Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Prużunzjoni Twassal għad-Diżunur

Il-Prużunzjoni Twassal għad-Diżunur

“Ġiet il-​prużunzjoni? Allura se jiġi d-​diżunur; imma l-​għerf qiegħed mal-​modesti.”—PROVERBJI 11:2, NW.

1, 2. X’inhi l-​prużunzjoni, u din b’liema modi wasslet għal diżastru?

 LEVITA għajjur imexxi grupp taʼ nies ribellużi kontra dawk li Jehovah ħatar biex ikunu fl-​awtorità. Prinċep ambizzjuż b’makakkerija kbira jħejji pjan sigriet biex jaħtaf it-​tron taʼ missieru taħt idejh. Sultan bla paċenzja jinjora l-​istruzzjonijiet speċifiċi tal-​profeta t’Alla. Dawn it-​tliet Iżraelin kellhom l-​istess tendenza: il-​prużunzjoni.

2 Il-​prużunzjoni hija karatteristika li tiddeskrivi l-​bniedem ġewwieni u hi theddida serja għal kulħadd. (Salm 19:13, NW) Bniedem prużuntuż jażżarda jaqbeż il-​limiti mingħajr ma jkollu dritt li jagħmel hekk. Taʼ spiss, dan iwassal għal diżastru. Fil-​fatt, il-​prużunzjoni rvinat il-​ħajjiet taʼ xi slaten u waqqgħet imperi sħaħ. (Ġeremija 50:29, 31, 32; Danjel 5:20) Saħansitra rikbet lil xi wħud mill-​qaddejja taʼ Jehovah u wasslet biex irvinatilhom ħajjithom.

3. Kif nistgħu nitgħallmu dwar il-​perikli taʼ li wieħed ikun prużuntuż?

3 Mela mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tistqarr: “Ġiet il-​prużunzjoni? Allura se jiġi d-​diżunur; imma l-​għerf qiegħed mal-​modesti.” (Proverbji 11:2, NW) Il-​Bibbja tipprovdilna eżempji li jikkonfermaw kemm dan il-​proverbju huwa veru. Jekk neżaminaw ftit minnhom, dan se jgħinna niftħu għajnejna għall-​perikli taʼ li nagħmlu affarijiet li m’għandniex awtorità nagħmluhom. Għalhekk, ejja nikkunsidraw kif l-għira, l-​ambizzjoni, u n-nuqqas taʼ paċenzja ġagħlu lit-tlett irġiel li ssemmew fil-​bidu jaġixxu b’mod prużuntuż, u kif dan wassalhom għad-​diżunur.

KoraħBniedem Ribelluż u Għajjur

4. (a) Min kien Koraħ, u f’liema ġrajjiet storiċi żgur li ħa sehem ? (b) Koraħ liema azzjoni infamja kien responsabbli għaliha fl-​aħħar snin taʼ ħajtu?

4 Koraħ kien Levita mill-familja taʼ Keħat, kuġin taʼ Mosè u Aron. Milli jidher hu kien leali lejn Jehovah għal ħafna snin. Kellu l-​privileġġ li jkun fost dawk li salvaw mill-​Baħar l-​Aħmar permezz taʼ miraklu, u x’aktarx li kellu sehem f’li jesegwixxi l-​ġudizzju taʼ Jehovah kontra dawk l-​Iżraelin li qiemu l-​għoġol ħdejn il-​Muntanja Sinaj. (Eżodu 32:26) Madankollu, meta għadda ż-​żmien, Koraħ sar il-​perċimes taʼ rewwixta kontra Mosè u Aron, li fiha kienu involuti wkoll Datan, Abiram, u On, dixxendenti taʼ Ruben, kif ukoll 250 kap taʼ l-​Iżraelin. a “Għandkom biżżejjed fuq spallejkom,” qalu huma lil Mosè u lil Aron, “il-​ġemgħa kollha huma kkonsagrati u f’nofshom hemm il-​Mulej. Għaliex togħlew fuq il-​ġemgħa tal-​Mulej?”—Numri 16:1-3.

5, 6. (a) Koraħ għala rribella kontra Mosè u Aron? (b) Għala jistaʼ jingħad li Koraħ x’aktarx li ma kienx japprezza l-​post tiegħu fl-​arranġament t’Alla?

5 Koraħ għala rribella wara daqstant snin taʼ fedeltà? Żgur li l-​mod kif Mosè kien imexxi lil Iżrael ma kienx aħrax, għax hu kien ‘l-​aktar umli fost il-​bnedmin li kien hemm fuq wiċċ l-​art.’ (Numri 12:3) Madankollu, jidher li Koraħ kien jgħir għal Mosè u Aron u rrabja minħabba li huma kienu daqshekk importanti. Dan wasslu biex jgħid b’mod żbaljat li huma kienu ħatru lilhom infushom fuq il-​kongregazzjoni minn jeddhom, għax kienu egoisti.—Salm 106:16.

6 X’aktarx li parti mill-​problema taʼ Koraħ kienet li hu ma kienx jgħożż il-​privileġġi li kellu fl-​arranġament t’Alla. Veru li l-​Leviti mill-​familja taʼ Keħat ma kinux qassisin, però kienu għalliema tal-​Liġi t’Alla. Kienu wkoll iġorru l-​għamara u t-​tagħmir tat-​tabernaklu meta kien ikun hemm bżonn. Din kienet biċċa xogħol importanti ferm, għax it-​tagħmir qaddis setgħu jmissuh biss dawk li kienu nodfa kemm reliġjożament u kemm moralment. (Isaija 52:11) Għaldaqstant, meta Mosè ffaċċja lil Koraħ, hu kien fil-​fatt qed jistaqsih, Int l-​inkarigu tiegħek tant tqisu li m’huwiex importanti li trid ukoll tikkapparra s-​saċerdozju? (Numri 16:9, 10) Koraħ ma rrealizzax li l-​akbar unur li wieħed jistaʼ jkollu hu li jaqdi lil Jehovah bil-​fedeltà skond l-​arranġament tiegħu, u mhux li jikseb xi grad jew pożizzjoni speċjali.—Salm 84:11 [84:10, NW].

7. (a) Mosè kif ittratta maʼ Koraħ u l-​irġiel li kienu miegħu? (b) L-​irvell taʼ Koraħ liema tmiem diżastruż kellu?

7 Mosè stieden lil Koraħ u lill-​irġiel li kienu miegħu biex jiltaqgħu l-​għada fil-​għodu fit-​tinda tal-​laqgħa u jġibu ċ-​ċensier u l-​inċens. Koraħ u dawk li kienu miegħu ma kellhomx l-​awtorità li joffru l-​inċens, ladarba ma kinux qassisin. Jekk huma kienu se jmorru biċ-​ċensier u l-​inċens, kien se jindika b’mod ċar li dawn l-​irġiel kienu għadhom jaħsbu li huma kellhom id-​dritt li jaġixxu bħala qassisin. Dan minkejja li jkun kellhom lejl sħiħ sabiex jaħsbuha dwar il-​kwistjoni. Meta ppreżentaw ruħhom l-​għada fil-​għodu, Jehovah b’mod ġust wera l-​korla tiegħu. Inkwantu għad-​dixxendenti taʼ Ruben, ‘l-​art infetħet u belgħethom.’ Il-​bqija, inkluż Koraħ, inqerdu permezz taʼ nar mingħand Alla li belagħhom ilkoll. (Dewteronomju 11:6; Numri 16:16-35; 26:10) Il-​prużunzjoni taʼ Koraħ wasslitu għall-​akbar diżunur—id-​diżapprovazzjoni t’Alla!

Irreżisti t-​Tendenza għall-​Għira

8. Il-​Kristjani kif jistgħu juru tendenza għall-​għira?

8 Ir-​rakkont taʼ Koraħ huwa twissija għalina. Il-​bnedmin imperfetti kollha għandhom tendenza għall-​għira. Minħabba f’hekk, anki l-​Kristjani fil-​kongregazzjoni jistgħu juru tendenza bħal din. (Ġakbu 4:5) Per eżempju, għandu mnejn li aħna jkun moħħna biss fil-​pożizzjoni. Bħal Koraħ, forsi ngħiru għal dawk li għandhom il-​privileġġi li nkunu nixtiequ li jkollna aħna. Jew forsi nistgħu nsiru bħal dak il-​Kristjan taʼ l-​ewwel seklu li kien jismu Dijotrefi. Hu kien jikkritika ħafna l-​awtorità li kellhom l-​appostli, u jidher ċar li dan kien jagħmlu għax ried imexxi hu. Mhux taʼ b’xejn li Ġwanni kiteb li Dijotrefi “jħobb jaqbeż lil kulħadd.”—3 Ġwann 9.

9. (a) Liema attitudni lejn ir-​responsabbiltajiet tal-​kongregazzjoni jeħtieġ li nevitaw? (b) Liema ħarsa xierqa għandu jkollna dwar postna fl-​arranġament t’Alla?

9 M’għandniex xi ngħidu, m’hemm xejn ħażin f’li Kristjan jirsisti biex ikollu xi responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. Pawlu saħansitra inkuraġġixxa lill-​aħwa biex jagħmlu dan. (1 Timotju 3:1, NW) Madankollu, dawn il-​privileġġi taʼ servizz qatt m’għandna nqisuhom bħala penzijiet, bħallikieku jekk niksbuhom se nkunu tlajna xi skaluna mill-​hekk imsejjaħ sellum tas-​suċċess. Ftakar li Ġesù qal: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-​ewwel fostkom, għandu jkun l-​ilsir tagħkom.” (Mattew 20:26, 27) Jidher ċar li jkun ħażin li ngħiru għal dawk li għandhom responsabbiltajiet akbar, bħallikieku l-​valur tagħna f’għajnejn Alla jiddependi fuq il-​“pożizzjoni” li jistaʼ jkollna fl-​organizzazzjoni tiegħu. Ġesù qal: “Intom ilkoll aħwa.” (Mattew 23:8) Mela, kulmin jaqdi lil Jehovah b’ruħu kollha, kemm jekk hu pubblikatur u kemm jekk hu pijunier, kemm jekk għadu kif tgħammed u kemm jekk ilu żmien twil iżomm l-​integrità, għandu post importanti fl-​arranġament t’Alla. (Luqa 10:27; 12:6, 7; Galatin 3:28; Lhud 6:10) Hija verament barka li taħdem spalla maʼ spalla mal-​miljuni li qed jistinkaw biex japplikaw il-​parir tal-​Bibbja: “Ilbsu l-​umiltà maʼ xulxin.”—1 Pietru 5:5.

Absalom—Opportunist Ambizzjuż

10. Min kien Absalom, u kif ipprova jitħabbeb maʼ dawk li kienu jiġu għand is-​sultan biex jagħmel ħaqq magħhom?

10 Il-​ħajja t’Absalom, it-​tielet iben tas-​Sultan David, tipprovdilna eżempju ħaj taʼ x’ifisser li tkun ambizzjuż. Dan l-​opportunist makakk ipprova jitħabbeb maʼ dawk li kienu jmorru għand is-​sultan biex jagħmel ħaqq magħhom. Għall-​ewwel hu beda jipprova jdaħħal l-​idea li David ma kienx jimpurtah mill-​bżonnijiet tagħhom. Imbagħad ma baqax juża l-​makakkerija, imma wera x’kien verament l-​iskop tiegħu. “Min se jagħmilni mħallef fil-​pajjiż,” għanna Absalom, “biex jiġi għandi kull min ikollu xi kwistjoni jew kawża, u jien nagħmel il-​ġustizzja miegħu?” Bil-​metodi qarrieqa tiegħu, Absalom wera li ma kien se jħalli xejn iwaqqfu milli jiġbed lin-​nies lejh. “Meta xi ħadd kien jersaq lejh biex jagħtih qima,” tgħid il-​Bibbja, “kien imidd idu, jgħannqu u jbusu; u Absalom kien jagħmel hekk lill-​Iżraelin kollha li kienu jmorru jitolbu l-​ħaqq għand is-​sultan.” B’liema riżultat? “Absalom seraq qalb in-​nies taʼ Iżrael.”—2 Samwel 15:1-6.

11. Absalom kif ipprova jaħtaf it-​tron taʼ David?

11 Absalom kien determinat li jaħtaf it-​tron mingħand missieru. Ħames snin qabel, kien qatel lil Amnon, l-​iben il-​kbir taʼ David, biex f’għajnejn in-​nies jidher li kien qed jivvendika ruħu talli Amnon kien stupra lil oħtu Tamar. (2 Samwel 13:28, 29) Jistaʼ jkun li hu kien diġà tefaʼ għajnejh fuq it-​tron, u rraġuna li jekk joqtol lil Amnon kien se jkun jaqbillu għax ikun neħħa min-​nofs lir-​rival tiegħu. b Kien x’kien il-​każ, meta wasal il-​waqt, Absalom wettaq il-​pjan tiegħu. Hu bagħat messaġġiera biex jiddikjaraw lit-​tribujiet kollha taʼ Iżrael l-​aħbar li sar sultan.—2 Samwel 15:10.

12. Spjega kif il-​prużunzjoni t’Absalom wasslitu għad-​diżunur.

12 Għal xi żmien, Absalom kellu suċċess, għax “il-​konfoffa ssaħħet, u l-​poplu kompla żdied u mar maʼ Absalom.” Maż-​żmien, is-​Sultan David kellu jaħrab biex isalva ħajtu. (2 Samwel 15:12-17) Iżda s-​suċċess t’Absalom kien għomru qasir. Dan seħħ meta Ġowab qatlu, tefgħu f’ħofra u għattieh bil-​ġebel. Immaġina—raġel ambizzjuż bħal dan li ried isir sultan lanqas biss difna diċenti ma kellu meta miet! c Il-​prużunzjoni verament wasslet lil Absalom għad-​diżunur.—2 Samwel 18:9-17.

Stmerr l-​Ambizzjoni Egoista

13. L-​ambizzjoni kif tistaʼ trabbi l-​għeruq f’qalb il-​Kristjani?

13 Il-​mod kif Absalom kiseb it-​tron u mbagħad tilef kollox f’qasir żmien jgħallimna lezzjoni. Fid-​dinja tal-​lum kulħadd moħħu biex jakkwista dak li jrid akkost taʼ kollox. Għalhekk spiss tara nies li, lil dawk f’karigi għoljin, joqogħdu jfaħħruhom f’wiċċhom biex jitħabbu magħhom. Dan jagħmluh sempliċement biex jagħtu impressjoni tajba jew jiksbu xi privileġġ jew promozzjoni. Fl-​istess ħin, joqogħdu jiftaħru quddiem dawk taʼ taħthom bit-​tama li dawn jibdew jiffavoruhom u jappoġġawhom. Jekk ma noqogħdux attenti, l-​ambizzjoni tistaʼ trabbi l-​għeruq f’qalbna wkoll. Milli jidher, dan ġara fost xi wħud fl-​ewwel seklu, u minħabba f’hekk l-​appostli kellhom jagħtu twissijiet ibsin kontra dawn l-​uħud.—Galatin 4:17; 3 Ġwann 9, 10.

14. Għala għandna nevitaw li nkunu ambizzjużi u moħħna biex niftaħru?

14 Fl-​organizzazzjoni tiegħu, Jehovah ma jridx nies li dejjem jiftaħru bihom infushom, dawk li “[j]fittxu ġieħhom stess.” (Proverbji 25:27, Karm Żammit) “Jaqtaʼ l-​Mulej ix-​xufftejn qarrieqa, kull ilsien li jitkellem bil-​kburija.” (Salm 12:4 [12:3, NW]) Absalom kellu xofftejn qarrieqa. Kien jgħid ħafna kliem taʼ tifħir biex jidher ħelu maʼ dawk li ried l-​approvazzjoni tagħhom—u dan kollu biex jakkwista dik il-​pożizzjoni t’awtorità li tant kien jixxennaq għaliha. Kemm aħna mberkin li ninsabu fost fratellanza li, minflok ma taġixxi bħal Absalom, tobdi l-​parir taʼ Pawlu: “Tagħmlu xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-​ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-​ieħor aħjar minnu.”—Filippin 2:3.

Sawl—Sultan bla Paċenzja

15. Sawl kif wera li xi darba kien modest?

15 Xi darba Sawl, li iktar tard sar is-​sultan taʼ Iżrael, kien raġel modest. Per eżempju, ikkunsidra x’ġara meta kien għadu żagħżugħ. Meta Samwel, il-​profeta t’Alla, tkellem b’approvazzjoni dwaru, Sawl bl-​umiltà kollha wieġeb: “M’iniex jien Benjamini mill-​iżgħar fost it-​tribù taʼ Iżrael, u l-​familja tiegħi m’hijiex l-​iżgħar fost il-​familji tat-​tribù taʼ Benjamin? Għaliex qiegħed tkellimni hekk?”—1 Samwel 9:21.

16. Sawl b’liema mod wera li kien bla paċenzja?

16 Madankollu, iktar tard il-​modestja taʼ Sawl sparixxiet. Waqt li kien qiegħed jiġġieled mal-​Filistin, hu niżel Gilgal, fejn kien mitlub jistenna sakemm jiġi Samwel ħalli jagħmel petizzjonijiet lil Alla billi joffri s-​sagrifiċċji. Meta Samwel ma wasalx fil-​ħin li kien qal, Sawl kien prużuntuż u qabad u offra s-​sagrifiċċju hu stess. Malli lesta, wasal Samwel. “X’għamilt?” staqsa Samwel. Sawl wieġeb: “Rajt li l-​poplu beda tielaq minn miegħi u int ma ġejtx fil-​jum li ftehemna. . . . Għalhekk għamilt il-​qalb u offrejt is-​sagrifiċċju.”​—1 Samwel 13:​8-​12.

17. (a) Għall-​ewwel, għala jistaʼ jidher li Sawl kellu raġun jaġixxi b’dan il-​mod? (b) Jehovah għala kkundanna lil Sawl talli aġixxa bla paċenzja?

17 Għall-​ewwel, forsi Sawl jidher li kellu raġun jaġixxi hekk. Wara kollox, in-​nies t’Alla kienu “marsusin,” daharhom mal-​ħajt, u mregħdin minħabba s-​sitwazzjoni ddisprata li kienu fiha. (1 Samwel 13:6, 7) Żgur li m’hijiex xi ħaġa ħażina li wieħed jieħu l-​inizjattiva fejn iċ-​ċirkustanzi jitolbu li dan isir. d Iżda rridu niftakru li Jehovah jaqra l-​qlub u jinduna x’ikunu l-motivi fil-fond taʼ qalbna. (1 Samwel 16:7) Għalhekk, bilfors li hu kien innota xi ħaġa f’Sawl li m’hijiex imsemmija direttament fir-​rakkont tal-​Bibbja. Per eżempju, Jehovah setaʼ ra li n-​nuqqas taʼ paċenzja taʼ Sawl kien effett tal-​kburija. Forsi Sawl xejn ma ħa pjaċir li hu—is-​sultan taʼ Iżrael kollu—kellu joqgħod jistenna lil dak li għalih kien sempliċi profeta xiħ li ma kellu għaġla taʼ xejn! Kien x’kien, Sawl ħass li minħabba li Samwel iddawwar, hu kellu d-​dritt jagħmel kollox hu u jinjora l-​istruzzjonijiet preċiżi li kienu ngħatawlu. X’kien ir-​riżultat? Samwel ma faħħarx lil Sawl għall-​inizjattiva li kien ħa. Mhux talli ma faħħrux, imma talli ċanfru, billi qallu: “Is-​saltna tiegħek ma żżommx . . . għax int ma smajtx dak li ordnalek il-​Mulej.” (1 Samwel 13:13, 14) Għal darb’oħra, il-​prużunzjoni wasslet għad-​diżunur.

Oqgħod Attent min-​Nuqqas taʼ Paċenzja

18, 19. (a) Iddeskrivi kif in-​nuqqas taʼ paċenzja jistaʼ jġiegħel lil xi qaddej taʼ Jehovah jaġixxi b’mod prużuntuż fi żmienna. (b) X’għandna niftakru dwar il-​mod kif għandhom jimxu l-​affarijiet fil-​kongregazzjoni Kristjana?

18 Ir-​rakkont dwar il-​prużunzjoni li wera Sawl ġie mniżżel fil-​Kelma t’Alla għall-​ġid tagħna. (1 Korintin 10:11) Kemm hu faċli li nibdew niddejqu minħabba l-​imperfezzjonijiet taʼ ħutna! Jistaʼ jiġrilna bħal Sawl u nsiru bla paċenzja, billi nkunu rridu nagħmlu kollox aħna għax inħossu li l-​affarijiet b’hekk biss isiru sew. Per eżempju, immaġina li wieħed mill-​aħwa tgħidx kemm hu kapaċi biex jorganizza l-​affarijiet. Hu dejjem iżomm il-​ħin, jaf eżatt x’inhuma l-​proċeduri tal-​kongregazzjoni, jaf jagħti t-​taħditiet u jgħallem b’mod verament effettiv. Fl-​istess ħin, iħoss li l-​oħrajn ma jagħmlux l-​affarijiet bil-​mod preċiż kif jagħmilhom hu, u m’humiex effiċjenti daqs kemm kieku jixtieq hu. Allura dan jagħtih id-​dritt li juri nuqqas taʼ paċenzja? Għandu hu jikkritika lill-​aħwa, u forsi jagħtihom x’jifhmu li mingħajru ma jsir xejn u l-​kongregazzjoni ma timxix ’il quddiem? Din tkun prużunzjoni!

19 X’inhu li verament iżomm kongregazzjoni taʼ Kristjani magħquda? Tmexxija tajba? Effiċjenza? Ċertu għarfien li wieħed jistaʼ jkollu? Irridu nammettu li dawn veru jgħinu biex l-​affarijiet fil-​kongregazzjoni jimxu ħarir. (1 Korintin 14:40; Filippin 3:16; 2 Pietru 3:18) Madankollu, Ġesù qal li s-​segwaċi tiegħu kellhom jintgħarfu primarjament mill-​imħabba taʼ bejniethom. (Ġwann 13:35) Hu għalhekk li l-​anzjani li tant juru mħabba, għalkemm iżommu l-​ordni, jirrealizzaw li l-​kongregazzjoni m’hijiex xi kumpanija li teħtieġ tmexxija stretta. Minflok, jirrealizzaw li din hija merħla li hemm bżonn juru tenerezza f’li jieħdu ħsiebha. (Isaija 32:1, 2; 40:11) Taʼ spiss, meta xi ħadd bi prużunzjoni jinjora dawn il-​prinċipji jkun hemm it-​tilwim. Għall-​kuntrarju, meta jinżamm l-​ordni kif irid Alla, se jkun hemm il-​paċi.—1 Korintin 14:33; Galatin 6:16.

20. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Ir-​rakkonti Bibliċi taʼ Koraħ, Absalom, u Sawl juru ċar li l-​prużunzjoni twassal għad-​diżunur, kif insibu fi Proverbji 11:2, (NW). Madankollu, dak l-​istess vers iżid: “L-​għerf qiegħed mal-​modesti.” X’inhi l-​modestja? Liema eżempji fil-​Bibbja jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar x’inhi din il-​kwalità, u aħna kif nistgħu nuru l-​modestja llum? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu kunsidrati fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Ruben kien l-​ewwel imwieled taʼ Ġakobb, iżda Mosè kien dixxendent taʼ Levi. Allura l-​fatt li Mosè kellu pożizzjoni għolja t’awtorità fuqhom setaʼ kien ir-​raġuni għala dawk id-​dixxendenti taʼ Ruben li rribellaw maʼ Koraħ kienu rrabjati għalih.

b Kilab, it-​tieni iben taʼ David, ma jissemmiex ħlief meta twieled. X’aktarx li hu miet qabel ir-​ribelljoni t’Absalom.

c Fi żminijiet Bibliċi, id-​difna tal-​mejjet kienet xi ħaġa importanti ferm. Għalhekk, li wieħed ma jindifinx kienet xi ħaġa serja u dan taʼ spiss kien juri li l-​individwu ma kellux l-​approvazzjoni t’Alla.—Ġeremija 25:32, 33.

d Per eżempju, Fineħas aġixxa fil-​pront biex ikun jistaʼ jwaqqaf il-​flaġell li fih inqatlu għaxriet t’eluf taʼ Iżraelin. David inkuraġġixxa lill-​irġiel tiegħu li kienu bil-​ġuħ biex jingħaqdu miegħu u jieklu l-​ħobż tal-​preżenza li kien hemm “fid-​dar taʼ Alla.” L-​azzjonijiet tagħhom ma ġewx kundannati minn Alla bħala atti prużuntużi.—Mattew 12:​2-4; Numri 25:​7-9; 1 Samwel 21:​2-7 [21:1-6, NW].

X’Tiftakar?

• X’inhi l-​prużunzjoni?

• L-​għira kif ġagħlet lil Koraħ jaġixxi b’mod prużuntuż?

• X’nitgħallmu mir-​rakkont dwar Absalom, li tant kien ambizzjuż?

• Kif nistgħu nevitaw li nkunu nies bla paċenzja bħalma kien Sawl?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 10]

Sawl tilef il-​paċenzja u aġixxa b’mod prużuntuż