Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Prezzjużi f’Għajnejn Jehovah Huma Dawk li Jħobbuh

Prezzjużi f’Għajnejn Jehovah Huma Dawk li Jħobbuh

Proklamaturi tas-​Saltna Jirrapportaw

Prezzjużi f’Għajnejn Jehovah Huma Dawk li Jħobbuh

SA MINN żminijiet Bibliċi l-​Libanu ilu magħruf għar-​riżorsi naturali tiegħu. (Salm 72:16; Isaija 60:13) L-​iktar ħaġa prezzjuża fih kienu s-​siġar taċ-​ċedru twal ferm, tant imfittxijin għall-​bini għax huma sbieħ, għandhom riħa tfuħ, u l-​injam tagħhom hu b’saħħtu u reżistenti ħafna. Fl-​ewwel seklu, mil-​Libanu ħarġet xi ħaġa bil-​wisq iktar prezzjuża. L-​Evanġelju taʼ Mark jgħid li minn Tir u Sidon, li kienu parti mit-​territorju l-​antik tal-​Libanu, “kotra kbira taʼ nies, li semgħu b’kull ma kien għamel [Ġesù], marru ħdejh.”—Mark 3:8.

L-istess illum, il-​Libanu jkompli jagħti l-​frott li tant hu prezzjuż f’għajnejn Jehovah. Dawn l-​esperjenzi li ġejjin se juru dan.

• Xhud żagħżugħ jismu Wissam ġie mitlub biex jagħti taħdita taʼ 30 minuta lil dawk fil-​klassi tiegħu taʼ l-​iskola. Wissam iddeċieda li din kienet se tkun opportunità mill-​aqwa biex jagħtihom xiehda. Għalhekk uża l-​ktieb Life​—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? u pprepara taħdita dwar is-​suġġett tal-​ħolqien. Madankollu, malli l-​għalliem tiegħu ra li s-​suġġett li għażel Wissam kien daqshekk importanti, qallu li t-​taħdita tiegħu setaʼ jtawwalha għal 45 minuta.

Hekk kif Wissam beda jitkellem, l-​għalliem waqqfu u bagħat għall-​kap taʼ l-​iskola. Din malajr waslet, u Wissam kellu jerġaʼ jibda mill-​bidu. Hekk kif bdiet tismaʼ l-​mistoqsijiet li staqsa fl-​introduzzjoni tat-​taħdita tiegħu, tant ħassitha mqanqla li qalet li l-​istudenti kollha għandhom jingħataw kopja taʼ din it-​taħdita.

Ftit wara, għalliem ieħor li kien għaddej innota li f’dik il-​klassi kien hemm eċċitament kbir, u waqaf jistaqsi x’kien qed jiġri. Meta qalulu, dan staqsa lil Wissam jekk kienx qed jiddefendi l-​ħolqien jew inkella l-​evoluzzjoni. “Il-​ħolqien,” wieġbu Wissam. Malli dan l-​għalliem sar jaf li Wissam kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, lill-​istudenti tal-​klassi qalilhom: “Se taraw mit-​taħdita tiegħu kif ix-​xjenza tappoġġa l-​ħolqien u mhux l-​evoluzzjoni.”

Inzerta li dan l-​għalliem kellu kopja tal-​ktieb Creation u kien jużah biex jagħti l-​lezzjonijiet fl-​università! Qabel ma telaq, staqsa jekk l-​għada setax jerġaʼ jmur maʼ l-​istudenti tiegħu ħalli Wissam ikun jistaʼ jkellem lilhom ukoll. Dan wassal għal xiehda eċċellenti oħra dwar Jehovah.

• Taʼ tnejn u għoxrin sena, Nina kienet tixxennaq għall-​ilmijiet tal-​verità. Darba, kuġinuha ġabilha Bibbja u kellimha dwar il-​Knisja Pentekostali. Nina tgħidx kemm ħadet gost taqra l-​Bibbja. Meta, minn dak li qrat skopriet li l-​Kristjani suppost jippridkaw, bdiet titkellem maʼ qrabatha u maʼ sħabha. Kulmin kellmet kien jistaqsiha: “Jaqaw int waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah?” Ma setgħetx tifhem għaliex.

Sitt snin wara, ix-​Xhieda taʼ Jehovah marru jħabbtu l-​bieb taʼ Nina u qalulha dwar is-​Saltna t’Alla. Għall-​ewwel ipprovat tħaqqaqha magħhom dwar it-​tagħlim tagħhom. Madankollu, indunat li t-​tweġibiet tagħhom kienu jagħmlu sens u kienu bbażati fuq il-​Bibbja.

Maż-żmien dak li Nina tgħallmet—l-​isem t’Alla, Jehovah; il-​barkiet tas-​Saltna; u ħafna affarijiet oħra—ikkonvinċieha li kienet sabet il-​verità. Iddedikat ħajjitha lil Alla u tgħammdet. Nina ilha taqdi bħala evanġelizzatriċi full-time għal dawn l-​aħħar sebaʼ snin. Verament li Jehovah jbierek lil dawk li jħobbuh bis-​sinċerità kollha.—1 Korintin 2:9.