Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Minn Xogħol fl-Armamenti għal Xogħol li Jsalva l-Ħajjiet

Minn Xogħol fl-Armamenti għal Xogħol li Jsalva l-Ħajjiet

Bijografija

Minn Xogħol fl-​Armamenti għal Xogħol li Jsalva l-​Ħajjiet

KIF RAKKONTATA MINN ISIDOROS ISMAILIDIS

Kont għarkobbtejja bid-​dmugħ nieżel maʼ wiċċi. “O Missier, il-​kuxjenza tiegħi tgħidli li ma nistax inkompli naħdem maʼ din il-​kumpanija li tagħmel l-​armamenti,” tlabt lil Alla. “Stinkajt ħafna biex insib xogħol ieħor, imma ma rnexxilix. Għada se nirriżenja. Jekk jogħġbok, Jehovah, tħallix lill-​erbaʼ wliedna jmutu bil-​ġuħ.” Kif spiċċajt f’din is-​sitwazzjoni?

IL-​ĦAJJA kienet trankwilla u sempliċi ġewwa Drama, il-​belt fit-​tramuntana tal-​Greċja fejn twelidt fl-​1932. Missieri kien joqgħod ikellimni dwar x’riedni nagħmel. Kien jinkuraġġini mmur l-​Amerika biex nistudja. Wara li fit-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​Greċja spiċċat ħerba sħiħa u nsteraq ħafna ġid, motto popolari fost il-​Griegi kien: “Ġidna tistgħu tisirquhulna, imma ma tistgħu qatt tisirqulna dak li hemm f’moħħna.” Kont determinat li nistudja biex ikolli edukazzjoni avanzata u nikseb xi ħaġa li ħadd qatt ma jkun jistaʼ jisraqhieli.

Taʼ età żgħira, ngħaqadt maʼ diversi għaqdiet taż-​żgħażagħ organizzati mill-​Knisja Ortodossa Griega. Hemmhekk kienu jwissuna biex nevitaw is-​setet perikolużi. Jien niftakarhom isemmu grupp wieħed b’mod partikulari, ix-​Xhieda taʼ Jehovah, peress li kien jingħad li dawn jirrappreżentaw lill-​antikrist.

Wara li ggradwajt minn skola teknika f’Ateni fl-​1953, ivvjaġġajt lejn il-​Ġermanja biex nara nistax insib xogħol u fl-​istess ħin nibqaʼ nistudja. Imma ma rnexxilix, u għalhekk mort f’pajjiżi oħrajn. Wara ftit ġimgħat, sibt ruħi lampa stampa f’port fil-​Belġju. Niftakarni nidħol ġo knisja, inpoġġi bil-​qegħda, u ninfexx f’bikja kbira tant li fl-​art quddiemi kien hemm il-​qtar tad-​dmugħ. Tlabt lil Alla li jekk jgħinni mmur l-​Amerika, ma kontx se nipprova nakkwista l-​affarijiet materjali imma nieħu kors taʼ studju u nistinka biex inkun Kristjan tajjeb u ċittadin eżemplari. Fl-​aħħar, fl-​1957 irnexxieli mmur.

Ħajja Ġdida fl-​Istati Uniti

Il-​ħajja fl-​Istati Uniti kienet waħda diffiċli għal immigrant li ma kienx jaf il-​lingwa u li ma kellux flus. Kelli żewġ impjiegi bil-​lejl u kont nagħmel sforz kbir biex immur l-​iskola matul il-​ġurnata. Attendejt diversi kulleġġi u rnexxieli nieħu l-​lawrja. Imbagħad, studjajt fl-​Università taʼ Kalifornja ġewwa Los Angeles u ggradwajt fil-​fiżika applikata. Kien minħabba l-​kliem taʼ missieri biex inkompli nistudja li pperseverajt matul dawk is-​snin diffiċli.

Sadanittant, iltqajt maʼ tfajla Griega gustuża jisimha Ekaterini, u fl-​1964 iżżewwiġna. Tliet snin wara twieled l-​ewwel iben tagħna, u f’inqas minn erbaʼ snin, kellna żewġ subien oħra u tifla. Kienet verament sfida kbira li ngħajjex familja u fl-​istess ħin inkompli bl-​istudji tiegħi fl-​università.

Kont naħdem mal-​Forza taʼ l-​Ajru taʼ l-​Istati Uniti f’kumpanija tal-​missili u l-​ispazju ġewwa Sunnyvale, il-​Kalifornja. Kont involut f’diversi proġetti ajrunawtiċi u spazjali, inkluż il-​programmi Agena u Apollo. Saħansitra rċivejt xi midalji għall-​kontribut tiegħi fil-​missjonijiet Apollo 8 u Apollo 11. Wara dan, komplejt nistudja u sirt involut sew f’diversi proġetti militari spazjali. Meta wasalt s’hawn, kont naħseb li ma kien jonqosni xejn iżjed f’ħajti—kelli mara gustuża, erbat itfal meraviljużi, xogħol prestiġjuż, u dar sabiħa.

Sieħeb Persistenti

Kmieni fl-​1967, fuq ix-​xogħol, iltqajt maʼ Jim, raġel tassew umli u qalbu tajba. Jim dejjem kien ikollu tbissima fuq wiċċu, u qatt ma rrifjuta li jieħu l-​brejk tal-​kafè miegħi. Hu kien juża dawn l-​opportunitajiet biex jaqsam miegħi informazzjoni mill-​Bibbja. Jim qalli li hu kien qed jistudja max-​Xhieda taʼ Jehovah.

Jien bqajt ixxokkjat meta smajt li Jim kien involva ruħu maʼ dan il-​grupp reliġjuż. Kif jistaʼ jkun li persuna daqshekk mill-​aħjar tiġi mqarrqa mis-​setta taʼ l-​antikrist? Madankollu, ma stajtx nirrifjuta l-​interess persunali li Jim kellu fija u l-​qalb tajba li kien juri miegħi. Donnu li kuljum kien ikollu xi ħaġa differenti x’jaqrali. Per eżempju, darba waħda ġie fl-​uffiċċju tiegħi u qalli: “Isidoros, dan l-​artiklu f’It-Torri taʼ l-​Għassa jitkellem dwar kif issaħħaħ il-​ħajja tal-​familja. Ħudu d-​dar, u aqrah maʼ martek.” Jien għedtlu li se naqrah, imma iktar tard, meta kont waħdi, ir-​rivista għamiltha rmied.

Għal tliet snin sħaħ, kull ktieb u rivista li kien jagħtini Jim kont neqridhom. Minħabba li kelli preġudizzju kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah, imma fl-​istess ħin kont nipprova nżomm lil Jim bħala l-​ħabib tiegħi, kont naħseb li aħjar noqgħod nismaʼ dak li kellu x’jgħidli u mbagħad inħassru mill-​ewwel minn moħħi.

Madankollu, minn dawk id-​diskussjonijiet stajt nara li l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​affarijiet li kont nemmen u nipprattika ma kinux ibbażati fuq il-​Bibbja. Irrealizzajt li t-​tagħlim tat-​Trinità, in-​nar taʼ l-​infern, u l-​immortalità tar-​ruħ ma kinux Skritturali. (Koħèlet 9:10; Eżekjel 18:4, KŻ; Ġwann 20:17) Taʼ Ortodoss Grieg kburi li kont, ma ridtx nammetti bil-​miftuħ li Jim kellu raġun. Imma ladarba hu kien dejjem juża l-​Bibbja u qatt ma kien jagħti l-​opinjoni persunali tiegħu, fl-​aħħar aċċettajt li dan ir-​raġel kellu messaġġ importanti mill-​Bibbja għalija.

Marti ndunat li kienet għaddejja xi ħaġa min taħt, u staqsietni jekk kontx tkellimt mal-​ħabib tiegħi li kien qed jassoċja max-​Xhieda. Meta għedtilha iva, qaltli: “Immorru fi kwalunkwe knisja minbarra f’dik tax-​Xhieda taʼ Jehovah.” Madankollu, f’qasir żmien, jien u marti, flimkien maʼ wliedna, bdejna nattendu regolarment il-​laqgħat tax-​Xhieda.

Deċiżjoni Diffiċli

Jien u nistudja l-​Bibbja, iltqajt mal-​kliem tal-​profeta Isaija: “Huma jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-​xabla kontra ġens ieħor, u s-​sengħa tal-​gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.” (Isaija 2:4) Staqsejt lili nnifsi, ‘Kif jistaʼ jkun li qaddej taʼ dak Alla li jħobb il-​paċi jaħdem fid-​disinjar u l-​produzzjoni t’armamenti qerrieda?’ (Salm 46:10 [46:9, NW]) Ma domtx wisq ma kkonkludejt li kien se jkolli nibdel l-​impjieg tiegħi.

Wieħed jistaʼ jifhem kemm din kienet sfida kbira għalija. Kelli xogħol prestiġjuż. Biex wasalt s’hawn, swieli snin sħaħ taʼ xogħol iebes, studju, u sagrifiċċji. Kien irnexxieli nilħaq kariga għolja fl-​impjieg tiegħi, u issa kont ninsab iffaċċjat bil-​probabbiltà li nieqaf mill-​karriera tiegħi. Madankollu, fl-​aħħar din l-​isfida għelibtha permezz taʼ l-​imħabba profonda tiegħi għal Jehovah u x-​xewqa kbira li nagħmel ir-​rieda tiegħu.—Mattew 7:21.

Iddeċidejt li nfittex xogħol maʼ kumpanija f’Seattle, Washington. Madankollu, b’diżappunt kbir ma domtx wisq ma ndunajt li hawnhekk kont ferm iktar involut f’xogħol li ma kienx fi qbil maʼ Isaija 2:4. L-​isforzi tiegħi biex naħdem biss fuq proġetti oħrajn ma rnexxewx, u għal darb’oħra l-​kuxjenza tiegħi bdiet tniggiżni. Kien jidher ċar li ma stajtx inżomm ix-​xogħol li kelli u fl-​istess ħin ikolli kuxjenza nadifa.—1 Pietru 3:21.

Sar ovvju li kien se jkollna nagħmlu bidliet importanti. F’inqas minn sitt xhur, biddilna l-​istil taʼ ħajjitna u naqqasna l-​ispejjeż tal-​familja bin-​nofs. Imbagħad, begħna d-​dar lussuża tagħna u xtrajna waħda żgħira f’Denver, fil-​Colorado. Issa kont lest biex inwettaq l-​aħħar deċiżjoni—li nitlaq mix-​xogħol. Ktibt l-​ittra tar-​riżenja, u fiha spjegajt ir-​raġunijiet morali għala kont ħadt din il-​waqfa. Dik il-​lejla, wara li t-​tfal marru jorqdu, inżilt għarkobbtejja flimkien maʼ marti u tlabna lil Jehovah, bħalma semmejt fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu.

F’inqas minn xahar, morna noqogħdu Denver, u ġimagħtejn wara, f’Lulju taʼ l-​1975, jien u marti tgħammidna. Domt sitt xhur bla xogħol, u bil-​mod il-​mod konna qed naħlu l-​flus kollha li kellna mfaddlin. Wara sitt xhur, il-​bilanċ tal-​kont tagħna fil-​bank kien inqas mill-​pagament li konna nħallsu kull xahar għad-​dar. Kont lest li nagħmel kwalunkwe xogħol li jiġi għal idejja, imma malajr sibt xogħol li kellu x’jaqsam maʼ l-​inġinerija. Il-​paga kienet biss madwar nofs dik li kelli qabel; iżda xorta waħda kienet ferm iktar minn kemm kont tlabt lil Jehovah. Kemm ħassejtni ferħan li poġġejt l-​interessi spiritwali l-​ewwel!—Mattew 6:33.

Innaqqxu l-​Imħabba Lejn Jehovah f’Qalb Uliedna

Sadanittant, jien u Ekaterini konna qed nagħmlu ħilitna biex irrabbu lill-​erbaʼ wliedna fi qbil mal-​prinċipji t’Alla. Din kienet biċċa xogħol taʼ sfida. Iżda aħna kellna l-​ferħ li naraw lill-​erbaʼ wliedna kollha jsiru Kristjani maturi, bl-​għajnuna taʼ Jehovah, billi ddedikaw ħajjithom bis-​sħiħ għax-​xogħol importanti taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. It-​tlett itfal subien tagħna, Christos, Lakes, u Gregory, kollha ggradwaw mill-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali u issa qed jaqdu f’diversi inkarigi, iżuru u jsaħħu l-​kongregazzjonijiet. Toula, bintna, taħdem bħala volontiera fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi New York. Qlubna tqanqlu meta rajniehom kollha jissagrifikaw kemm karrieri promettenti kif ukoll impjiegi li jrendu ħafna qligħ sabiex jaqdu lil Jehovah.

Ħafna jistaqsu x’inhu s-​sigriet biex trabbi t-​tfal u jkollok daqshekk suċċess. M’għandniex xi ngħidu, m’hemm l-​ebda riċetta taʼ kif għandek trabbi t-​tfal, imma aħna ħabrikna kemm stajna biex nipprovaw innaqqxu l-​imħabba lejn Jehovah u lejn ġarna fi qlubhom. (Dewteronomju 6:6, 7; Mattew 22:37-39) It-​tfal tgħallmu li ma nistgħux ngħidu lil Jehovah li nħobbuh jekk ma nurux dan bl-​għemejjel tagħna.

Darba f’ġimgħa, normalment is-​Sibt, konna nipparteċipaw fil-​ministeru bħala familja. Konna nagħmlu studju tal-​Bibbja bħala familja regolarment kull nhar taʼ Tnejn fil-​għaxija wara l-​ikel, u konna nagħmlu wkoll studju tal-​Bibbja maʼ kull wieħed mit-​tfal. Meta kienu iżgħar, konna nistudjaw maʼ kull wieħed minnhom għal ftit ħin diversi drabi fil-​ġimgħa, u meta bdew jikbru, konna nagħmlu studji itwal darba fil-​ġimgħa. Matul dawk l-​istudji, uliedna kienu jiftħu qalbhom magħna u jiddiskutu l-​problemi tagħhom bil-​miftuħ.

Konna ngawdu wkoll rikreazzjoni li tibni bħala familja. It-​tfal tgħidx kemm kienu jieħdu gost idoqqu d-​diska favorita tagħhom meta konna ndoqqu xi strumenti mużikali flimkien. Xi drabi, fi tmiem il-​ġimgħa, konna nistiednu familji oħrajn biex nassoċjaw ftit flimkien u nibnu lil xulxin spiritwalment. Ġieli vvjaġġajna bħala familja. Fi vjaġġ minnhom, qattajna ġimagħtejn nesploraw il-​muntanji taʼ Colorado u naħdmu fil-​ministeru taʼ l-​għalqa mal-​kongregazzjonijiet lokali. Uliedna jiftakru b’għożża dawk id-​drabi meta kienu jaħdmu fil-​konvenzjonijiet distrettwali f’diversi dipartimenti u jgħinu fil-​bini tas-​Swali tas-​Saltna f’postijiet differenti. Meta ħadna lil uliedna l-​Greċja biex jaraw lill-​qrabathom, huma setgħu jiltaqgħu wkoll maʼ ħafna Xhieda leali li kienu ntbagħtu l-​ħabs minħabba l-​fidi tagħhom. Dan impressjonahom ferm u għenhom ikunu determinati li jibqgħu sodi u kuraġġużi għall-​verità.

M’għandniex xi ngħidu, kien hemm drabi meta xi wħud minn uliedna ma ġabux ruħhom sew jew għamlu għażliet ħżiena rigward dawk li jagħmluha magħhom. Drabi oħrajn, aħna ħloqnielhom xi problemi forsi billi konna stretti żżejjed f’ċerti affarijiet. Imma billi dorna lejn il-​Bibbja, li tgħinna biex insiru nafu l-​ħsibijiet taʼ Jehovah, stajna nirranġaw l-​affarijiet bejnietna.—Efesin 6:4; 2 Timotju 3:16, 17.

L-​Isbaħ Żmien taʼ Ħajti

Wara li wliedna bdew jaqdu fil-​ministeru full-time, jien u Ekaterini bdejna naħsbu serjament dwar x’nistgħu nagħmlu sabiex inkabbru s-​sehem tagħna f’dan ix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet. B’hekk, fl-​1994, wara li rtirajt mix-​xogħol qabel iż-​żmien, it-​tnejn li aħna bdejna naqdu bħala pijunieri regulari. Il-​ministeru tagħna jinkludi li nżuru l-​kulleġġi u l-​universitajiet lokali, fejn nagħtu xiehda lill-​istudenti u nikkonduċu studji tal-​Bibbja maʼ wħud minnhom. Minħabba li nistaʼ nifhem id-​diffikultajiet tagħhom—peress li m’ilux wisq li għaddejt minnhom jien stess—kelli ħafna suċċess f’li ngħinhom jitgħallmu dwar Jehovah. Kemm kienet esperjenza taʼ ferħ għalija li studjajt maʼ studenti mill-​Bolivja, il-​Brażil, iċ-​Ċili, iċ-​Ċina, l-​Eġittu, l-​Etjopja, il-​Messiku, it-​Tajlandja, u t-​Turkija! Nieħu pjaċir ukoll nagħti xiehda bit-​telefon, speċjalment lil nies li jitkellmu l-​lingwa tiegħi.

Għalkemm jien limitat minħabba l-​aċċent Grieg qawwi li għandi, kif ukoll minħabba l-​età avanzata, dejjem ipprovajt inkun disponibbli u jkolli l-​ispirtu taʼ Isaija, li pproklama: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 6:8) Aħna kellna l-​ferħ li ngħinu lil diversi individwi jiddedikaw ħajjithom lil Jehovah. Dan żgur li kien l-​isbaħ żmien għalina.

Xi darba, l-​attività ewlenija f’ħajti kienet li nagħmel armamenti mostrużi biex jinqatlu l-​bnedmin sħabi. Madankollu, Jehovah, permezz tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu, fetaħ it-​triq għalija u għall-​familja tiegħi biex insiru qaddejja dedikati tiegħu u nużaw ħajjitna biex inwasslu lin-​nies l-​aħbar tajba dwar ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. Meta nirrifletti fuq id-​deċiżjonijiet diffiċli li kelli nieħu, jiġini f’moħħi l-​kliem taʼ Malakija 3:10: “‘B’hekk ejjew ġarrbuni,’ jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti; ‘taraw jekk niftaħx għalikom it-​twieqi tas-​sema, u jekk insawwabx fuqkom barka bl-​abbundanza.’” B’ferħ għalina, hu għamel preċiż hekk!

[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]

Christos: Jien tassew apprezzajt il-​lealtà li l-​ġenituri tiegħi wrew b’ruħhom kollha lejn Jehovah u l-​fatt li ħadu r-​responsabbiltà tagħhom bħala ġenituri verament bis-​serjetà. Bħala familja, konna nagħmlu kollox flimkien—mis-​servizz tagħna sal-​vaganzi li konna nieħdu. Għalkemm setgħu jinvolvu ruħhom f’tant affarijiet oħra, il-​ġenituri tiegħi żammew ħajjithom sempliċi u ffokata fuq il-​ministeru. Illum, naf li nkun tassew ferħan meta nintefaʼ b’ruħi u b’ġismi fis-​servizz taʼ Jehovah.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]

Lakes: Missieri kien jobgħodha l-​ipokresija. Hu kien jipprova kemm jistaʼ biex ma jkunx ipokrita, speċjalment f’li jħalli eżempju tajjeb għall-​familja tiegħu. Taʼ spiss kien jgħidilna: “Li tiddedikaw ħajjitkom lil Jehovah għandu sinjifikat. Tridu tkunu lesti li tagħmlu sagrifiċċji għal Jehovah. Dan ifisser li tkun Kristjan.” Dan il-​kliem baqaʼ f’moħħi u għenni nsegwi l-​eżempju tiegħu f’li nagħmel sagrifiċċji għal Jehovah.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 28]

Gregory: Iktar mill-​kliem inkuraġġanti tal-​ġenituri tiegħi biex inkabbar il-​ministeru tiegħi, kienu l-​eżempju tagħhom u l-​evidenza tal-​ferħ li kellhom fis-​servizz taʼ Jehovah li ġagħluni niżen mill-​ġdid iċ-​ċirkustanzi tiegħi, inwarrab kwalunkwe tħassib u ansjetajiet biex nibda s-​servizz full-time, u nikkonċentra iktar fuq ix-​xogħol taʼ Jehovah. Inħossni ferm grat lejn il-​ġenituri tiegħi talli għenuni nsib il-​ferħ li jiġi meta nagħmel dak kollu li nistaʼ.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 28]

Toula: Il-​ġenituri tiegħi dejjem enfasizzaw li r-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah hija l-​iktar ħaġa prezzjuża li qatt jistaʼ jkollna u li l-​uniku mod kif nistgħu nkunu tassew ferħanin hu li nagħtu lil Jehovah l-​aħjar li nistgħu. Huma għamlu lil Jehovah tassew reali għalina. Missieri taʼ spiss kien jgħidilna li l-​fatt li fil-​għaxija tkun tistaʼ tmur torqod b’kuxjenza nadifa jġagħlek tħoss xi ħaġa li ma tistax tiddeskriviha, għax tkun taf li pprovajt tagħmel l-​aħjar li stajt biex tferraħ lil Jehovah.

[Stampa f’paġna 25]

Meta kont suldat fil-​Greċja, fl-​1951

[Stampa f’paġna 25]

Maʼ Ekaterini fl-​1966

[Stampa f’paġna 26]

Il-​familja tiegħi fl-​1996: (mix-xellug għal-​lemin, fuq wara) Gregory, Christos, Toula; (quddiem) Lakes, Ekaterini, u jien