Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Int Kristjan Matur?

Int Kristjan Matur?

“META kont tarbija, kont nitkellem taʼ tarbija, nħoss taʼ tarbija, naħseb taʼ tarbija.” Hekk kiteb l-​appostlu Pawlu. Tassew, xi darba lkoll kemm aħna konna trabi li ridna min jieħu ħsiebna. Madankollu, ma bqajniex hekk għal dejjem. Pawlu osserva: “Meta sirt raġel warrabt dak li hu taʼ tarbija.”—1 Korintin 13:11.

Bl-istess mod, kull Kristjan jibda bħala tarbija spiritwali. Imma maż-​żmien, ilkoll kemm aħna nistgħu “naslu biex insiru ħaġa waħda fil-​fidi u fl-​għarfien taʼ l-​Iben taʼ Alla; nsiru raġel magħmul, fl-​aħjar taʼ żmienu [jew, matur]. U hekk isseħħ il-​milja taʼ Kristu.” (Efesin 4:13) L-​1 Korintin 14:20 iħeġġiġna: “Ħuti, tkunux bħat-​tfal fi ħsiebkom. . . , imma kunu rġiel magħmula fi ħsibijietkom.”

Illum, hija barka għan-​nies t’Alla li jkollhom fosthom Kristjani maturi, speċjalment minħabba l-​ħafna wħud ġodda. Il-​Kristjani maturi jgħinu lill-​kongregazzjoni tkun iktar soda. Fi kwalunkwe kongregazzjoni li jattendu, huma jħallu effett pożittiv fuq id-​dispożizzjoni, jew l-​attitudni ġenerali, tal-​kongregazzjoni.

Waqt li l-​iżvilupp fiżiku jseħħ xi ftit jew wisq waħdu, l-​iżvilupp spiritwali jseħħ biss maż-​żmien u bi sforz. Għalhekk, m’hijiex xi ħaġa kbira li, fi żmien Pawlu, xi Kristjani naqsu li ‘jimxu ’l quddiem lejn il-​maturità.’ U dan minkejja li kienu ilhom jaqdu lil Alla għal ħafna snin. (Lhud 5:12; 6:1) Xi ngħidu għalik? Kemm ikun xieraq li tagħmel eżami sinċier tiegħek innifsek, ilek kemm ilek taqdi lil Alla! (2 Korintin 13:5) Tara lilek innifsek fost dawk li verament nistgħu nsejħulhom Kristjani maturi? Jekk le, kif tistaʼ ssir wieħed minnhom?

“Kunu Rġiel Magħmula fi Ħsibijietkom”

Huwa faċli ħafna li tarbija spiritwali ‘tiġi mitfugħa ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ taʼ tagħlim bil-​qerq tal-​bnedmin u bl-​ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-​iżball.’ B’hekk, Pawlu ħeġġeġ biex, “waqt li nagħmlu s-​sewwa fl-​imħabba nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-​Ras, Kristu.” (Efesin 4:​14, 15) Kif jistaʼ wieħed jagħmel dan? Lhud 5:14 jgħid: “L-​ikel sħiħ hu tal-​kbar, taʼ dawk li biż-​żmien . . . [“għandhom is-​sens imħarreġ biex,” Saydon] jagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin.”

Innota li n-​nies maturi għandhom is-​sens tagħhom imħarreġ biż-​żmien, jew bl-​esperjenza f’li japplikaw il-​prinċipji Bibliċi. Mela, huwa ovvju li wieħed ma jsirx matur mil-​lum għal għada. Jeħtieġ iż-​żmien biex jikber spiritwalment. Madankollu, l-​istudju persunali jistaʼ jagħmilhielek ferm eħfef biex tikber spiritwalment. Dan l-​istudju jistaʼ jgħinek biex tifhem dawk l-​affarijiet fil-​Kelma t’Alla li huma kemxejn tqal u iktar profondi. Dan l-​aħħar It-​Torri taʼ l-​Għassa ddiskuta ħafna suġġetti fil-​fond. Uħud maturi m’humiex se jaqtgħu qalbhom b’dawn l-​artikli għax “fihom ħwejjeġ tqal biex wieħed jifhimhom.” (2 Pietru 3:16) Anzi, huma jkunu ħerqanin għal ikel solidu bħal dan!

Xandâra u Għalliema Żelużi

Ġesù ta din id-​direzzjoni lid-​dixxipli tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:​19, 20) Il-​fatt li tieħu sehem b’mod żeluż fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar jistaʼ wkoll jagħtik spinta ’l quddiem biex tikber spiritwalment. Għala ma tistinkax biex tipparteċipa skond kemm jippermettulek iċ-​ċirkustanzi tiegħek?—Mattew 13:23.

Xi kultant, ikun diffiċli li ssib il-​ħin għall-​ippridkar minħabba l-pressjonijiet tal-ħajja. Madankollu, billi ‘titħabat’ fix-xogħol taʼ l-​ippridkar tkun qed turi kemm tagħtiha importanza l-​aħbar it-​tajba. (Luqa 13:24; Rumani 1:16) B’hekk, int tkun tistaʼ titqies bħala “eżempju għal dawk li jemmnu.”—1 Timotju 4:12.

Inżommu l-​Integrità

Biex timmatura għandek bżonn ukoll li tagħmel sforz biex iżżomm l-​integrità tiegħek. Skond ma hu mniżżel f’Salm 26:​1, David iddikjara: “Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej! Bla ħtija l-​imġiba tiegħi.” L-​integrità tfisser li jkollok morali sodi, sħaħ. Madankollu, ma tfissirx perfezzjoni. David innifsu għamel ħafna dnubiet serji. Imma billi aċċetta d-​dixxiplina u rranġa triqtu, wera li f’qalbu kien għad kellu mħabba ġenwina lejn Alla Jehovah. (Salm 26:​2, 3, 6, 8, 11) L-​integrità tinvolvi devozzjoni sħiħa, jew kompleta, tal-​qalb. David qal lil ibnu Salamun: “Agħraf ’l Alla taʼ missierek u aqdih b’qalbek sħiħa.”—1 Kronaki 28:9.

Li nżommu l-​integrità jfisser li ma ‘nkunux tad-​dinja,’ billi ma nindaħlux fil-​politika tal-​ġnus u l-​gwerer tagħhom. (Ġwann 17:16) Irridu wkoll nevitaw prattiċi li jistgħu jħassruna, bħall-​fornikazzjoni, l-​adulterju, u l-​abbuż tad-​drogi. (Galatin 5:​19-21) Però, li żżomm l-​integrità jinvolvi iktar milli sempliċement tevita dawn l-affarijiet. Salamun wissa: “Bħalma d-​dubbien mejjet initten il-​fwieħa fil-​vażett, hekk il-​fama kbira taʼ l-​għaref tgħarraqha ftit tal-​bluha.” (Koħèlet 10:1) Iva, anki “ftit tal-​bluha,” bħal ngħidu aħna xi ġesti mhux xierqa jew ksuħat żejda mas-​sess oppost, tistaʼ tħassar ir-​reputazzjoni taʼ wieħed “għaref.” (Ġob 31:1) Għalhekk, uri li int matur billi tipprova tkun eżemplari f’kulma tagħmel, u tevita saħansitra dak kollu li jidher ħażin.—1 Tessalonikin 5:22.

Uħud Leali

Kristjan matur huwa wkoll leali. Bħalma naqraw f’Efesin 4:​24, l-​appostlu Pawlu jħeġġeġ lill-​Kristjani: ‘Ilbsu l-​bniedem il-​ġdid, maħluq skond Alla, fil-​ġustizzja u l-​qdusija tassew.’ Fl-​Iskrittura Griega, il-​kelma għal “qdusija” fil-​lingwa oriġinali ġġorr il-​ħsieb taʼ lealtà, tjieba, u rispett kbir. Wieħed leali, jew qaddis, huwa devot, reliġjuż; hu jwettaq bir-​reqqa d-​dmirijiet kollha tiegħu lejn Alla.

F’liema aspetti tistaʼ tiżviluppa lealtà bħal din? Wieħed minnhom hu billi tikkoopera maʼ l-​anzjani tal-​kongregazzjoni lokali tiegħek. (Lhud 13:17) Il-​Kristjani maturi jirrikonoxxu li Kristu huwa l-​Kap maħtur tal-​kongregazzjoni Kristjana, u għalhekk huma leali lejn dawk li jinħatru biex ‘jirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla.’ (Atti 20:28) Kemm ma tkunx ħaġa f’lokha li nisfidaw jew inwaqqgħu l-​awtorità taʼ dawn l-​anzjani maħturin! Għandna nħossu wkoll sens taʼ lealtà lejn l-​ilsir leali u diskret u l-​mezzi wżati biex l-​ikel jitqassam “fil-​ħin.” (Mattew 24:45) Kun pront biex taqra u tapplika l-​informazzjoni li nsibu f’It-Torri taʼ l-​Għassa u l-​pubblikazzjonijiet l-​oħrajn imseħbin miegħu.

Nuru Mħabba bl-​Azzjonijiet Tagħna

Pawlu kiteb lill-​Kristjani f’Tessalonika: “Qiegħda toktor fostkom ilkoll l-​imħabba li kull wieħed minnkom għandu għall-​ieħor.” (2 Tessalonikin 1:3) Wieħed mill-​iktar aspetti importanti fl-​iżvilupp spiritwali hu li nikbru fl-​imħabba. Skond Ġwann 13:​35, Ġesù qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” Din l-​imħabba fraterna ma tingħarafx biss mill-​emozzjonijiet jew mis-​sentimenti. Bħalma josserva l-​Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words: “L-​imħabba tingħaraf biss mill-​azzjonijiet li tqanqal.” Iva, f’dan l-​aspett int tistaʼ timxi ’l quddiem lejn il-​maturità billi turi l-​imħabba bil-​mod li taġixxi!

Per eżempju, f’Rumani 15:​7, naqraw: “Ilqgħu lil xulxin.” Mod wieħed kif nistgħu nuru l-​imħabba hu fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, billi nifirħu bi sħabna fit-​twemmin u bi wħud ġodda, b’qalbna kollha u mimlijin entużjażmu! Sir afhom personalment. Ħu interess persunali fl-​oħrajn. (Filippin 2:4) Forsi tistaʼ tkun ospitabbli wkoll u tistieden lil uħud differenti f’darek. (Atti 16:​14, 15) Kultant, inkunu nistgħu naraw safejn twassal l-​imħabba tagħna meta jonqosna xi ħadd. Imma iktar ma titgħallem tissaporti bl-​imħabba, iktar tibda turi li qed tikber.—Efesin 4:2.

Nużaw Dak li Għandna biex Navanzaw il-​Qima Pura

Fiż-​żminijiet tal-​qedem, mhux in-​nies kollha taʼ Jehovah kienu jwettqu r-​responsabbiltà tagħhom li jappoġġaw it-​tempju taʼ Jehovah. Għalhekk, Alla bagħat xi profeti, bħal Ħaggaj u Malakija, biex iqanqlu lin-​nies Tiegħu f’dan ir-​rigward. (Ħaggaj 1:​2-6; Malakija 3:10) Illum, il-​Kristjani maturi jużaw il-​ġid materjali tagħhom bil-​ferħ biex jappoġġaw il-​qima taʼ Jehovah. Imita lil uħud bħal dawn billi timxi fuq il-​prinċipju li nsibu fl-​1 Korintin 16:​1, 2, billi ‘twarrab xi ħaġa’ bħala kontribuzzjoni għall-​kongregazzjoni jew għax-​xogħol li x-​Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu mad-​dinja kollha. Il-​Kelma t’Alla twiegħed: “Min jiżraʼ ftit, jaħsad ftit; u min jiżraʼ ħafna, jaħsad ħafna.”—2 Korintin 9:6.

Tinjorax l-​affarijiet importanti l-​oħrajn li tippossiedi, bħall-​ħin u l-​enerġija li għandek. Ipprova ixtri l-​ħin minn attivitajiet li huma inqas importanti. (Efesin 5:​15, 16; Filippin 1:10) Tgħallem agħmel użu iktar siewi minn ħinek. Dan għandu mnejn jgħinek tieħu sehem fi proġetti taʼ manutenzjoni tas-​Sala tas-​Saltna u attivitajiet simili oħrajn li jkomplu jġibu ’l quddiem il-​qima taʼ Jehovah. Jekk tuża dak li għandek b’dan il-​mod tkompli turi li qed issir Kristjan matur.

Imxi ’l Quddiem Lejn il-​Maturità!

X’barka kbira huma dawk in-​nisa u l-​irġiel li huma attenti u jistudjaw, huma xandâra żelużi, iżommu l-​integrità tagħhom bla tebgħa, huma leali u juru mħabba, u lesti li jappoġġaw materjalment u fiżikament ix-​xogħol tas-​Saltna! Mhux taʼ b’xejn mela li l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ: “Mela ħallina mill-​ewwel elementi tat-​tagħlim taʼ Kristu, u nimxu ’l quddiem lejn dak li hu l-​aktar perfett [jew, il-​maturità].”—Lhud 6:1.

Int Kristjan matur? Jew f’ċertu affarijiet għadek bħal tarbija spiritwali? (Lhud 5:13) Fi kwalunkwe każ, kun determinat biex kemm jistaʼ jkun tagħmel studju persunali, tippriedka, u turi mħabba lejn ħutek. Ilqaʼ kwalunkwe parir u dixxiplina li tingħata minn uħud maturi. (Proverbji 8:33) Erfaʼ r-​responsabbiltà kollha tiegħek bħala Kristjan. Biż-​żmien u bi sforz, int ukoll ‘tasal biex issir ħaġa waħda fil-​fidi u fl-​għarfien taʼ l-​Iben t’Alla; issir raġel li kiber għalkollox, fl-​aħjar taʼ żmienu. U hekk isseħħ il-​milja taʼ Kristu.’—Efesin 4:13.

[Kumment f’paġna 27]

Il-​Kristjani maturi jgħinu lill-​kongregazzjoni tkun iktar soda. Huma jħallu effett pożittiv fuq id-​dispożizzjoni, jew l-​attitudni ġenerali, tal-​kongregazzjoni.

[Stampi f’paġna 29]

Uħud maturi jgħinu biex fil-​kongregazzjoni jkun hemm spirtu taʼ mħabba billi jieħdu interess persunali f’oħrajn