“L-Għerf Qiegħed mal-Modesti”
“X’jitlob minnek il-Mulej ħlief li . . . timxi bl-umiltà [“tkun modest,” “NW”] m’Alla tiegħek?”—MIKEA 6:8, KŻ.
1, 2. X’inhi l-modestja, u b’liema modi hi differenti mill-prużunzjoni?
APPOSTLU magħruf joqgħod lura milli jiġbed l-attenzjoni lejh innifsu. Imħallef kuraġġuż taʼ Iżrael isejjaħ lilu nnifsu l-inqas wieħed minn dar missieru. L-aqwa bniedem li qatt għex jirrikonoxxi li hu m’għandux awtorità assoluta. Kull wieħed minn dawn l-irġiel kien juri l-modestja.
2 Il-modestja hija l-oppost tal-prużunzjoni. Min ikun modest ma jaħsibx li għandu xi abbiltajiet speċjali jew li hu aħjar minn ħaddieħor, m’huwiex imkabbar u ma jippretendihiex. Minflok ma jkun bniedem kburi, faħħari, jew ambizzjuż, bniedem modest jibqaʼ dejjem konxju tal-limiti tiegħu. Għaldaqstant, hu jirrispetta u jagħti kas kif iħossu u kif jaħsibha ħaddieħor.
3. L-għerf b’liema mod “qiegħed mal-modesti”?
3 Il-Bibbja għandha raġun tgħid: “L-għerf qiegħed mal-modesti.” (Proverbji 11:2, NW) Min hu modest hu għaref għaliex jagħmel dak li jogħġob ’l Alla, u jevita attitudni prużuntuża li ġġib id-diżunur. (Proverbji 8:13; 1 Pietru 5:5) L-eżempju taʼ xi wħud mill-qaddejja t’Alla jikkonferma kemm hu għaqli li wieħed ikun modest. Ejja nikkunsidraw it-tliet eżempji li ssemmew fl-ewwel paragrafu.
Pawlu—‘Qaddej’ u ‘Amministratur’
4. Pawlu liema privileġġi uniċi kellu?
4 Pawlu kien magħruf sew fost il-Kristjani tal-bidu, u bir-raġun. Matul il-ministeru tiegħu, hu vvjaġġa eluf taʼ kilometri sew bil-baħar u sew fuq l-art, u stabbilixxa għadd kbir taʼ kongregazzjonijiet. Iktar minn hekk, Jehovah bierek lil Pawlu billi tah viżjonijiet u d-don li jitkellem b’ilsna barranin. (1 Korintin 14:18; 2 Korintin 12:1-5) Barra minn hekk, hu nebbaħ lil Pawlu biex jikteb erbatax-il ittra li issa huma parti mill-Iskrittura Griega Kristjana. Nistgħu ngħidu mingħajr tlaqliq li Pawlu tħabat iktar mill-appostli l-oħra kollha.—1 Korintin 15:10.
5. Pawlu kif wera li kien modest fil-mod kif kien iqis lilu nnifsu ?
5 Minħabba li Pawlu kien minn taʼ quddiemnett fl-attività tiegħu bħala Kristjan, xi wħud għandhom mnejn jaħsbu li hu kien jieħu gost iħossu importanti, jew saħansitra jiffanfra bl-awtorità li kellu. Però, dan mhux minnu, għax Pawlu kien modest. Hu tkellem dwaru nnifsu bħala “l-inqas wieħed fost l-appostli,” u żied: “Ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja taʼ Alla.” (1 Korintin 15:9) Pawlu qabel kien wieħed li jippersegwita lill-Kristjani. Kien jaf li kieku ma kienx għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, lanqas biss kien ikun jistaʼ jkollu relazzjoni m’Alla, aħseb u ara kemm setaʼ jkollu privileġġi speċjali taʼ servizz. (Ġwann 6:44; Efesin 2:8) Għalhekk, Pawlu ma kienx jaħseb li l-fatt li wettaq affarijiet straordinarji fil-ministeru kien jagħmlu aqwa minn oħrajn.—1 Korintin 9:16.
6. Pawlu kif wera l-modestja meta ttratta mal-Korintin?
6 Il-modestja taʼ Pawlu kienet tidher b’mod partikulari fil-mod kif kien jittratta mal-Korintin. Milli jidher, xi wħud minnhom kienu baqgħu impressjonati ħafna b’dawk li kienu jqisuhom bħala indokraturi prominenti, inkluż Apollo, Kefa, u Pawlu nnifsu. (1 Korintin 1:11-15) Imma Pawlu ma kienx jaġixxi b’tali mod li jistieden it-tifħir mingħand il-Korintin u lanqas ma kien jipprofitta ruħu mill-fatt li kienu jammirawh. Meta żarhom, ma ppreżentax ruħu “bi kliem kbir jew għaref.” Minflok Pawlu, qal dwaru nnifsu u dwar sħabu: “Hekk għandna nkunu miżmumin bħala qaddejja taʼ Kristu u amministraturi tal-misteri taʼ Alla.” a—1 Korintin 2:1-5; 4:1, Saydon.
7. Pawlu kif kien juri l-modestja saħansitra meta kien jagħti xi twissija?
7 Pawlu kien juri l-modestja saħansitra meta kien ikollu jagħti xi twissija jew direzzjoni iebsa. Minflok ma kien jenfasizza l-awtorità li kellu bħala appostlu, hu kien jitlob lil sħabu Kristjani jaġixxu fuq il-bażi tal-“ħniena taʼ Alla” u “f’isem l-imħabba.” (Rumani 12:1, 2; Filemon 8, 9) Pawlu għala kien jagħmel hekk? Għax hu verament kien iqis lilu nnifsu bħala wieħed li kien ‘jaħdem’ flimkien maʼ ħutu, u mhux bħala wieħed li ‘jaħkem fuq il-fidi tagħhom.’ (2 Korintin 1:24, Saydon) Bla dubju, il-fatt li Pawlu kien juri l-modestja wassal biex hu sar maħbub ferm fil-kongregazzjonijiet taʼ l-ewwel seklu.—Atti 20:36-38.
Inqisu l-Privileġġi Tagħna bil-Modestja
8, 9. (a) Għala għandna nkunu modesti fil-mod kif inqisu lilna nfusna? (b) Dawk li għandhom xi tip taʼ responsabbiltà kif jistgħu juru l-modestja?
8 Pawlu hu eżempju mill-aħjar għall-Kristjani llum. Ikunu x’ikunu r-responsabbiltajiet li jiġu fdati f’idejna, ħadd minna m’għandu għalfejn iħossu li hu aqwa minn ħaddieħor. “Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta ma hu xejn,” kiteb Pawlu, “ikun iqarraq bih innifsu.” (Galatin 6:3) Għala? Għaliex “il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:23, korsiv tagħna; 5:12) Iva, qatt m’għandna ninsew li lkoll kemm aħna writna d-dnub u l-mewt mingħand Adam. Il-fatt li jingħatalna xi privileġġ speċjali ma jfissirx li issa aħna m’għadniex bnedmin komuni u midinbin. (Koħèlet 9:2) Bħal fil-każ taʼ Pawlu, kieku ma kienx għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, kieku l-bnedmin lanqas biss jistaʼ jkollhom relazzjoni tajba miegħu, aħseb u ara kemm jistgħu jaqduh f’xi privileġġ speċjali taʼ servizz.—Rumani 3:12, 24.
9 Bniedem modest jirrealizzah dan, u għalhekk ma joqgħodx jitkabbar għax għandu ċerti privileġġi jew jiftaħar bl-affarijiet li jkun wettaq. (1 Korintin 4:7) Meta jagħti xi parir jew direzzjoni lil oħrajn, dan jagħmlu bħala seħibhom fix-xogħol u mhux bħala wieħed li jaħkem fuqhom. Ċertament li ma jkunx xieraq li xi ħadd jaġixxi b’tali mod li jistieden it-tifħir mingħand Kristjani sħabu għax ikun jibbrilla f’ċerti aspetti, jew inkella jipprofitta ruħu mill-fatt li dawn jammirawh. (Proverbji 25:27, KŻ; Mattew 6:2-4) L-uniku tifħir veru hu dak li jiġi mingħand ħaddieħor—u dan għandu jiġi minn qalbhom, mhux għax nistidnuh b’idejna. Jekk xi ħadd ifaħħarna, ma rridux nitkabbru u nibdew nippretendu li issa sirna xi ħaġa.—Proverbji 27:2; Rumani 12:3.
10. Spjega kif xi wħud li forsi jidhru li ma tantx huma importanti jistgħu fil-fatt ikunu ‘għonja fil-fidi.’
10 Meta niġu fdati b’xi responsabbiltà, nistgħu nibdew niġbdu attenzjoni żejda lejna nfusna billi nagħtu l-impressjoni illi kieku ma kienx għall-isforzi u l-abbiltajiet tagħna, il-kongregazzjoni ma kinitx tagħmel progress. Il-modestja se tgħinna nevitaw li nagħmlu dan. Per eżempju, jistaʼ jkun li aħna kapaċi ferm bħala għalliema. (Efesin 4:11, 12) Madankollu, jekk aħna modesti, irridu nirrikonoxxu li xi wħud mill-akbar lezzjonijiet li nitgħallmu fil-laqgħat tal-kongregazzjoni ma nisimgħuhomx minn fuq il-platform. Ma tħossokx inkuraġġit meta tara, per eżempju, aħwa li huma waħedhom fil-verità jattendu regolarment għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna bit-tfal dejjem magħhom? Jew xi ħadd dipress li jibqaʼ jattendi dejjem għal-laqgħat minkejja li jkun iħossu li m’hu tajjeb għalxejn? Jew xi żagħżugħ li jkompli jagħmel progress spiritwali minkejja l-influwenzi ħżiena mill-iskola jew minn xi mkien ieħor? (Salm 84:11 [84:10, NW]) Dawn l-individwi forsi ma tantx ikunu prominenti. Forsi lanqas ħadd ma jinduna kemm jiffaċċjaw provi taʼ l-integrità. Madankollu, huma għandhom mnejn ikunu ‘għonja fil-fidi’ daqs dawk li jingħataw iktar prominenza. (Ġakbu 2:5) Fl-aħħar mill-aħħar, huma dawk li juru l-lealtà li se jkollhom l-approvazzjoni taʼ Jehovah.—Mattew 10:22; 1 Korintin 4:2.
Gidgħon—“Iż-Żgħir” f’Dar Missieru
11. Gidgħon b’liema mod wera l-modestja meta tkellem maʼ l-anġlu t’Alla?
11 Gidgħon, żagħżugħ qalbieni mit-tribù taʼ Manassi, kien jgħix fi żmien taʼ taqlib kbir fl-istorja taʼ Iżrael. Il-Midjanin kienu ilhom sebaʼ snin jgħakksu lill-poplu t’Alla. Madankollu, kien wasal iż-żmien biex Jehovah jeħles lill-poplu tiegħu. Minħabba f’hekk, lil Gidgħon deherlu anġlu u qallu: “Il-Mulej miegħek, ja raġel qalbieni!” Gidgħon kien modest, u għalhekk ma qagħadx jintefaħ minħabba dak il-kumpliment li sarlu bla ma kien qed jistennieh. Minflok, b’rispett kbir qal lill-anġlu: “Imma għidli, Sidi, jekk il-Mulej magħna għaliex ġralna dan kollu?” L-anġlu ċċara l-affarijiet u qal lil Gidgħon: “Mur u eħles b’din il-qawwa tiegħek lil Iżrael mill-ħakma taʼ idejn Midjan.” Gidgħon kif wieġeb? Minflok ma ħataf l-opportunità u pprofitta ruħu minn dak l-inkarigu biex jagħmilha taʼ eroj taʼ pajjiżu, Gidgħon wieġeb: “[Skużani], ja Sidi, biex se neħles lil Iżrael? Ara, il-familja tiegħi hi l-inqas waħda fit-tribù taʼ Manassi, u jien iż-żgħir f’dar missieri.” Kemm kien modest!—Mħallfin 6:11-15.
12. Gidgħon kif wera l-għaqal f’li jwettaq l-inkarigu tiegħu?
12 Jehovah ttestja lil Gidgħon qabel ma Jehovah bagħtu għall-battalja. Kif? Billi kkmandah biex jeqred l-artal li missieru kien bena lil Bagħal u jqaċċat l-Asera, jew l-arblu sagru, li kien biswitu. Gidgħon kellu bżonn kuraġġ kbir biex iwettaq dan l-inkarigu, imma fl-istess ħin wera wkoll il-modestja u l-għaqal fil-mod kif wettqu. Minflok ma qagħad juri lil kulħadd x’kien se jagħmel, Gidgħon għamel kollox fis-satra tal-lejl, meta x’aktarx li ħadd ma kien se jarah. Barra minn hekk, Gidgħon evita li jieħu riskji żejda billi ħaseb bil-quddiem għal dak li setaʼ jiġri. Hu ħa miegħu għaxar qaddejja—forsi biex ftit minnhom setgħu joqogħdu għassa waqt li l-oħrajn għenuh ikisser l-artal u l-arblu sagru. b Kienet x’kienet ir-raġuni, bil-barka taʼ Jehovah, Gidgħon wettaq l-inkarigu tiegħu u iktar tard Alla wżah biex jeħles lil Iżrael mill-Midjanin.—Mħallfin 6:25-27.
Nuru l-Modestja u l-Għaqal
13, 14. (a) Kif nistgħu nuru l-modestja meta ningħataw xi privileġġ taʼ servizz? (b) Ħuna A. H. Macmillan kif kien t’eżempju tajjeb bil-mod kif wera l-modestja?
13 Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu mill-modestja li wera Gidgħon. Per eżempju, aħna kif naġixxu meta joffrulna xi privileġġ taʼ servizz? Naħsbu l-ewwelnett dwar kemm se nidhru, u kemm se jammirawna? Jew nikkunsidraw bil-modestja kollha u bit-talb jekk nistgħux inwettqu l-inkarigu li nkunu ngħatajna? Ħuna A. H. Macmillan, li miet fl-1966, kien verament t’eżempju f’dan ir-rigward. C. T. Russell, l-ewwel president tal-Watch Tower Society, darba staqsa lil Ħuna Macmillan għall-opinjoni tiegħu dwar min kien jaħseb li setaʼ jieħu ħsieb ix-xogħol minfloku meta ma jkunx hemm. Fid-diskussjoni taʼ bejniethom, Ħuna Macmillan lanqas darba biss ma ssuġġerixxa lilu nnifsu, għalkemm kien jaqbillu jagħmel hekk. Fl-aħħar, Ħuna Russell talab lil Ħuna Macmillan jikkunsidra jekk jaċċettax dan l-inkarigu. “Bqajt miblugħ,” kiteb Ħuna Macmillan xi ftit tas-snin wara. “Ħsibt bis-serjetà dwarha, u tlabt ħafna sakemm fl-aħħar għedtlu li kien il-pjaċir tiegħi li nagħmel dak kollu li nistaʼ biex ngħinu.”
14 Ftit wara, Ħuna Russell miet, u b’hekk il-kariga taʼ president tal-Watch Tower Society kienet battala. Ladarba Ħuna Macmillan kien ġie inkarigat biex jieħu ħsieb l-affarijiet minflok Ħuna Russell waqt il-mawra finali taʼ ppridkar tiegħu, wieħed mill-aħwa qallu: “Mac, għandek ċans kbir li tilħaq minfloku. Int kont ir-rappreżentant speċjali taʼ Ħuna Russell meta ma kienx ikun hawn, u kien javżana biex nagħmlu dak li tgħidilna int. Issa mar u mhux se jerġaʼ jiġi lura u milli jidher int l-aħjar wieħed biex tkompli fejn ħalla hu.” Ħuna Macmillan wieġeb: “Ħija, dawn l-affarijiet mhux hekk għandna nħarsu lejhom. Dan ix-xogħol hu tal-Mulej u l-unika pożizzjoni li jistaʼ jkollna fl-organizzazzjoni tal-Mulej hi dik li l-Mulej jogħġbu jagħtina; u jien ċert li m’għandix inkun jien li ningħata din il-kariga.” Imbagħad Ħuna Macmillan issuġġerixxa lil xi ħaddieħor għal din il-ħatra. Bħal Gidgħon, hu kien modest, u aħna nagħmlu tajjeb li nimitawh.
15. Liema huma xi modi kif nistgħu nużaw l-għaqal meta nxandru lil oħrajn?
15 Aħna wkoll għandna nuru l-modestja fil-mod kif inwettqu l-inkarigu tagħna. Gidgħon kien għaqli, u għamel ħiltu biex ma jġagħalx lill-avversarji tiegħu jirrabjaw għal kull ħaġa taʼ xejn. Aħna wkoll irridu nuru l-modestja u noqogħdu attenti meta nkellmu lil oħrajn waqt ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar. Huwa minnu li qed nieħdu sehem fi gwerra spiritwali biex inwaqqgħu xi “raġunar” u xi “affarijiet li jkunu daħlu fil-fond ħafna.” (2 Korintin 10:4, 5, NW) Però, m’għandniex inċekknu lin-nies jew ngħidu xi ħaġa li biha jkollhom għalfejn jieħdu għalihom meta jisimgħu l-messaġġ tagħna. Minflok, għandna nirrispettaw l-opinjoni tagħhom, nenfasizzaw l-affarijiet li huma jemmnu fihom ukoll, u mbagħad niffokaw fuq l-aspetti pożittivi tal-messaġġ tagħna.—Atti 22:1-3; 1 Korintin 9:22; Apokalissi 21:4.
Ġesù—L-Aqwa Eżempju taʼ Modestja
16. Ġesù kif wera li kien modest fil-mod kif kien iqis lilu nnifsu ?
16 L-aqwa eżempju taʼ modestja hu dak taʼ Ġesù Kristu. c Minkejja li Ġesù għandu relazzjoni intima maʼ Missieru, hu ma sabhiex bi tqila biex jammetti li kien hemm xi affarijiet li ma kellux awtorità jagħmilhom. (Ġwann 1:14) Per eżempju, meta omm Ġakbu u Ġwanni talbitu biex uliedha joqogħdu ħdejh fis-saltna tiegħu, Ġesù qalilha: “Li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa li nagħtiha jien.” (Mattew 20:20-23) F’okkażjoni oħra, Ġesù ammetta bil-miftuħ: “Jiena ma nistaʼ nagħmel xejn minn rajja . . . jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda taʼ min bagħatni.”—Ġwann 5:30; 14:28; Filippin 2:5, 6.
17. Ġesù kif kien juri l-modestja meta jittratta m’oħrajn?
17 Ġesù kien aħjar mill-bnedmin imperfetti f’kollox, u ħadd ma kellu awtorità daqs dik li tah Missieru, Jehovah. Minkejja dan kollu, Ġesù kien juri l-modestja meta kien jittratta mas-segwaċi tiegħu. Qatt ma kien jiffanfra u juri kemm jaf biex iġagħalhom iħossuhom ma jiswew għalxejn. Kien iħoss għalihom u jagħdirhom, u kien jagħti kas il-bżonnijiet tagħhom. (Mattew 15:32; 26:40, 41; Mark 6:31) B’hekk, għalkemm Ġesù kien perfett, hu ma kienx xi perfezzjonist. Qatt ma stenna żżejjed mid-dixxipli tiegħu, u qatt m’għabbiehom iktar milli kienu jifilħu. (Ġwann 16:12) Mhux taʼ b’xejn li n-nies kienu jħossu serħan meta jmorru għandu!—Mattew 11:29.
Imita l-Eżempju li Ħalla Ġesù f’li Juri l-Modestja
18, 19. Kif nistgħu nimitaw il-modestja li wera Ġesù (a) bil-mod kif aħna nqisu lilna nfusna, u (b) bil-mod li bih nittrattaw lil oħrajn?
18 Jekk l-aqwa bniedem li qatt għex wera l-modestja, kemm iktar għandna nuruha aħna! Bnedmin imperfetti ma jammettux kif ġieb u laħaq li huma m’għandhomx awtorità assoluta. Però, il-Kristjani jipprovaw jimitaw lil Ġesù u għalhekk jistinkaw biex ikunu modesti. Huma m’humiex kburin iżżejjed, u għalhekk ma jżommux lura milli jagħtu xi responsabbiltà lil dawk li jikkwalifikaw. Lanqas m’huma tant imkabbrin li ma jkunux lesti li jaċċettaw id-direzzjoni mingħand dawk li għandhom l-awtorità li jagħtuha. Minflok, juru li huma lesti li jikkooperaw, u b’hekk iħallu l-affarijiet fil-kongregazzjoni jsiru “kif imur u bl-ordni.”—1 Korintin 14:40.
19 Il-modestja se tqanqalna wkoll biex inkunu raġunevoli f’dak li nistennew minn ħaddieħor kif ukoll biex inqisu l-bżonnijiet tagħhom. (Filippin 4:5, NW) Forsi jkollna abbiltajiet u kwalitajiet tajbin li oħrajn m’għandhomx. Iżda, jekk aħna modesti, mhux dejjem se nistennew li ħaddieħor jaġixxi bħalma nixtiquh aħna. M’aħniex se noqogħdu għassa għal kull nuqqas li jagħmel ħaddieħor, iżda bil-modestja kollha nżommu f’moħħna li mhux kulħadd għandu l-istess abbiltajiet. Pietru kiteb: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”—1 Pietru 4:8.
20. X’għandna nagħmlu biex negħlbu kwalunkwe tendenza li nuru nuqqas taʼ modestja?
20 Bħalma tgħallimna, l-għerf verament qiegħed maʼ dawk li huma modesti. Iżda, xi ngħidu jekk issib li għandek tendenza li turi nuqqas taʼ modestja jew li tkun prużuntuż? Taqtax qalbek. Minflok, imxi fuq l-eżempju taʼ David, li talab: “Minn atti prużuntużi żomm lura lill-qaddej tiegħek; tħallihomx jiddominawni.” (Salm 19:13, NW) Jekk nimitaw il-fidi taʼ rġiel bħal Pawlu, Gidgħon, u b’mod speċjali dak taʼ Ġesù Kristu, se nduqu aħna stess kemm hu veru l-kliem: “L-għerf qiegħed mal-modesti.”—Proverbji 11:2, NW.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma Griega tradotta “qaddejja” tistaʼ tirreferi għal xi lsir li kien jaqdef fil-filliera t’isfel fuq xi xini kbir. B’kuntrast, l-“amministraturi” kienu fdati b’iktar responsabbiltajiet, forsi kienu jieħdu ħsieb xi propjetà. Minkejja dan, il-biċċa l-kbira tas-sidien ma kinux jagħmlu differenza bejn l-amministraturi u l-ilsiera li kienu jaqdfu fuq ix-xwieni, għax għalihom it-tnejn kienu lsiera.
b Ħadd m’għandu jaħseb li l-fatt li Gidgħon aġixxa b’għaqal u prudenza jfisser li hu kien beżżiegħ. Għall-kuntrarju, il-kuraġġ li wera jikkonfermah Lhud 11:32-38 (Saydon), fejn insibu lil Gidgħon inkluż fost dawk li “ssaħħu” u dawk li “saru qawwija fil-gwerer.”
c Ladarba l-modestja tinkludi li wieħed ikun konxju tal-limitazzjonijiet tiegħu, ma jistaʼ qatt jingħad li Jehovah hu modest. Madankollu, Jehovah huwa umli.—Salm 18:35, NW.
X’Tiftakar?
• X’inhi l-modestja?
• Kif nistgħu nimitaw il-modestja li kien juri Pawlu?
• X’nistgħu nitgħallmu dwar il-modestja mill-eżempju taʼ Gidgħon?
• Ġesù kif ħallielna l-aqwa eżempju taʼ kif wieħed juri l-modestja?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 15]
Il-fatt li Pawlu kien juri l-modestja wassal biex hu sar maħbub ferm fost sħabu l-Kristjani
[Stampa f’paġna 17]
Gidgħon wera l-għaqal f’li jwettaq ir-rieda t’Alla
[Stampa f’paġna 18]
Ġesù, l-Iben t’Alla, juri l-modestja f’kulma jagħmel