħ se tbati. Imma jien ma narahiex hekk. Naf li sakemm naqdi lil Jehovah b’ruħi kollha, hu se jippremjani u jieħu ħsiebi. Qatt ma se jabbandunani meta nixjieħ.”

Alla Jħobbna u Japprezzana

Dawk li wildu u rabbew tfal li jibqgħu “mexjin fil-​verità” għandhom għalfejn ikunu grati. Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tgħid: “Missier il-​ġust għandu ħafna għax jifraħ, min għandu ibnu għaref jithenna bih. Jithennew bik missierek u ommok, u tifraħ bik dik li wilditek!”—Proverbji 23:24, 25.

Dawk il-​Kristjani li ma kellhomx il-​privileġġ li jġibu t-​tfal fid-​dinja ġew imberkin b’modi oħrajn. Ħafna minn dawn il-​koppji kellhom irwol vitali f’li jkunu minn taʼ quddiem biex javanzaw l-​interessi tas-​Saltna. L-​esperjenza, l-​għerf u s-​sengħa li kisbu matul is-​snin għenuhom biex jikkontribwixxu ferm għax-​xogħol tas-​Saltna. Ħafna minnhom huma minn taʼ quddiemnett f’dan ix-​xogħol.

Għalkemm baqgħu bla tfal biex ikunu jistgħu javanzaw l-​interessi tas-​Saltna, Jehovah berikhom b’familja spiritwali li tħobbhom u li tapprezza ferm is-​sagrifiċċji li għamlu. Hu preċiż bħalma qal Ġesù: “Fost dawk kollha li minħabba fija u l-​Evanġelju jħallu [letteralment “ma jibqgħux iżommu”] lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-​għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-​dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subjien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi . . . u l-​ħajja taʼ dejjem fiż-​żmien li ġej.”—Mark 10:29, 30.

Kemm huma prezzjużi għal Jehovah dawk kollha li huma leali! Lil nies leali bħal dawn, kemm dawk li għandhom it-​tfal u kemm dawk li m’għandhomx, l-​appostlu Pawlu jaċċertahom: “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-​qaddisin.”—Lhud 6:10.

[Nota taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 23]

Koppji bla tfal ġew imberkin b’familja spiritwali li tħobbhom